Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni: Jeħtieġ li l-Istati Membri jibnu fuq riżultati inkoraġġanti

Brussell, it-8ta' frar 2017

Illum, il-Kummissjoni adottat id-disa' rapport ta' progress tagħha dwar l-iskemi ta' rilokazzjoni u ta' risistemazzjoni ta' emerġenza tal-UE, li vvaluta l-azzjonijiet li ttieħdu mit-8 ta' Diċembru 2016.

Matul il-perijodu ta' rappurtar, l-Istati Membri komplew iżidu l-isforzi tagħhom dwar risistemazzjoni li offrew rotot legali u sikuri lil 13,968 persuna s'issa. Fir-rigward tar-rilokazzjoni, inżammet ix-xejra pożittiva ġenerali ukoll b'3,813 rilokazzjoni addizzjonali li seħħew matul il-perjodu ta' rappurtar, u Diċembru ra l-ogħla numru għal xahar partikolari sa issa (1,926). L-għadd total ta' rilokazzjoni issa hu 11,966. Madankollu, għad hemm bżonn ta' aktar sforzi mill-Istati Membri biex jinżamm il-progress li sar u biex jintlaħqu l-miri ta' kull xahar stabbiliti mill-Kummissjoni ta' 1,000 rilokazzjoni mill-Italja u 2,000 mill-Greċja.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “L-aħħar xhur raw progress kemm fuq ir-rilokazzjoni kif ukoll fir-risistemazzjoni. Iżda biex l-isforzi tagħna jlaħħqu mal-iskala tal-isfida kemm fl-Istati Membri l-aktar esposti tal-UE kif ukoll fil-viċinat tagħna, jeħtieġ li jsir aktar, u aktar malajr. Ir-rilokazzjoni ta' dawk kollha eliġibbli fl-Italja u fil-Greċja huwa possibbli iżda hemm bżonn tar-rieda politika, l-impenn u l-perseveranza tal-Istati Membri kollha biex dan iseħħ.”

Rilokazzjoni

Matul il-perjodu tar-rapportar, kienu rilokati 3,813 persuna addizzjonali, li tellgħu l-għadd totali għal 11,966 (8,766 mill-Greċja u 3,200 mill-Italja). Filwaqt li Diċembru mmarka rekord ġdid għal rilokazzjonijiet kemm mill-Italja kif ukoll għall-Greċja, b'1,926 persuna rilokati (764 mill-Italja u 1,162 mill-Greċja), f'Jannar, 1,682 persuna ġew rilokati (551 mill-Italja u 1,131 mill-Greċja). F'Diċembru 2016, il-Kummissjoni appellat lill-Istati Membri biex b'mod individwali jżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-miri ta' 1,000 rilokazzjoni kull xahar mill-Italja u 2,000 mill-Greċja. L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati li kienu diġà qed jipparteċipaw b'mod attiv fl-iskema ta' rilokazzjoni rreaġixxew b'mod pożittiv għas-sejħa tal-Kummissjoni u kkomunikaw kull xahar l-impenji ppjanati tagħhom. Il-Finlandja pereżempju tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-obbligi tagħha għar-rilokazzjonijiet mill-Greċja (560 minn 1,299 rilokati sa issa) u l-Italja (359 minn 779). Madankollu għad hemm bżonn ta' żieda sinifikanti fl-impenn u fir-riżultati minn Stati Membri oħrajn, b'mod partikolari dawk li għadhom ma bdewx iwettqu rilokazzjonijiet.

Is-sejħiet ripetuti għal rilokazzjoni mgħaġġla u kostanti mill-Greċja u mill-Italja magħmula mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri tal-UE għandhom jiġu ssodisfati b'azzjoni determinata mis-servizzi nazzjonali kompetenti. L-Istati Membri għandhom ikomplu jibnu fuq ir-riżultati li nkisbu s'issa u għandhom jiżguraw li jagħmlu impenn u jittrasferixxu fuq bażi mensili stabbli u skont id-daqs tal-allokazzjoni tagħhom, biex b'hekk jitwettqu l-obbligi legali tagħhom u l-applikazzjoni ta' miżuri ta' solidarjetà fil-prattika. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u tippreżenta r-rapport li jmiss f'Marzu 2017.

Risistemazzjoni

L-Istati Membri komplew jipprovdu rotot sikuri u legali lejn l-Ewropa għan-nies li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali bi 13,968 mit-22,504 miftiehma risistemati sa issa taħt l-iskema ta' sistemazzjoni mill-ġdid tal-UE minn Lulju 2015. Mill-aħħar rapport, 913 persuna ġew risistemati l-aktar mit-Turkija, mill-Ġordan u mil-Libanu. Saru risistemazzjonijiet lejn 21 Stat ta' risistemazzjoni (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit). L-Iżvezja, ir-Renju Unit, il-Finlandja u n-Netherlands kif ukoll il-Pajjiżi Assoċjati l-Iżvizzera, il-Liechtenstein u l-Iżlanda diġà ssodisfaw l-impenji tagħhom.

L-għadd ta' risistemazzjonijiet mit-Turkija skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, inkluż fiċ-ċifra ġenerali tar-risistemazzjonijiet, kompla jiżdied u l-Istati Membri komplew javvanzaw b'mod tajjeb mat-tħejjija ta' operazzjonijiet oħrajn ta' risistemazzjoni. Mill-4 ta' April 2016, 3,098 Sirjan ġew risistemati mit-Turkija lejn l-UE, inklużi 487 sa mir-rapport preċedenti. L-awtoritajiet Torok qed iwettqu l-wegħda tagħhom biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu listi ikbar ta' kandidati għar-risistemazzjoni. L-Istati Membri jeħtieġu li jkomplu jwettqu l-impenji ta' risistemazzjoni tagħhom, inkluż bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

L-isfond

L-iskema ta' rilokazzjoni ta' emerġenza temporanja ġiet stabbilita f'żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill f'Settembru 2015, li fiha l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw lil persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja. Id-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni jikkonċernaw l-impenn għar-rilokazzjoni ta' 98,255 persuna wara li l-Kunsill adotta emenda għat-tieni Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni fid-29 ta' Settembru 2016 għal 54,000 post li għadhom mhux allokati disponibbli għar-rilokazzjoni bil-għan li s-Sirjani jiddaħħlu b'mod legali mit-Turkija lejn l-UE.

Fit-8 ta' Ġunju tal-2015, il-Kummissjoni adottat proposta dwar Skema Ewropea ta' Risistemazzjoni, li kienet segwita minn ftehim fost l-Istati Membri tal-20 ta' Lulju 2015 għar-risistemazzjoni ta' 22,504 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali.

Il-Kunsill Ewropew fis-7 ta' Marzu 2016 appella għal aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rilokazzjoni, sabiex titjieb is-sitwazzjoni umanitarja fil-Greċja. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 u l-21 ta' Ottubru, il-Kunsill Ewropew tenna s-sejħa tiegħu għal azzjoni ulterjuri biex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' rilokazzjoni u risistemazzjoni fid-dawl tal-bżonn urġenti li jiġi pprovdut appoġġ lill-Greċja u l-Italja. Il-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru approva l-Pjan ta' Azzjoni Konġunta dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, li kien jinkludi l-mira ta' rilokazzjoni ta' 2000 trasferiment għall-Greċja ta' kull xahar u tenna l-appell tiegħu biex jiġu intensifikati aktar l-isforzi sabiex tiġi aċċellerata r-rilokazzjoni, b'mod partikolari għal minorenni mhux akkumpanjati, u skemi ta' risistemazzjoni eżistenti.

Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016 tipprevedi li għal kull Sirjan li jiġi ritornat lit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor se jiġi risistemat mit-Turkija lejn l-UE. Dan il-prinċipju japplika mill-4 ta' April 2016. Tingħata prijorità lill-migranti li preċedentement ma kinux daħlu jew ipprovaw jidħlu fl-UE b'mod irregolari.

Fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni pproponiet Qafas ta' Risistemazzjoni tal-UE permanenti sabiex tistabbilixxi sett ta' proċeduri standard komuni għall-għażla ta' kandidati għar-risistemazzjoni u status komuni ta' protezzjoni għal persuni risistemati lejn l-UE sabiex jiġu integrati u ffokati aħjar l-isforzi ta' risistemazzjoni Ewropej fil-futur.

Fl-2016, il-Kummissjoni adottat l-Ewwel Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni. It-Tieni, it-Tielet, ir-Raba', il-Ħames, is-Sitt, is-Seba' u t-Tmien Rapporti ġew adottati rispettivament fit-12 ta' April, fit-18 ta' Mejju, fil-15 ta' Ġunju, fit-13 ta' Lulju, fit-28 ta' Settembru, fid-9 ta' Novembru u fit-8 ta' Diċembru 2016.

Għal iktar informazzjoni

Komunikazzjoni: Id-Disa' Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

Anness 1: Rilokazzjonijiet mill-Greċja

Anness 2: Rilokazzjonijiet mill-Italja

Anness 3: Is-Sitwazzjoni Attwali tar-Risistemazzjoni

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Greċja

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni ta' 40,000 persuna mill-Italja u l-Greċja

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni ta' 120,000 persuna mill-Italja u l-Greċja

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Risistemazzjoni ta' 20,000 persuna li huma fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali

Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016

IP/17/218

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar