Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea taġixxi biex tippreserva l-istat tad-dritt fil-Polonja

Brussell, is-26ta' lulju 2017

Il-Kummissjoni Ewropea taġixxi biex tippreserva l-istat tad-dritt fil-Polonja

Il-Kummissjoni tissostanzja t-tħassib serju tagħha dwar ir-riforma ppjanata tal-ġudikatura fil-Polonja f'Rakkomandazzjoni tal-Istat tad-Dritt indirizzata lill-awtoritajiet Pollakki. Fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni, din ir-riforma tamplifika t-theddida sistematika lill-istat tad-dritt fil-Polonja li diġà ġiet identifikata fil-proċedura tal-istat tad-dritt mibdija mill-Kummissjoni f'Jannar 2016. Il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet Pollakki biex jindirizzaw dawn il-problemi fi żmien xahar. Il-Kummissjoni, b'mod partikolari, titlob lill-awtoritajiet Pollakki biex ma jieħdu l-ebda miżura biex ikeċċu jew jisfurzaw l-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Jekk tittieħed miżura bħal din, il-Kummissjoni tinsab lesta li tiskatta l-proċedura tal-Artikolu 7(1)[1] - twissija formali mill-UE li tista' tinħareġ minn erbgħa minn ħamsa tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-Ministri.

Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tniedi proċediment ta' ksur kontra l-Polonja għall-ksur tad-dritt tal-UE. Il-Kulleġġ immedjatament se jibgħat Ittra ta' Intimazzjoni ladarba l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji tiġi ppubblikata.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tfakkar fl-offerta tagħha li ssegwi djalogu kostruttiv mal-Gvern Pollakk.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “Il-Kummissjoni hija determinata li tiddefendi l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha tagħna bħala prinċipju fundamentali li fuqu nbniet l-Unjoni Ewropea. Ġudikatura indipendenti hija prekundizzjoni essenzjali għas-sħubija fl-Unjoni tagħna. L-UE għalhekk ma tistax taċċetta sistema li tippermetti li jitneħħew l-imħallfin b'mod liberu. Il-qrati indipendenti jagħmlu l-pedament tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tagħna u s-sistemi ġudizzjarji tagħna. Jekk il-gvern Pollakk jimxi 'l quddiem bit-tqegħid fil-periklu tal-indipendenza tal-ġudizzjarju u l-istat tad-dritt fil-Polonja, mhu se jkollna l-ebda għażla oħra ħlief niskattaw l-Artikolu 7.”

L-Ewwel Viċi-President Frans Timmermans qal: “Ir-Rakkomandazzjonijiet tagħna lill-awtoritajiet Pollakki huma ċari. Wasal iż-żmien li nerġgħu nistabbilixxu l-indipendenza tat-Tribunal Kostituzzjonali u jew nirtiraw il-liġijiet li jirrifurmaw il-ġudikatura jew nagħmluhom konformi mal-Kostituzzjoni Pollakka u mal-istandards Ewropej dwar l-indipendenza ġudizzjarja. Il-qrati Pollakki, bħall-qrati tal-Istati Membri kollha, huma msejħa biex jipprovdu rimedju effettiv f'każ ta' ksur tal-liġi tal-UE, f'liema każ għandhom jaġixxu bħala l-'imħallfin tal-Unjoni' u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-indipendenza tal-ġudikatura f'konformità mat-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Irridu nirriżolvu dawn il-kwistjonijiet flimkien b'mod kostruttiv. Il-Kummissjoni tibqa' disponibbli għal djalogu mal-awtoritajiet Pollakki u nilqgħu kull pass lejn l-emendar ta' dawn il-liġijiet f'konformità mar-Rakkomandazzjonijiet tagħna.”

1. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Istat tad-Dritt

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Istat tad-Dritt li ġiet adottata llum, tikkumplimenta ż-żewġ Rakkomandazzjonijiet ta' qabel adottati fis-27 ta' Lulju u fil-21 ta' Diċembru 2016, u tikkonċerna n-nuqqas ta' evalwazzjoni Kostituzzjonali indipendenti u leġittima fil-Polonja. Kif inhu bħalissa, l-awtoritajiet Pollakki għadhom ma indirizzawx it-tħassib identifikat fl-ewwel żewġ Rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki issa ħadu passi addizzjonali li jaggravaw it-tħassib dwar l-indipendenza ġudizzjarja u li jżidu t-theddida sistematika b'mod sinifikanti għall-istat tad-dritt fil-Polonja.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Istat tad-Dritt  tal-Kummissjoni li ntbagħtet Polonja llum tkopri erba' atti leġiżlattivi ġodda li ġew adottati issamill-Parlament Pollakk li, skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, se jżidu t-theddida sistematika għall-istat tad-dritt: il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (it-tnejn “sottoposti” fl-24 ta' Lulju mill-President tar-Repubblika), il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji (iffirmata mill-President tar-Repubblika fil-25 ta' Lulju u li qed tistenna li tiġi ppubblikata u li tidħol fis-seħħ); u l-Liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura (ippubblikata u fis-seħħ mit-13 ta' Lulju). Dawn il-Liġijiet, fl-istat kurrenti tagħhom, se jxekklu strutturalment l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja u se jkollhom impatt immedjat u negattiv ħafna fuq il-funzjonament indipendenti tal-ġudikatura.

B'mod partikolari, it-tneħħija tal-imħallfin tal-Qorti Suprema se tiggrava b'mod serju t-theddida sistematika tal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni għalhekk titlob lill-awtoritajiet Pollakki biex ma jieħdu l-ebda miżura biex ikeċċu jew jisfurzaw l-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Jekk l-awtoritajiet Pollakki jieħdu miżuri bħal dawn, il-Kummissjoni hija lesta li tniedi l-mekkaniżmu stipulat fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea b'mod immedjat.

Abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Istat tad-Dritt tagħha, il-Kummissjoni tistieden lill-gvern Pollakk biex jindirizza t-tħassib indikat fi żmien xahar u biex jinforma lill-Kummissjoni dwar il-passi li ttieħdu.

2. Il-proċedura tal-ksur abbażi tal-liġi tal-UE

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji ħa deċiżjoni wkoll biex jipprepara proċedura ta' ksur għall-ksur possibbli tal-liġi tal-UE. Il-Kulleġġ huwa lest li jibgħat Ittra ta' Intimazzjoni dwar il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji malli din tiġi ppubblikata. It-tħassib legali ewlieni tal-Kummissjoni, identifikat f'din il-liġi, tirrelata għad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess minħabba l-introduzzjoni ta' età ta' rtirar differenti għal imħallfin nisa (60 sena) u imħallfin irġiel (65 sena). Dan imur kontra l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-Direttiva 2006/54 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-impjieg. Fl-Ittra ta' Intimazzjoni, il-Kummissjoni se tqajjem tħassib ukoll li, bl-għoti ta' setgħa diskrezzjonarja lill-Ministru tal-Ġustizzja biex itawwal il-mandat tal-imħallfin li laħqu l-età tal-irtirar, kif ukoll biex ineħħi u jaħtar Presidenti tal-Qorti, l-indipendenza tal-qrati Pollakki se tiġi mminata (ara l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

Il-passi li jmiss

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tistieden lill-Gvern Pollakk biex jindirizza l-problemi fi żmien xahar, u biex jinforma lill-Kummissjoni dwar il-passi li ttieħdu f'dak ir-rigward. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex issegwi djalogu kostruttiv mal-Gvern Pollakk. Fir-rigward tal-proċedura tal-ksur, il-Kummissjoni se tibgħat Ittra ta' Intimazzjoni ladarba tiġi ppubblikata l-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji.

L-isfond

L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqu hija bbażata l-Unjoni Ewropea. Huwa minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni tagħna u tiżgura li l-liġijiet, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rrispettati. Avvenimenti fil-Polonja wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex jiftħu djalogu mal-Gvern Pollakk f'Jannar 2016 skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt. Il-Qafas - introdott mill-Kummissjoni fil-11 ta' Marzu 2014 - għandu tliet stadji (ara l-grafika fl-Anness 1). Il-proċess sħiħ huwa bbażat fuq djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati sew u b'mod regolari.

Il-Parlament Ewropew appoġġa t-tħassib tal-Kummissjoni b'mod kostanti, inklużi ż-żewġ Reżoluzzjonijiet tat-13 ta' April u tal-14 ta' Settembru, 2016. Fis-16 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja. Maġġoranza kbira ħafna tal-Istati Membri appoġġaw ir-rwol u l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni, u appellaw lill-Gvern Pollakk biex ikompli d-djalogu mal-Kummissjoni.

Firxa wiesa' ta' atturi oħra fil-livelli Ewropej u dawk internazzjonali esprimew it-tħassib kbir tagħhom dwar ir-riforma fis-sistema tal-ġustizzja Pollakka: Rappreżentattivi tal-ġudikatura madwar l-Ewropa, fosthom in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea u n-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, il-Kummissjoni ta' Venezja, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħall-Amnesty International u n-Netwerk dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija.

Għal aktar tagħrif

 

 [1]L-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Kunsill jaġixxi skont maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa mill-membri tiegħu, sabiex jiddetermina li hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat (ara l-Anness II). Il-Kummissjoni tista' tiskatta dan il-proċess permezz ta' proposta motivata.

 

 

Anness I - Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt

1

 

Anness II - L-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

1.   Bi proposta motivata minn terz tal-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza ta' erbgħa minn ħamsa mill-membri tiegħu wara li jakkwista l-kunsens tal-Parlament Ewropew, jista' jiddetermina li hemm riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma' l-Istat Membru inkwistjoni u jista' jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.

Il-Kunsill għandu jivverifika regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.

2.   Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta ta' terz tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni Ewropea u wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista' jikkonstata li hemm ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2, wara li jkun stieden lil dan l-Istat Membru sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu.

3.   Meta tkun saret il-kostatazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jissospendi lill-Istat Membru inkwistjoni minn xi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati, inkluż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-gvern tal-Istat Membru. Meta jagħmel hekk, il-Kunsill għandu jqis il-konsegwenzi li jista' jkollha sospensjoni bħal din fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' persuni ġuridiċi u fiżiċi.

L-obbligi tal-Istat Membru inkwistjoni kif joħorġu mit-Trattati jibqgħu jorbtu fuq dak l-Istat.

4.   Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista', sussegwentement, ibiddel jew iħassar il-miżuri li jkunu ttieħdu skont il-paragrafu 3 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni li tkun wasslet sabiex dawn ikunu ttieħdu.

5.   L-arranġamenti tal-votazzjoni li, għall-fini ta' dan l-Artikolu, japplikaw għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill, huma stabbiliti fl-Artikolu 354 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 

 

 

IP/17/2161

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar