Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Suq Uniku Diġitali: In-negozjaturi tal-UE jaqblu dwar regoli ġodda li jippermettu lill-Ewropej jivvjaġġaw u jibbenefikaw mis-servizzi tal-kontenut onlajn lil hinn mill-fruntieri nazzjonali

Brussell, is-7ta' frar 2017

Ir-regoli se jirriflettu modi ġodda kif l-Ewropej igawdu onlajn is-servizzi kulturali u ta' divertiment meta huma jivvjaġġaw fl-UE.

L-Ewropej dalwaqt se jkunu jistgħu jużaw l-abbonamenti onlajn tagħhom f'films, avvenimenti sportivi, kotba elettroniċi, logħob tal-vidjow jew servizzi tal-mużika meta jivvjaġġaw fi ħdan l-UE, skont il-ftehim milħuq illejla min-negozjaturi tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa l-ewwel ftehim marbut mal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur kif propost mill-Kummissjoni fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali.

Il-Viċi President responsabbli għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip laqa' l-ftehim li ntlaħaq ġimgħa biss wara qbil dwar it-tariffi tar-roaming bl-ingrossa: “Il-ftehim tal-lum se jġib benefiċċji konkreti għall-Ewropej. In-nies li jkunu abbonaw fis-sensiliet, fil-mużika u fl-avvenimenti sportivi favoriti tagħhom f'pajjiżhom, se jkunu jistgħu jgawduhom meta jivvjaġġaw fl-Ewropa. Dan hu pass importanti fit-tneħħija tal-ostakli fis-Suq Uniku Diġitali. Nirringrazzja minn qalbi lir-relatur tal-Parlament Ewropew Jean-Marie Cavada, lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE u lil dawk kollha involuti biex jintlaħaq il-kompromess tal-lum. Issa hemm bżonn ta' ftehimiet dwar il-proposti l-oħra tagħna biex nimmodernizzaw ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u niżguraw aċċess usa' għall-kontenut kreattiv minn naħa għal oħra tal-fruntieri. Jien norbot fuq il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex dan nagħmluh possibbli”.

Il-Kummissarju Tibor Navracsics, responsabbli għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qal: “It-teknoloġiji diġitali jipprovdu opportunitajiet ġodda biex jitgawda l-kontenut kulturali waqt l-ivvjaġġar, u n-nies huma ħerqana biex jużawhom. Il-Ftehim tal-lum jiftaħ bibien ġodda għaċ-ċittadini filwaqt li fl-istess ħin iħares lil dawk li joħolqu l-kontenut kulturali jew sportiv u lil dawk li jinvestu fil-produzzjoni tiegħu. Din is-soluzzjoni ekwilibrata hija sinjal inkoraġġanti għall-isforzi tagħna biex nibnu Suq Uniku Diġitali li joffri opportunitajiet ġodda kemm għall-ħallieqa kif ukoll għall-konsumaturi.”

Ir-regoli l-ġodda dwar il-portabbiltà se jkunu addattati għall-mod ġdid kif l-Ewropej qed igawdu l-kontenut kulturali u ta' divertiment. Fl-2016, 64 % tal-Ewropej użaw l-internet biex jilagħbu l-logħob, jaraw ir-ritratti jew il-films jew jisimgħu l-mużika, jew jiddawnlowdjaw dan kollu. Dan għamluh dejjem aktar permezz tal-apparati mobbli. Fi stħarriġ li sar fl-2015, wieħed minn kull tliet Ewropej riedu l-portabbiltà transkonfinali. Għaż-żgħażagħ, din il-possibbiltà hija saħansitra aktar importanti. Nofs il-persuni li għandhom bejn 15 u 39 sena jaħsbu li l-portabbiltà u l-aċċess għas-servizz li huma jabbonaw fih meta jivvjaġġaw huma importanti.

Ir-Regolament futur se jippermetti li l-konsumaturi jkollhom aċċess għas-servizzi tal-kontenut onlajn tagħhom meta jivvjaġġaw fl-UE bl-istess mod kif ikollhom aċċess għal dawn is-servizzi f'pajjiżhom. Ngħidu aħna, meta konsumatur Franċiż jabbona fis-servizzi onlajn ta' Canal+ biex jara l-films u s-sensiliet, l-utent se jkun jista' jaċċessa l-films u s-sensiliet disponibbli fi Franza meta jmur fuq btala fil-Kroazja jew meta jivvjaġġa lejn id-Danimarka fuq xogħol.

Il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut onlajn bħal Netflix, MyTF1 jew Spotify se jivverifikaw il-pajjiż ta' residenza tal-abbonat billi jużaw mezzi bħad-dettalji tal-pagament jew l-eżistenza ta' kuntratt tal-internet jew billi jiċċekkjaw l-indirizz tal-IP. Il-fornituri kollha li joffru servizzi ta' kontenut onlajn bi ħlas se jkollhom isegwu r-regoli l-ġodda. Is-servizzi pprovduti bla ħlas (bħas-servizzi online tal-istazzjonijiet pubbliċi tat-televiżjoni jew tar-radju) se jkollhom il-possibbiltà li jiddeċiedu li jipprovdu wkoll il-portabbiltà lill-abbonati tagħhom.

Il-passi li jmiss

It-test miftiehem għandu issa jiġi formalment ikkonfermat mill-Kunsill tal-UE u mill-Parlament Ewropew. Ladarba jiġi adottat, ir-regoli se jsiru applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2018 minħabba li r-Regolament jagħti lill-fornituri u lid-detenturi tad-drittijiet perjodu ta' 9 xhur biex jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.

Sfond

F'Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Regolament biex min jivvjaġġa fl-UE jingħata aċċess usa' għall-kontenut onlajn. Din kienet l-ewwel proposta legali tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, li tlestiet f'Settembru 2016 permezz ta' modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur bil-għan li jiżdiedu d-diversità kulturali fl-Ewropa u l-kontenut disponibbli onlajn, filwaqt li jinħolqu regoli aktar ċari għall-utenti kollha onlajn. Ir-Regolament jolqot dawk is-servizzi tal-kontenut onlajn fejn l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur hija l-aktar rilevanti. Dawn jistgħu jkunu l-pjattaformi tal-video-on-demand (Netflix, HBO Go, Amazon Prime, Mubi, Chili TV), is-servizzi tat-televiżjoni onlajn (Viasat's Viaplay, Sky's Now TV, Voyo), is-servizzi ta' streaming mużikali (Spotify, Deezer, Google Music) jew is-swieq onlajn tal-logħob (Steam, Origin). Il-karatteristika prinċipali ta' dawn is-servizzi hija li jipprovdu aċċess għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, kif ukoll għas-servizzi tal-media awdjoviżiva.

Il-possibbiltà li jkun hemm aċċess għal servizzi ta' kontenut onlajn waqt l-ivvjaġġar se tkun saħansitra iktar importanti mill-15 ta' Ġunju 2017 meta jidħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda dwar ir-roaming. Minn dan il-jum, in-nies li jivvjaġġaw perjodikament se jħallsu prezzijiet domestiċi għall-internet mobbli, soġġett għall-użu ġust, irrispettivament minn fejn ikunu qed jivvjaġġaw fl-UE (ara l-istqarrija għall-istampa reċenti).

Għal aktar tagħrif

Regolament dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern

MEMO/17/243

Factsheet

IP/17/225

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar