Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni timmodernizza d-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji Ewropej

Brussell, it-28ta' settembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea qed taġġorna r-regoli Ewropej dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji sabiex tipproteġi aħjar lill-vjaġġaturi ferrovjarji f'każ ta' dewmien, ta' kanċellazzjonijiet jew ta' diskriminazzjoni.

Il-passiġġieri ferrovjarji għandhom ikunu protetti għalkollox irrispettivament minn fejn ikunu qed jivvjaġġaw fl-UE. Il-Kummissjoni trid ukoll tiggarantixxi tagħrif adegwat għall-passiġġieri u ttejjeb b'mod sinifikanti d-drittijiet tal-passiġġieri b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa. Fl-istess waqt, il-proposta tal-Kummissjoni hija proporzjonata u tirrikonoxxi li l-operaturi ferrovjarji jistgħu, f'ċirkostanzi stretti, ikunu eżentati mill-obbligu li jikkumpensaw lill-passiġġieri f'każ ta' dewmien.

Il-Kummissarju għat-Trasport Violeta Bulc qalet: “Bis-saħħa tal-UE l-passiġġieri għandhom ġabra sħiħa ta' drittijiet irrispettivament minn fejn ikunu qed jivvjaġġaw fl-UE. Minkejja dan għad hemm wisq vjaġġaturi ferrovjarji Ewropej u vjaġġaturi li jivvjaġġaw minn post għall-ieħor ta' sikwit li mhumiex mgħarrfa sew bi drittijiethom. Bil-proposta l-ġdida tagħna rridu nindirizzaw proprju dan. Ninsab fiduċjuża li l-inizjattiva tagħna se ssaħħaħ is-settur, filwaqt li tikseb bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-vjaġġaturi u l-kompetittività tas-settur ferrovjarju.”

Il-proposta tal-Kummissjoni taġġorna r-regoli eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji f'ħames oqsma ewlenin:

1. Applikazzjoni uniformi tar-regoli: is-servizzi urbani, sottourbani u reġjonali domestiċi u transfruntiera fuq distanzi twal ma jistgħux jibqgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. Sal-lum il-ġurnata, ħames Stati Membri[1] biss japplikaw ir-regoli għalkollox, filwaqt li oħrajn daħħlu fis-seħħ gradi differenti ta' eżenzjonijiet. Dan iċaħħad b'mod sinifikanti lill-passiġġieri minn drittijiethom.

2. Tagħrif u nondiskriminazzjoni: il-provvista mtejba ta' tagħrif dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, eż. billi dan it-tagħrif jiġi stampat fuq il-biljett. Il-passiġġieri li jużaw servizzi kollegati b'biljetti separati jridu jkunu mgħarrfa jekk drittijiethom japplikawx għall-vjaġġ kollu jew għas-segmenti differenti biss. Id-diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità jew ta' residenza hija pprojbita.

3. Drittijiet aħjar għall-persuni b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa: id-dritt obbligatorju għal assistenza fis-servizzi kollha u kumpens sħiħ għal telf jew għal tiswija tat-tagħmir tal-mobbiltà. It-tagħrif rilevanti għandu jingħata f'formati aċċessibbli u l-ħaddiema ferrovjarji jrid ikollhom taħriġ fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà.

4. Infurzar, proċeduri ta' indirizzar tal-ilmenti u għoti ta' sanzjonijiet: skadenzi u proċeduri ċari għall-indirizzar tal-ilmenti u responsabbiltajiet u kompetenzi ċari tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri.

5. Proporzjonalità u ġustizzja ġuridika: klawżola ta' “force majeure” se teżenta lill-kumpaniji ferrovjarji milli jkollhom jagħtu kumpens f'każ ta' dewmien ikkawżat minn diżastri naturali, li huma la setgħu jippreveduhom u lanqas jevitawhom. Bir-regoli attwali, il-kumpaniji ferrovjarji għandhom jagħtu kumpens anke meta jiffaċċjaw avvenimenti bħal dawn.

Il-passi li jmiss

Issa l-proposta tal-Kummissjoni trid tiġi eżaminata u adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (jiġifieri mill-Istati Membri tal-UE) qabel ma tidħol fis-seħħ.

Attwalment is-suq uniku għat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri qed jiġi żviluppat bl-introduzzjoni ppjanata tal-kompetizzjoni fis-swieq domestiċi. Il-kwalità għolja tas-servizzi ferrovjarji u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti huma essenzjali biex jintlaħaq l-għan li t-trasport ferrovjarju jintuża iżjed meta mqabbel ma' modalitajiet oħra ta' trasport.

Tagħrif ta' sfond

L-Unjoni Ewropea hija l-unika post fid-dinja li fih iċ-ċittadini huma protetti b'ġabra sħiħa ta' drittijiet tal-passiġġieri – irrispettivament jekk jivvjaġġawx bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur, bil-karozza tal-linja jew bil-kowċ. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri Ferrovjarji daħlet fis-seħħ f'Diċembru 2009.

Bir-regoli Ewropej, pereżempju l-passiġġieri jistgħu f'xi Stati Membri jkunu intitolati għal kumpens finanzjarju jekk il-ferrovija tagħhom tasal fid-destinazzjoni b'dewmien ta' siegħa jew iktar. Il-passiġġieri li jkollhom dewmien fl-ivvjaġġar ferrovjarju tagħhom jistgħu jkunu intitolati wkoll għal xi ikel u xorb (li jkun proporzjonat għall-ħin ta' stennija), u għal akkomodazzjoni jekk ikollhom jivvjaġġaw l-għada.

It-tagħrif kollu jinsab fuq is-sit web “L-Ewropa Tiegħek”, bid-drittijiet applikabbli tal-passiġġieri tradotti bil-lingwi kollha tal-UE. Hemm ukoll app għall-ismartphone u tista' titniżżel b'xejn għall-Google Android, għall-iPhone, għall-iPad u għall-Windows Phone.

 

[1] Il-Belġju, id-Danimarka, l-Italja, in-Netherlands u s-Slovenja

IP/17/2009

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar