Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Akrilammid: vot favur il-proposta tal-Kummissjoni biex titnaqqas il-preżenza tiegħu fl-ikel

Brussell, id-19ta' lulju 2017

Illum ir-rappreżentanti tal-Istati Membri vvutaw favur il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex titnaqqas il-preżenza tal-akrilammid fl-ikel.

Ladarba jiġi implimentat, ir-regolament il-ġdid se jitlob li l-operaturi tan-negozji tal-ikel (FBOs) japplikaw miżuri obbligatorji biex titnaqqas il-preżenza tal-akrilammid, b'mod proporzjonat skont id-daqs u n-natura tal-istabbiliment tagħhom.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-vot: “Illum għamilna pass importanti għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-benessri taċ-ċittadini. Ir-regolament il-ġdid mhux biss se jgħin biex titnaqqas il-preżenza ta' din is-sustanza karċinoġena iżda se jżid ukoll is-sensibilizzazzjoni dwar kif jista' jiġi evitat l-esponiment għaliha li ta' spiss ikun ġej mit-tisjir fid-dar.”

It-test li kien hemm qbil dwaru llum issa se jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Iż-żewġ istituzzjonijiet se jkollhom tliet xhur biex jeżaminawh qabel l-adozzjoni finali mill-Kummissjoni. Id-dħul fis-seħħ jista' jiġi previst għar-Rebbiegħa 2018.

Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tibda diskussjonijiet dwar miżuri addizzjonali, bħalma hu l-iffissar ta' livelli massimi tal-akrilammid f'ċerti oġġetti tal-ikel appena jiġi adottat dan ir-Regolament.

Sfond

L-akrilammid [1] hija sustanza karċinoġenika li tifforma minn aspariġina ħielsa preżenti b'mod naturali (aċidu amminiku) u zokkor, matul l-ipproċessar b'temperatura għolja, bħal pereżempju l-qali, ix-xiwi u l-ħami, b'mod partikolari fi prodotti b'bażi ta' patata u b'bażi ta' ċereali, kafè u sostituti tal-kafè.

Il-preżenza tal-akrilammid fl-ikel inizjalment kienet innutata fl-2002 u minn dak iż-żmien bdiet riċerka biex tidentifika miżuri biex titnaqqas il-preżenza tagħha fl-ikel. Fl-2015, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkonfermat li l-akrilammid hija sustanza karċinoġenika, u li l-livelli preżenti ta' esponiment għall-akrilammid fid-dieta tagħna joħolqu tħassib fir-rigward tal-effetti karċinoġeniċi. L-EFSA stqarret ukoll li f'dawn l-aħħar snin, il-livelli tal-akrilammid ma tnaqqsux b'mod konsistenti. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni wrew li l-operaturi tan-negozji tal-ikel varjaw ħafna fil-mod kif implimentaw il-miżuri ta' mitigazzjoni maħsuba biex inaqqsu l-preżenża ta' din is-sustanza.

Wara l-opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex tiddetermina miżuri regolatorji xierqa biex titnaqqas il-preżenza tal-akrilammid fl-ikel.

[1] https://ec.europa.eu/food/safety/chemical_safety/contaminants/catalogue/acrylamide_en

 

Text of the draft proposal available here: http://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2017-2895100_en

IP/17/2028

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar