Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

#TellMyStory: Il-Kummissjoni tniedi l-Premju tal-Midja Lorenzo Natali 2017

Brussell, is-7ta' frar 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea tħabbar it-tnedija tal-Premju tal-Midja Lorenzo Natali 2017, li jirrikonoxxi r-rapportar ta' livell eċċezzjonali fuq l-iżvilupp u l-eradikazzjoni tal-faqar. Il-Premju huwa miftuħ għall-ġurnalisti professjonali u dilettanti, ix-xandara u l-bloggers.

Neven Mimica, il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, qal: “Din is-sena tikkommemora l-25 anniversarju tal-Premju tal-Midja Lorenzo Natali. Estendejna l-ambitu tiegħu tul is-snin biex nirrikonoxxu kemm ġurnalisti dilettanti kif ukoll professjonali, iżda l-għan tal-Premju jibqa' l-istess: biex niċċelebraw l-aħjar rapportar dwar kwistjonijiet tal-iżvilupp. Inħeġġeġ lill-ġurnalisti biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni u jaqsmu l-istejjer emozzjonanti tagħhom magħna u mal-bqija tad-dinja.

Imniedi bil-hashtag #TellMyStory, il-Premju tal-Midja Lorenzo Natali jiċċelebra l-aqwa tradizzjonijiet tal-ġurnaliżmu fil-kxif ta' stejjer emozzjonanti u kommoventi, li jagħtu vuċi lil dawk li jsibuha impossibbli jew diffiċli biex jinstemgħu.

Il-Premju huwa opportunità biex ġurnalisti juru l-impenn tagħhom għar-rapportar dwar l-iżvilupp, l-eradikazzjoni tal-faqar, u d-demokrazija, kif ukoll biex jispira lin-nies itejbu ħajjithom fil-komunitajiet tagħhom.

Il-Premju tal-Midja Lorenzo Natali se jingħata lil ġurnalist wieħed dilettant u lil ġurnalist wieħed professjonali minn kull wieħed mill-ħames reġjuni li ġejjin: l-Afrika; id-Dinja Għarbija u l-Lvant Nofsani; l-Asja u l-Paċifiku; l-Amerka Latina u l-Karibew; u l-Ewropa. Kull rebbieħ jingħata EUR 5 000.

Apparti t-temi ewlenin imsemmija hawn fuq, din is-sena l-kompetizzjoni se tinkludi “Premju Speċjali dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin barra mill-Ewropa” li jkopri stejjer u inizjattivi ta' ispirazzjoni li jippromwovu din il-libertà kif ukoll ir-rispett għad-diversità reliġjuża u kooperazzjoni interreliġjuża. Il-Premjijiet Speċjali ta' EUR 5 000 kull wieħed se jingħataw lil ġurnalist dilettant u lil ieħor professjonali.

Il-Premju Speċjali huwa sponsorjat minn Ján Figeľ, il-Mibgħut Speċjali għall-Promozzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew twemmin barra mill-Unjoni Ewropea. Hu ġie maħtur mill-President tal-Kummissjoni Ewropea f'Mejju 2016.

Ġurnalist dilettant u ġurnalist ieħor professjonali se jirċievu wkoll l-istess premju fil-kategorija speċjali għal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin.

Is-sottomissjonijiet għall-Premju ewlieni u għall-kategorija speċjali se jiġu vvalutati minn ġurija indipendenti, li se tippremja EUR 5 000 addizzjonali fi Premju Kbir lil wieħed mir-rebbieħa.

It-tlettax-il rebbieħ kollha se jirċievu l-premjijiet tagħhom f'ċerimonja matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp 2017 fi Brussell f'Ġunju ta' din is-sena.

Kif tapplika

Ġurnalisti professjonali u dilettanti huma mistiedna jissottomettu x-xogħol tagħhom relatat mat-temi tal-Premju tal-Midja Lorenzo Natali. Ir-rapport jista' jkun fi kwalunkwe forma, jiġifieri ppubblikat onlajn (inkluż blogs), stampat, jew f'forma ta' xandira qasira fuq ir-radju, il-vidjo jew it-televiżjoni. Ara hawn taħt għal aktar dettalji dwar kif tirreġistra u informazzjoni dwar ir-regoli. L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu mis-7 ta' Frar sal-10 ta' Marzu 2017. Aqra hawnhekk ir-regoli u l-kriterji kollha.

L-isfond

Il-Premju Lorenzo Natali, li ġie stabbilit 25 sena ilu mill-Kummissjoni Ewropea, jingħata b'tifkira ta' Lorenzo Natali, Eks Kummissarju għall-Iżvilupp u difensur qawwi tal-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp.

Għal aktar tagħrif

Is-sit web tal-Premju tal-Midja Lorenzo Natali: http://ec.europa.eu/europeaid/lnp

Regoli u kriterji: https://ec.europa.eu/europeaid/lnp/lorenzo-natali-prize/rules-faq_en (TBC)

Kif tirreġistra: http://lorenzonataliprize.eu/login.php (TBC)

Jiem Ewropej tal-Iżvilupp: https://www.eudevdays.eu/

IP/17/216

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar