Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Stħarriġ ġdid isib li l-konsumaturi tal-UE juru żieda fid-domanda għal xiri onlajn transfruntier

Brussell, il-25ta' lulju 2017

L-edizzjoni tal-2017 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur turi li aktar u aktar konsumaturi tal-UE qed jixtru onlajn u li l-fiduċja tagħhom fil-kummerċ elettroniku żdiedet, b'mod partikulari fix-xiri onlajn minn pajjiżi oħra tal-UE.

Madankollu, il-bejjiegħa bl-imnut għadhom isibuha bi tqila li jespandu l-attivitajiet onlajn tagħhom u għad għandhom tħassib dwar il-bejgħ onlajn għal konsumaturi f'pajjiżi oħra tal-UE. Dan it-tħassib huwa marbut prinċipalment ma' riskju ogħla ta' frodi u nuqqas ta' ħlas fil-bejgħ transfruntier, regolamenti fiskali differenti, differenzi fid-dritt kuntrattwali nazzjonali u fir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-konsumatur tjiebu b'mod aktar ġenerali mill-aħħar tabella ta' valutazzjoni, il-livelli ta' fiduċja, għarfien u protezzjoni għadhom ivarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor.

Il-Kummissarju Jourová qalet: "Il-prijorità tiegħi kienet li titjieb il-fiduċja tan-nies u tal-bejjegħa bl-imnut żgħar fis-Suq Uniku Diġitali. Issa l-konsumaturi huma aktar kunfidenti meta jixtru onlajn. U tajnihom proċedura rapida biex jieħdu l-flus lura jekk xi ħaġa tmur ħażin, anke meta jixtru minn pajjiż ieħor. Issa l-isfida hija li nħeġġu lil aktar negozji biex jirreaġixxu għal din iż-żieda fid-domanda.”

Aktar fiduċja fil-kummerċ elettroniku, iżda għad baqa' xkiel għall-bejjiegħa bl-imnut

It-tabella ta' valutazzjoni turi li l-fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku żdiedet. F'10 snin in-numru ta' Ewropej li jixtru onlajn kważi rdoppja (minn 29.7% fl-2007 għal 55% fl-2017). Mill-aħħar tabella ta' valutazzjoni l-livelli ta' fiduċja tal-konsumaturi żdiedu bi 12-il punt perċentwali għal bejgħ minn bejjiegħa bl-imnut fl-istess pajjiż u b'21 punt perċentwali għal bejgħ minn Stati Membri oħra tal-UE.

Filwaqt li sar ħafna progress, it-tabella ta' valutazzjoni turi li l-konsumaturi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' ostakli meta jippruvaw jixtru minn bejjiegħa bl-imnut onlajn f'pajjiż ieħor tal-UE. Pereżempju, 13% ta' dawk li wieġbu rrappurtaw li ġie rrifjutat pagament u 10% li ġie rrifjutat it-twassil tal-prodotti f'pajjiżhom.

Fir-rigward tal-bejjiegħa bl-imnut, erbgħa minn kull għaxra biss fost dawk li jbigħu onlajn qalu li qed jikkunsidraw ibigħu kemm lokalment kif ukoll jaqsmu l-fruntiera fis-sena li ġejja. Għadhom imħassbin dwar il-bejgħ onlajn f'pajjiżi oħra, partikolarment rigward: riskju ogħla ta' frodi, differenzi fir-regolamenti fiskali nazzjonali jew regoli tad-dritt kuntrattwali nazzjonali u differenzi fir-regoli tal-konsumaturi.

Għaldaqstant il-Kummissjoni għamlet proposta għal regoli kuntrattwali diġitali moderni biex tarmonizza r-regoli kuntrattwali għall-bejgħ onlajn ta' prodotti u tippromwovi l-aċċess għall-kontenut diġitali u l-bejgħ onlajn madwar l-UE.

Titjib fl-għarfien dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, iżda f'livelli baxxi u mhux indaqs madwar l-UE

Meta mqabbla mal-edizzjoni tal-2015 tat-tabella ta' valutazzjoni, il-konsumaturi jagħrfu aktar d-drittijiet tagħhom. Bħala medja, 13% tal-konsumaturi jagħrfu għalkollox id-drittijiet ewlenin tagħhom (żieda ta' 3.6 punti perċentwali mill-2014).

Madankollu, il-kundizzjonijiet tal-konsumaturi huma ġeneralment aħjar fil-pajjiżi tat-Tramuntana u tal-Punent tal-UE minn dawk tal-Lvant u tan-Nofsinhar.

Pereżempju, 94.5% tal-Finlandiżi jilmentaw meta jkollhom problema, filwaqt li 55.6% biss tal-Bulgari jagħmlu dan. L-esponiment għal prattiki kummerċjali inġusti jvarja ħafna wkoll: b'40.9% tal-Kroati esposti għalihom, meta mqabbel ma' 3.4% tal-Awstrijaċi.

Sabiex tittratta dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni qed taħdem fuq proposta biex taġġorna r-regoli tal-konsumaturi. L-għan huwa li tiżgura li kull konsumatur Ewropew jagħraf id-drittijiet tiegħu u li dawn id-drittijiet jiġu infurzati b'mod korrett madwar l-UE.

Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom għarfien insuffiċjenti tad-drittijiet tal-konsumaturi

It-tabella ta' valutazzjoni tal-2017 turi li l-bejjiegħa bl-imnut ma tejbux l-għarfien tagħhom tar-regoli tal-konsumaturi mill-edizzjoni preċedenti. Mit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet dwar id-drittijiet bażiċi tal-konsumaturi, 53.5% biss kienu korretti. Għal darb'oħra, il-livell tal-għarfien ivarja minn pajjiż għal ieħor, fejn 36.2% biss tal-bejjiegħa bl-imnut Kroati kienu jafu dawn id-drittijiet meta mqabbla ma' 62.3% tal-bejjiegħa bl-imnut fil-Ġermanja.

Lok għal titjib fil-ħeffa tat-trattament tat-tilwim

Filwaqt li l-konsumaturi qed isibu inqas raġunijiet biex jilmentaw, dawk li lmentaw huma aktar sodisfatti bil-mod kif it-tilwim tagħhom ġie trattat.

Madankollu, kważi terz mill-konsumaturi ddeċieda li ma jilmentax, billi qies li l-ammonti ta' flus involuti kienu żgħar wisq (34.6%) jew il-proċedura kienet tieħu wisq fit-tul (32.5%).

Minħabba f'hekk il-Kummissjoni tejbet il-proċedura għal Talbiet Żgħar (mill-14/07/2017), li issa tippermetti li l-konsumaturi jibbenefikaw minn proċedura onlajn rapida għal talbiet sa massimu ta' EUR 5,000. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll soluzzjonijiet barra mill-qorti bil-pjattaforma Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim (Online Dispute Resolution, ODR), li toffri aċċess onlajn faċli għal entitajiet ta' tilwim alternattivi għal tranżazzjonijiet onlajn.

Sfond

It-Tabelli ta' Valutazzjoni tal-Konsumatur jipprovdu ħarsa ġenerali ta' kif jaħdem is-Suq Uniku għall-konsumaturi tal-UE. Ilhom jiġu ppubblikati mill-2008, u għandhom l-għan li jiżguraw monitoraġġ aħjar tar-riżultati għall-konsumaturi u jipprovdu evidenza li tgħin fil-formazzjoni tal-politika.

Jeżistu żewġ tipi ta' tabelli ta' valutazzjoni, ippubblikati sena iva u sena le u abbażi ta' stħarriġ fuq skala kbira:

  • It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur tissorvelja l-kundizzjonijiet nazzjonali għall-konsumaturi fi tliet oqsma: 1. l-għarfien u l-fiduċja, 2. il-konformità u l-infurzar, 3. it-tilwim u s-soluzzjoni tat-tilwim. Teżamina wkoll il-progress fl-integrazzjoni tas-suq tal-konsumaturi tal-UE fil-kummerċ elettroniku.
  • It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur issegwi l-prestazzjoni ta' aktar minn 40 suq tal-konsumatur fuq il-bażi ta' indikaturi ewlenin bħalma huma l-fiduċja li l-bejjiegħa jkunu konformi mar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-kumparabbiltà tal-offerti, l-għażla disponibbli fis-suq, il-livell sa fejn jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, u d-dannu maħluq minn problemi li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi. Indikaturi oħrajn, bħal pereżempju l-prezzijiet u l-bidla tal-fornitur, jiġu wkoll sorveljati u analizzati (l-edizzjoni tal-2016).

 

Grafika 61

 

Grafika 59

 

Għal aktar informazzjoni

Rapport

Skeda informattiva

Infografika

Tabelli ta' Valutazzjoni tal-Konsumatur

Suq Uniku Diġitali

 

IP/17/2109

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar