Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali: mod ġdid li jgħin lill-Istati Membri japplikaw aħjar ir-regoli tal-UE li jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u l-ekonomija

Brussell, is-6ta' frar 2017

Titjib fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart, in-natura u l-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, u il-kwalità u l-immaniġjar tal-ilma.

Illum il-Kummissjoni adottat ir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali, għodda ġdida biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali Ewropea u r-regoli maqbula b'mod komuni. Dan hu bidu ta' proċess ġdid. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tindirizza x'jikkawża l-lakuni fl-implimentazzjoni u ssib soluzzjonijiet qabel ma l-problemi jsiru urġenti.

L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tista' tiffranka lill-ekonomija tal-UE €50 biljun kull sena fi spejjeż għas-saħħa u fi spejjeż diretti għall-ambjent; Skont l-Eurobarometer, 3 minn kull 4 ċittadini jqisu li l-liġijiet Ewropej bħala meħtieġa biex jitħares l-ambjent f'pajjiżhom, filwaqt li 4 minn kull 5 jaqblu li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiċċekkjaw jekk il-liġijiet humiex jiġu applikati b'mod korrett.

Karmenu Vella, il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal: “Implimentazzjoni inkonsisti u mhux uniformi tar-regoli ambjentali ma tgħin lil ħadd. Titjib fl-applikazzjoni tal-liġijiet ambjentali hu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-ekonomija. Hawn fejn tidħol ir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali (RIA). Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li l-kwalità tal-arja, tal-ilma u tal-immaniġġjar tal-iskart taċ-ċittadini tagħhom hi tal-ogħla standard. Ir-Reviżjoni tipprovdi l-informazzjoni, l-għodda u l-iskeda ta' żmien biex isir dan”.

Il-pakkett tal-lum jinkludi: 28 rapport għal kull pajjiż li jagħtu mappa tas-saħħiet, l-opportunitajiet u d-dgħufijiet nazzjonali; Komunikazzjoni li tiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet politiċi tar-rapporti tal-pajjiżi u l-analiżi tat-tendenzi komuni, f'oqsma bħall-kwalità tal-arja, l-immaniġjar tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari, il-kwalità tal-ilma u l-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità; u rakkomandazzjonijiet għal titjib fl-Istati Membri kollha.

Ir-Reviżjoni turi li fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart, il-prevenzjoni tal-iskart tibqa' sfida importanti għall-Istati Membri kollha, u dan filwaqt li sitta minnhom ma rnexxilhomx jillimitaw ir-rimi fil-miżbliet tal-iskart bijodegradabbl muniċipali. Il-konformità sħiħa mal-politika tal-UE dwar l-iskart sal-2020 tista' toħloq 400,000 impjieg ieħor.

Minkejja bosta suċċessi lokali fin-natura u l-bijodiversità, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-UE teħtieġ tiġi intensifikata, kif ikkonfermat mill-Kontroll tal-Idoneità tal-UE tad-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats. Inkella il-bijodiversità fl-UE se tkompli tmur lura fil-waqt li l-kapaċità tal-ekosistemi li jipprovdu għall-bżonnijiet tal-bniedem fil-ġejjieni se tkompli tiġi kompromessa.

Fi 23 mit-28 Stat Membru għadhom jinqabżu l-istandards marbutin mal-kwalità tal-arja — b'kollox f'aktar minn 130 belt fl-Ewropa kollha. It-trasport huwa sors ewlieni tal-problemi fil-kwalità tal-arja. Għandhom jittieħdu iktar miżuri biex jitnaqqasl-istorbju fil-madwar, it-tieni l-agħar kawża ambjentali li tikkaġuna problemi ta' saħħa.it-tieni fil-lista tal-aktar kawżi gravi ta' problemi tas-saħħa

Fejn jidħlu l-kwalità u l-immaniġjar tal-ilma, ħafna Stati Membri jsibuha diffiċli biex jaslu għal konformità sħiħa fir-rigward tal-ġbir u t-trattament tal-ilma urban li jintrema, u 13-il Stat Membru qed jiffaċċja azzjoni legali mill-UE. Il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati kif ukoll il-livelli tal-ewtrofikazzjoni jibqgħu problema serja kważi fl-Istati Membri kollha.

Hemm għadd ta' kawżi fundamentali li huma komuni għal diversi Stati Membri: koordinazzjoni ineffettiva bejn il-livelli amministrattivi, kapaċità insuffiċjenti, u nuqqas ta' għarfien u dejta.

It-tnedija tal-pakkett tar-RIA se tkun segwita b'diskussjonijiet ma' kull Stat Membru, it-tnedija ta' għodda ta' evalwazzjoni bejn il-pari li tippermetti lill-Istati Membri jgħinu lil xulxin bl-għarfien espert, u dibattiti politiċi fil-Kunsill Ambjentali.

Sfond

Meta r-regoli maqbula b'mod komuni ma jiġux implimentati kif suppost, il-Kummissjoni tista' tieħu azzjoni legali. Sabiex dan jiġi evitat, permezz tal-proċess tar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tippermettilhom japplikaw aħjar il-politiki u r-regoli ambjentali.

Ir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali (RIA) hija parti mill-politika tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar li tinkludi t-titjib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki eżistenti.

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni u Anness: Il-Komunikazzjoni “Ir-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) 2016: Sfidi komuni u kif jingħaqdu l-isforzi biex jinkisbu riżultati aħjar”

Skedi informattivi: Ir-rapporti tat-28 pajjiż

Is-sit web tar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali

IP/17/197

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar