Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-Rilokazzjoni: Il-Kummissjoni tieħu l-pass li jmiss fil-proċeduri ta' ksur kontra r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja

Brussell, is-26ta' lulju 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum bagħtet opinjonijiet motivati lir-Repubblika Ċeka, lill-Ungerija u l-Polonja għan-nuqqas ta' konformità mal-obbligi legali tagħhom dwar ir-rilokazzjoni.

Minkejja diversi sejħiet għal azzjoni u t-tnedija ta' proċeduri ta' ksur mill-Kummissjoni x-xahar l-għadda, dawn it-tliet pajjiżi baqgħu jiksru l-obbligi legali tagħhom u injoraw l-impenji tagħhom lejn il-Greċja, l-Italja u l-Istati Membri l-oħra.

Fil-15 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri ta' ksur u bagħtet ittra ta' avviż formali lir-Repubblika Ċeka, lill-Ungerija u lill-Polonja. It-tweġibiet mibgħuta ma nstabux sodisfaċenti billi l-ebda waħda minnhom ma kienet akkumpanjata minn indikazzjoni tan-numru ta' applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom. L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati - kemm jekk kien jitratta l-kawża kontra l-Kunsill li għadha għaddejja quddiem il-qorti li ma għandhiex effett sospensiv, jew it-turija ta' solidarjetà b'mezzi oħra jew id-diffikultajiet fit-twettiq ta' kontrolli ta' sigurtà - ma jiġġustifika n-nuqqas ta' wegħdiet ta' postijiet disponibbli oħra. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet li tgħaddi għall-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur. 

Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill jitolbu mill-Istati Membri li jwegħdu postijiet disponibbli għar-rilokazzjoni kull tliet xhur sabiex jiżguraw proċedura ta' rilokazzjoni ta' malajr u organizzata. Filwaqt li l-Ungerija ma ħadet l-ebda azzjoni minn kemm ilha li bdiet l-iskema ta' rilokazzjoni, il-Polonja ma rrilokat lil ħadd u ma għamlet l-ebda wegħda sa minn Diċembru 2015 ‘l hawn. Ir-Repubblika Ċeka ma rrilokat lil ħadd minn Awwissu 2016 u ma għamlet l-ebda wegħdiet ġodda għal aktar minn sena.

Il-passi li jmiss

L-opinjoni motivata hija t-tieni pass tal-proċedura ta' ksur u tikkonsisti f'talba formali għal konformità mal-liġi tal-UE, fejn issejjaħ lill-Istati Membri biex jinfurmaw lil-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ħadu biex jikkonformaw fi żmien speċifikat. Minħabba li d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni ġew adottati b'rispons għal sitwazzjoni ta' emerġenza u wara d-diversi sejħiet lit-tliet Stati Membri, l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Ungerija u tal-Polonja issa għandhom xahar żmien biex iwieġbu għall-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, minflok l-iskadenza normali ta' xahrejn. Jekk ma tasal l-ebda tweġiba, jew jekk il-kummenti ppreżentati fir-risposta ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tgħaddi għall-fażi li jmiss fil-proċedura ta' ksur, u tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Kuntest

L-iskema ta' rilokazzjoni ta' emerġenza temporanja ġiet stabbilita f'żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill f'Settembru 2015, li fiha l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw lil persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja.

Il-Kummissjoni qegħda tirrapporta regolarment dwar l-implimentazzjoni taż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill permezz tar-rapporti regolari tagħha fuq ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, li użat biex titlob biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa. Kif ġie rrappurtat fl-erbatax-il rapport tal-lum dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, il-pass tar-rilokazzjoni żdied b'mod sinifikanti fl-2017 bit-trasferimenti jilħqu aktar minn 1,000 persuna fix-xahar minn Novembru 2016 u Ġunju 2017 li jirrappreżentaw rekord ġdid fix-xahar bil-fuq minn 3,000 trasferiment. Mis-26 ta' Lulju, l-għadd totali ta' rilokazzjonijiet jammonta għal 24,676 (16,803 mill-Greċja; u 7,873 mill-Italja).

Billi issa l-maġġoranza tal-Istati Membri qegħdin iwegħdu u jirrilokaw lin-nies b'mod regolari, it-trasferiment ta' dawk kollha eliġibbli huwa perfettament fattibbli sa Settembru 2017 jekk il-pass tar-rilokazzjoni jibqa' l-istess fil-Greċja u jkompli jiżdied fl-Italja. F'din l-aħħar fażi, huwa kruċjali li l-Istati Membri jgħaġġlu r-rilokazzjonijiet u jipprovdu biżżejjed wegħdiet biex joħolqu sors kbir biżżejjed ta' postijiet għar-rilokazzjoni tal-applikanti eliġibbli kollha, inkluż dawk li x'aktarx jaslu sas-26 ta' Settembru. F'kull każ, l-obbligu legali tal-Istati Membri li jirrilokaw mhux se jieqaf wara Settembru: id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni japplikaw għall-persuni kollha li jaslu l-Greċja jew l-Italja sas-17 ta' Settembru jew is-26 ta' Settembru 2017 rispettivament, u l-applikanti eliġibbli jridu jiġu rilokati fi żmien raġonevoli minn hemm 'il quddiem. 

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Xahar rekord għar-rilokazzjonijiet mill-Italja u l-Greċja

Komunikazzjoni: L-Erbatax-il Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

Skeda informattiva: Ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni ta' 40,000 persuna mill-Italja u l-Greċja

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni ta' 120,000 persuna mill-Italja u l-Greċja

Dwar il-proċedura ta' ksur ġenerali, ara MEMO/12/12(infografika)

Dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE

IP/17/2103

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar