Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ekonomija tas-servizzi effikaċi għall-Ewropej

Brussell, I-10ta' jannar 2017

Illum il-Kummissjoni qed tressaq pakkett ambizzjuż u bilanċjat ta' miżuri li se jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji u għall-professjonisti biex jipprovdu servizzi lil bażi ta' konsumaturi potenzjali ta' 500 miljun ruħ fl-UE.

Din hu impetu ġdid għas-settur tas-servizzi li għandu jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi, għan-nies li qed ifittxu x-xogħol kif ukoll għan-negozji, u li jiġġenera tkabbir ekonomiku fl-Ewropa.

Bħala parti mill-pjan direzzjonali stabbilit fl-Istrateġija tas-Suq Uniku, il-proposti tal-lum iwasslu r-riżultati mistennija mill-impenn politiku tal-President Juncker biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku u jagħmlu l-punt tat-tluq biex l-Ewropa tistagħna fl-ekonomija globali. Din il-mira ġiet ikkonfermata mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2015, Ġunju 2016 u Diċembru 2016. Il-miżuri proposti għandhom l-għan li jagħmluha eħfef għall-fornituri tas-servizzi biex iwettqu l-formalitajiet amministrattivi, u li jgħinu lill-Istati Membri jidentifikaw ir-rekwiżiti antikwati u onerużi wisq fuq il-professjonisti li joperaw domestikament jew b'mod transkonfinali. Minflok ma temenda r-regoli eżistenti tal-UE fil-qasam tas-servizzi, il-Kummissjoni qed tiffoka fuq l-iżgurar li dawn jiġu applikati aħjar, peress li ntwera li l-implimentazzjoni sħiħa tal-potenzjal ta' dawn ir-regoli għandha tagħti spinta sinifikanti lill-ekonomija tal-UE.

Il-Viċi-President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal li: “L-ostakli għall-kummerċ fis-servizzi huma ostakli wkoll għall-kompetittività. Jekk isir użu aħjar tas-Suq Uniku għas-Servizzi, dan għandu jgħin lin-negozji Ewropej fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir transkonfinali tagħhom, fejn joffru għażla usa' ta' servizzi bi prezzijiet aħjar, filwaqt li jżommu standards għolja għall-konsumaturi u l-ħaddiema. Illum qed nipproponu li l-proċeduri għall-fornituri transkonfinali jiġu ssimplifikati, kif ukoll mod ġdid u modern kif l-Istati Membri jistgħu jaħdmu flimkien biex jirregolaw is-setturi tas-servizzi tagħhom.”

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet li: "Is-servizzi jirrappreżentaw żewġ terzi tal-ekonomija tal-UE u jiġġeneraw 90% tal-impjiegi ġodda. Iżda s-Suq Uniku - dan il-ġojjell li ta' spiss jiġi injorat - mhux jaħdem tajjeb għas-servizzi. B'riżultat ta' dan, mhux qed nisfruttaw potenzjal qawwi għat-tkabbir u l-impjiegi. Illum qed nagħtu impetu ġdid lis-settur tas-servizzi biex l-Ewropa ssir ċentru globali għall-forniment, ix-xiri u l-iżvilupp ta' servizzi ġodda.”

L-erba' inizjattivi konkreti li ġew adottati mill-Kummissjoni llum huma:

  • e-Card Ewropea tas-Servizzi ġdida: Proċedura elettronika simplifikata għandha tagħmilha aktar faċli għall-fornituri ta' servizzi ta' negozju (eż. kumpaniji tal-inġinerija, konsulenti tal-informatika, organizzaturi ta' wirjiet tan-negozju) u ta' servizzi ta' kostruzzjoni biex iwettqu l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa biex jipprovdu s-servizzi f'pajjiżi barranin. Il-fornituri tas-servizzi jkollhom sempliċement jikkollaboraw ma' interlokutur uniku f'pajjiżhom u bil-lingwa tagħhom stess. L-interlokatur tal-pajjiż tal-oriġini mbagħad jivverifika d-dejta meħtieġa u jittrażmettiha lill-Istat Membru ospitanti. L-Istat Membru ospitanti jibqa' jżomm is-setgħa attwali li japplika rekwiżiti regolatorji domestiċi u li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax joffri s-servizzi fit-territorju tiegħu. L-e-Card ma għandhiex taffettwa l-obbligi eżistenti tal-impjegatur jew id-drittijiet tal-ħaddiema.
  • Valutazzjoni tal-proporzjonalità tar-regoli nazzjonali dwar is-servizzi professjonali: Madwar 50 miljun ruħ - 22% tal-forza tax-xogħol Ewropea - jaħdmu fi professjonijiet li għalihom l-aċċess jiddependi mill-pussess ta' kwalifiki speċifiċi jew li għalihom huwa protett l-użu ta' titlu speċifiku, eż. l-ispiżjara u l-periti. Ir-Regolament ta' spiss jiġi ġustifikat għal għadd ta' professjonijiet, pereżempju dawk marbuta mas-saħħa u mas-sigurtà. Iżda hemm ħafna każijiet fejn regoli antikwati u onerużi bla bżonn jistgħu jagħmluha diffiċli wisq għal kandidati kwalifikati biex jiksbu l-aċċess għal dawn l-impjiegi. Dan ikun ukoll għad-detriment tal-konsumaturi. L-UE ma tirregolarizza jew tidderegolarizza l-ebda professjoni - din tibqa' prerogattiva nazzjonali. Iżda skont il-liġi tal-UE, l-Istat Membru jeħtieġ li jistabbilixxi jekk ir-rekwiżiti professjonali nazzjonali ġodda humiex verament meħtieġa u proporzjonali. Biex jiġi żgurat approċċ koerenti u konsistenti, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li jiġi simplifikat u ċċarat kif l-Istati Membri għandhom iwettqu test tal-proporzjonalità komprensiv u trasparenti qabel ma jadottaw jew jemendaw ir-regoli nazzjonali dwar is-servizzi professjonali.
  • Gwida għal riformi nazzjonali fir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet: L-eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka li l-Istati Membri wettqu bejn l-2014 u l-2016 wera li l-Istati Membri li fetħu s-swieq tas-servizzi tagħhom (eż. l-Italja, il-Polonja, il-Portugall u Spanja) issa qed jibbenefikaw minn għażla akbar ta' servizzi bi prezz aħjar, filwaqt li żammew standards għolja għall-konsumaturi u l-ħaddiema. Illum il-Kummissjoni toffri gwida dwar l-eżiġenzi ta' riforma nazzjonali fir-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali b'potenzjal għoli ta' tkabbir u impjiegi: il-periti, l-inġiniera, l-avukati, l-accountants, l-aġenti tal-privattivi, l-aġenti tal-proprjetà immobbli u l-gwidi turistiċi. L-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw jekk ir-rekwiżiti professjonali jwettqux l-għanijiet nazzjonali ddikjarati tal-ordni pubbliku. Din il-gwida tikkumplimenta l-evalwazzjonijiet tas-Semestru Ewropew billi tindirizza b'mod speċifiku r-rekwiżiti applikabbli għal dawn il-professjonijiet.
  • Notifika aħjar tal-abbozzi ta' liġijiet nazzjonali dwar is-servizzi: Il-liġi tal-UE diġà teħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-abbozzi ta' regoli nazzjonali dwar is-servizzi, u b'hekk jagħtu lill-eżekuttiv tal-UE u lill-Istati Membri l-oħra l-opportunità li jqajmu tħassib potenzjali dwar inkonsistenzi possibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE sa minn kmieni fil-proċess. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi titjib f'dan il-mekkaniżmu biex il-proċess isir aktar puntwali, effettiv u trasparenti.

Informazzjoni ta' sfond

Filwaqt li s-servizzi jirrappreżentaw żewġ terzi tal-ekonomija tal-UE u jammontaw għal 90 % tal-ħolqien ta' impjiegi, is-settur tas-servizzi għandu prestazzjoni baxxa. It-tkabbir tal-produttività f'dan is-settur huwa baxx u l-bqija tad-dinja qed tirkupra. L-ostakoli jwaqqfu lill-kumpaniji milli jistabbilixxu u jespandu, u jwasslu għal prezzijiet ogħla u għal inqas għażla għall-konsumaturi. Barra minn hekk, il-prestazzjoni tal-manifattura hija dejjem aktar marbuta mal-kompetittività tas-servizzi. Għalhekk, l-ostakli għall-kummerċ fis-servizzi fis-Suq Uniku huma ostakli wkoll għall-kompetittività tas-settur tal-manifattura tal-UE. Biex tingħeleb din ix-xejra u jinħolqu aktar impjiegi u tkabbir, l-Istati Membri jeħtiġilhom jistimulaw l-iżvilupp tal-ekonomija tas-servizzi u jagħmlu użu aħjar tal-potenzjal tas-Suq Uniku għas-Servizzi.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsijiet Frekwenti – MEMO/17/11

Proposta għal e-Card tas-Servizzi

Proposta għal Proċedura ta' Notifika tas-Servizzi

Proposta għal Test tal-Proporzjonalità

Gwida dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali

Factsheet

IP/17/23

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar