Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Previżjoni Ekonomika tax-Xitwa 2017: Navigar f'baħar imċaqlaq

Brussell, it-13ta' frar 2017

L-ekonomiji tal-Istati Membri kollha tal-UE huma mistennija jikbru fl-2016, l-2017 u l-2018

Wara li wera reżiljenza għall-isfidi globali tas-sena li għaddiet, l-irkupru ekonomiku Ewropew huwa mistenni li jkompli din is-sena u li jmiss: għall-ewwel darba fi kważi għaxar snin, l-ekonomiji tal-Istati Membri kollha tal-UE huma mistennija li jikbru matul il-perjodu ta' previżjoni kollu (2016, 2017 u 2018). Madankollu, l-istampa ġenerali hija mdawra b'inċertezza ogħla mis-soltu.

Il-PDG reali taż-żona tal-euro kiber għal 15-il trimestru konsekuttiv, l-impjieg qed jiżdied b'ritmu sod u l-qgħad qed ikompli jonqos, għalkemm għadu ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi. Il-konsum privat għadu l-mutur tal-irkupru. It-tkabbir tal-investiment għadu għaddej iżda għadu dgħajjef.

Fil-Previżjoni tax-Xitwa tagħha li qed tiġi ppubblikata llum, il-Kummissjoni Ewropea tistenna tkabbir fil-PDG taż-żona tal-euro ta' 1.6 % fl-2017 u 1.8 % fl-2018. Dan huwa kemxejn rivedut mill-Previżjoni tal-Ħarifa (2017: 1.5 %, 2018: 1.7 %) bis-saħħa ta' prestazzjoni aħjar milli mistenni fit-tieni nofs tal-2016 u bidu pjuttost robust fl-2017. It-tkabbir tal-PDG fl-UE b'mod ġenerali huwa mistenni li jsegwi xejra simili u huwa mbassar għal 1.8% din is-sena, 1.6% fl-2017 u 1.8% fl-2018 (il-Previżjoni tal-Ħarifa: 2017: 1.6 %, 2018: 1.8 %).

Ir-riskji f'dawn il-projezzjonijiet huma eċċezzjonalment kbar u għalkemm żdiedu kemm ir-riskji pożittivi u dawk negattivi, il-bilanċ ġenerali jibqa' inklinat ‘l isfel.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, responsabbli wkoll għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali qal: “L-irkupru ekonomiku fl-Ewropa jkompli għall-ħames sena konsekuttiva. F'dawn iż-żminijiet ta' inċertezza kbira, madankollu, huwa importanti li l-ekonomiji Ewropej jibqgħu kompetittivi u kapaċi jadattaw għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu. Dan jirrikjedi sforz kontinwu ta' riforma strutturali. Jeħtieġ ukoll li niffukaw fuq tkabbir inklussiv, li jiżgura li l-irkupru qed jinħass minn kulħadd. B'titjib fl-inflazzjoni minn livelli baxxi, ma nistgħux nistennew stimolu monetarju attwali li jibqa' għal dejjem. Għaldaqstant, il-pajjiżi b'livelli għolja ta' defiċit u dejn għandhom jkomplu jnaqqsu dawn il-livelli biex isiru aktar reżiljenti għax-xokkijiet ekonomiċi.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “L-ekonomija Ewropea wriet reżiljenza għax-xokkijiet numerużi li esperjenzat matul is-sena li għaddiet. It-tkabbir żamm il-pass tiegħu u l-qgħad u d-defiċits kull ma jmur qed jonqsu. Iżda b'livelli daqshekk għolja ta' inċertezza, huwa iktar importanti minn qatt qabel li nużaw l-għodod politiċi kollha biex nappoġġaw it-tkabbir. Fuq kollox, għandna niżguraw li l-benefiċċji jinħassu fil-partijiet kollha taż-żona tal-euro u fis-segmenti kollha tas-soċjetà.”

L-irkupru globali huwa mistenni li jżid ir-ritmu

Il-prospetti ta' tkabbir għal ekonomiji avvanzati barra l-UE tjiebu matul dawn l-aħħar xhur, prinċipalment minħabba l-aspettattivi ta' stimulu fiskali fl-Istati Uniti, li rriżultaw f'rati ogħla tal-imgħax għal żmien twil u apprezzament tad-dollaru Amerikan. It-tkabbir f'ekonomiji tas-suq emerġenti huwa wkoll mistenni li jissoda sal-2018, minkejja li fi gradi differenti skont il-pajjiżi u r-reġjuni. B'mod ġenerali, dan jista' jagħti spinta għall-esportazzjonijiet Ewropej ta' prodotti u servizzi wara 2016 dgħajjef.

L-inflazzjoni mistennija tiżdied

L-inflazzjoni fiż-żona tal-euro riċentement żdiedet billi t-tnaqqis li kien hemm fil-prezzijiet tal-enerġija reċentament inbidel f'żieda. Wara li kienet baxxa ħafna matul dawn l-aħħar sentejn, l-inflazzjoni hija issa mistennija tilħaq livelli ogħla din is-sena u s-sena d-dieħla, għalkemm xorta waħda ma tilħaqx il-mira ta' “anqas minn, jew qrib it-2 % fuq żmien medju” definita bħala stabbiltà tal-prezzijiet. L-inflazzjoni prinċipali, li teskludi prezzijiet volatili tal-ikel u tal-enerġija, hi mistennija tiżdied biss b'mod gradwali. B'mod ġenerali, l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro hija mistennija li tiżdied minn 0.2 % fl-2016 għal 1.7 % fl-2017 u għal 1.4% fl-2018. Fl-UE, l-inflazzjoni hija prevista li tiżdied minn 0,3% fl-2016 għal 1.8 % fl-2017 u 1.7% fl-2018.

Id-domanda domestika tibqa' s-sinsla tat-tkabbir ekonomiku

Il-konsum privat huwa mistenni li jibqa' l-mutur ewlieni għat-tkabbir, sostnut minn titjib fl-impjiegi u żieda fit-tkabbir tal-paga nominali. Madankollu, billi l-inflazzjoni qed togħla u trażżan iż-żieda tal-poter tal-akkwist domestiku din is-sena u s-sena d-dieħla, it-tkabbir tal-konsum privat huwa mistenni li jonqos.

L-investiment huwa mistenni li jkompli jikber, iżda biss moderatament, appoġġat minn numru ta' fatturi bħal spejjeż ta' finanzjament baxxi ħafna u tisħiħ tal-attività globali. Il-proġetti ffinanzjati taħt il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għandhom isostnu dejjem iktar l-investiment pubbliku u privat hekk kif jimxu mill-approvazzjoni għall-implimentazzjoni. B'mod ġenerali, l-investiment fiż-żona tal-euro huwa previst li jikber bi 2.9 % din is-sena u bi 3.4 % fl-2018 (2.9 % u 3.1 % fl-UE), żieda ta' 8.2 % s'issa mill-bidu tal-irkupru kmieni fl-2013. Madankollu, is-sehem tal-investiment fil-PDG għadu ħafna inqas mill-valur tiegħu fil-bidu ta' dan is-seklu (20% fl-2016 meta mqabbel ma' 22% fil-perjodu 2000-2005). Din id-dgħufija persistenti fl-investiment titfa' dell fuq is-sostenibbiltà tal-irkupru u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomija.

Aktar tkabbir fl-impjiegi jgħin biex jitnaqqas il-qgħad

L-irkupru ekonomiku qed ikompli jkollu effetti pożittivi b'saħħithom fuq is-swieq tax-xogħol, wara riformi strutturali estensivi f'bosta Stati Membri. It-tkabbir tal-impjiegi huwa mbassar li se jibqa' relattivament solidu, għalkemm kemxejn inqas dinamiku fl-2017 u fl-2018 mis-sena l-oħra. Il-qgħad fiż-żona tal-euro huwa previst li jkompli jonqos, minn 10.0 % fl-2016 għal 9.6 % din is-sena u 9.1 % fl-2018. Fl-UE kollha, l-inflazzjoni hija mbassra li tiżdied minn 8.5 % fl-2016 għal 8.1 % fl-2017 u 7.8 % fl-2018. Dawn huma ċ-ċifri l-aktar baxxi ta' qgħad sa mill-2009 iżda għadhom ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi.

It-tnaqqis tad-dejn sovran u d-defiċits pubbliċi

Id-defiċit pubbliku aggregat fiż-żona tal-euro u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huma mistennija li jonqsu aktar fl-2017 u fl-2018. Id-defiċit pubbliku għaż-żona tal-Ewro huwa mistenni li jonqos minn 1.7 % tal-PDG din is-sena għal 1.4 % kemm fl-2017 u fl-2018. Dan it-tnaqqis jirrifletti nfiq aktar baxx fuq l-imgħax minħabba r-rati tal-interessi eċċezzjonalment baxxi. Dan jirrifletti wkoll aktar titjib fis-suq tax-xogħol: iktar nies qed iħallsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet, u anqas qed jirċievu trasferimenti soċjali. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni li jonqos b'mod gradwali minn 91.5 % fl-2016 għal 90.4% fl-2017 u għal 89.2 % fl-2018.

Espansjoni tal-ekonomiji tal-Istati Membri kollha

Għall-ewwel darba mill-2008, il-punti ta' previżjoni tal-Kummissjoni jiġbdu l-attenzjoni lejn tkabbir ekonomiku madwar l-Istati Membri kollha tal-UE għall-perjodu kollu ta' tbassir (2016, 2017, 2018). Anki dawk l-Istati Membri l-aktar milquta matul ir-riċessjoni huma mistennija wkoll li jkunu rritornaw lejn it-tkabbir fis-sena li għaddiet. L-impatt tal-apprezzament tad-dollaru Amerikan u rati tal-imgħax ogħla għal żmien twil jista', b'dana kollu, iżid id-differenzi fir-rati ta' tkabbir bejn l-Istati Membri.

Riskji eċċezzjonali jiċċirkondaw il-previżjoni tax-xitwa

L-inċertezza partikolarment għolja madwar din il-Previżjoni tax-Xitwa hija dovuta għall-intenzjonijiet tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti f'oqsma ta' politika ewlenin li għad iridu jiġu kkjarifikati, kif ukoll għall-għadd kbir ta' elezzjonijiet li ser isiru fl-Ewropa din is-sena u s-sena d-dieħla u n-negozjati li ġejjin tal-”Artikolu 50” mar-Renju Unit.

Il-bilanċ tar-riskji jibqa' negattiv minkejja li żdiedu kemm ir-riskji pożittivi u dawk negattivi. Fuq medda qasira ta' żmien, l-istimulu fiskali fl-Istati Uniti jista' jkollu impatt aktar qawwi fuq it-tkabbir milli mistenni bħalissa. F'terminu medju, ir-riskji għall-prospetti tat-tkabbir jirriżultaw minn konsegwenzi tal-kriżijiet riċenti; il-vot tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni Ewropea; tfixkil potenzjali għall-kummerċ; issikkar monetarju aktar mgħaġġel fl-Istati Uniti, li jista' jkollu influwenza negattiva fuq ekonomiji tas-suq emerġenti; u l-konsegwenzi potenzjali ta' dejn għoli u li qed jiżdied fiċ-Ċina.

L-isfond

Din il-previżjoni hi bbażata fuq sett ta' suppożizzjonijiet esterni li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati ta' mgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet b'data limitu tal-1 ta' Frar 2017. Iċ-ċifri li ntużaw jirriflettu aspettatyivi tas-suq li joriġinaw mis-swieq tad-derivattivi fiż-żmien tal-previżjoni. Rigward id-dejta kollha l-oħra li qed tintuża bħala input, inkluża s-suppożizzjoni dwar il-politiki tal-gvern, il-previżjoni tqis l-informazzjoni sa u inkluż l-1 ta' Frar 2017. Huma inkorporati biss politiki mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati b'dettall xieraq. Il-projezzjonijiet ma jassumu l-ebda bidliet tal-politika.

IP/17/251

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Documents


WF17 Tables_en.pdf