Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Polonja minħabba miżuri li jolqtu l-ġudikatura

Brussell, id-29ta' lulju 2017

Il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura kontra l-Polonja billi bagħtet Ittra ta' Intimazzjoni, b'segwitu tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali Pollakk tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, nhar il-Ġimgħa 28 ta' Lulju.

L-awtoritajiet Pollakki għandhom xahar biex iwieġbu l-Ittra ta' Intimazzjoni.

It-tħassib legali ewlieni identifikat mill-Kummissjoni fil-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ordinarji huwa marbut mad-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi, minħabba l-introduzzjoni ta' età tal-irtirar differenti għall-membri tal-ġudikatura nisa (60 sena) u l-membri tal-ġudikatura rġiel (65 sena). Dan imur kontra l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-Direttiva 2006/54 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-post tax-xogħol. Fl-Ittra ta' Intimazzjoni, il-Kummissjoni ssemmi wkoll it-tħassib dwar li permezz tal-għoti tas-setgħa diskrezzjonali lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jestendi il-mandat tal-membri tal-ġudikatura li jkunu laħqu l-età tal-irtirar, kif ukoll biex ikeċċi u jaħtar lill-Presidenti tal-Qrati, l-indipendenza tal-qrati Pollakki tista' tiġi mminata (ara l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) filmkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE). Ir-regoli l-ġodda jippermettu lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jeżerċita influwenza fuq il-membri tal-ġudikatura ordinarji individwali, b'mod partikolari permezz tal-kriterji vagi dwar l-estensjoni tal-mandati tagħhom u b'hekk, jiġi imminat il-prinċipju tas-sigurtà fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura. Filwaqt li tnaqqas l-età tal-irtirar, il-liġi tippermetti li l-mandat tal-membri tal-ġudikatura jiġi estiż mill-Ministru tal-Ġustizzja, sa 10 snin għall-membri tal-ġudikatura nisa u sa ħames snin għall-membri tal-ġudikatura rġiel. Barra minn hekk, il-Ministru tal-Ġustizzja ma għandu l-ebda limitu ta' żmien biex jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-mandat, u dan jippermettilu li jżomm influwenza fuq il-membri tal-ġudikatura kkonċernati tul iż-żmien li jkun fadlilhom fil-mandat tagħhom.

Barra minn hekk, ilbieraħ, l-Ewwel Viċi President Frans Timmermans bagħat ittra lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Pollakk fejn tenna mill-ġdid l-istedina lilu u lill-Ministru tal-Ġustizzja Pollakk għal laqgħa fi Brussell mill-iktar fis possibbli min-naħa tagħhom biex jitnieda mill-ġdid id-djalogu. Kif qal fil-kuntest tad-djalogu dwar l-Istat tad-Dritt: “Il-Kummissjoni għadha tistenna b'idejha miftuħa lill-awtoritajiet Pollakki, bit-tama ta' djalogu kostruttiv.”

Il-pasi li jmiss

L-Ittra ta' Intimazzjoni tal-Kummissjoni titlob lill-Gvern Pollakk biex iwieġeb fi żmien xahar. Wara li teżamina t-tweġiba tal-Polonja, jew jekk ma jiġi ppreżentat l-ebda kumment fil-limitu taż-żmien stipulat, il-Kummissjoni tista' toħroġ Opinjoni Motivata, it-tieni stadju tal-proċedura ta' ksur.

Sfond

L-Erbgħa 26 ta' Lulju, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddeċieda li jiftaħ din il-proċedura ta' ksur, hekk kif ġiet ippubblikata l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Il-pubblikazzjoni saret fit-28 ta' Lulju.

Il-ksur huwa marbut mad-Djalogu li għaddej dwar l-Istat tad-Dritt imniedi mill-Kummissjoni f'Jannar 2016 u r-Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt maħruġa fis-26 ta' Lulju. L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqu twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Huwa minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont it-Trattati, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, hija responsabbli għall-garanzija tar-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni tagħna u biex tiżgura li l-liġi tal-UE, il-valuri u l-prinċipji jkunu rispettati. Avvenimenti fil-Polonja wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex f'Jannar 2016 tiftaħ djalogu mal-Gvern Pollakk, skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt. Il-Qafas – introdott mill-Kummissjoni fil-11 ta' Marzu 2014 – għandu tliet stadji (ara l-grafika fl-Anness 1). Il-proċess kollu huwa bbażat fuq djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni żżomm infurmati mill-qrib lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Anness I - Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt

1

 

Anness II - L-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

1.   Wara proposta motivata minn terz tal-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa tal-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista' jikkonstata li hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma' l-Istat Membru inkwistjoni u jista' jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skont l-istess proċedura.

Il-Kunsill għandu jivverifika regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

2.   Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta ta' terz tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista' jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkun stieden lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu.

3.   Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern tal-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista' jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' persuni ġuridiċi u fiżiċi.

L-obbligi tal-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

4.   Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista', sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu skont il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet sabiex dawn ikunu ttieħdu.

5.   L-arranġamenti tal-votazzjoni li, għall-fini ta' dan l-Artikolu, japplikaw għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill, huma stabbiliti fl-Artikolu 354 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

IP/17/2205

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar