Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Jispiċċaw it-tariffi tar-roaming: Intlaħaq l-aħħar pass biex it-tmiem tat-tariffi tar-roaming isir realtà ġaladarba n-negozjaturi tal-UE qablu fuq il-prezzijiet bl-ingrossa.

Brussell, I-1ta' frar 2017

L-aħħar pass biex jitneħħew it-tariffi tar-roaming sal-15 ta' Ġunju 2017 intlaħaq meta r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni qablu dwar kif għandhom jiġu rregolati s-swieq bl-ingrossa tar-roaming (il-prezzijiet li jiċċarġjaw wieħed lill-ieħor l-operaturi meta l-klijenti tagħhom jużaw netwerks oħrajn permezz tar-roaming fl-UE).

In-negozjaturi tal-UE qablu dwar dawn il-limiti massimi fuq l-ingrossa:

  • 3.2 ċenteżmi kull minuta għal telefonata bil-leħen, mill-15 ta' Ġunju 2017
  • Ċenteżmu wieħed għal kull SMS, mill-15 ta' Ġunju 2017
  • Tnaqqis ftit ftit fuq ħames snin tal-limiti massimi fuq id-dejta, li jibdew jonqsu minn €7.7 l-Gigabyte (GB) (mill-15 ta' Ġunju 2017) għal €6 l-GB (mill-1 ta' Jannar 2018), €4.5 l-GB (mill-1 ta' Jannar 2019), €3.5 l-GB (mill-1 ta' Jannar 2020), €3 l-GB (mill-1 ta' Jannar 2021) u €2.5 l-GB (mill-1 ta' Jannar 2022).

 

Is-Sur Andrus Ansip, il-Viċi-President tas-Suq Uniku Diġitali laqa' l-ftehim b'dan il-kliem: “Din kienet l-aħħar ħolqa fil-katina li kien għad jonqos. Mill-15 ta' Ġunju l-Ewropej ikunu jistgħu jivjaġġaw fl-UE mingħajr ma jġarrbu tariffi tar-roaming. Żgurajna wkoll li l-operaturi jistgħu jibqgħu jikkompetu biex jipprovdu l-aktar offerti attraenti għas-swieq lokali tagħhom. Illum qiegħdin inżommu l-wegħda tagħna. Nirringrazzja minn qalbi lir-relatur tal-Parlament Ewropew Miapetra Kumpula-Natri u lin-negozjaturi kollha mill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE u kull min kien involut biex naslu f'dan l-istadju importanti. Kienu l-isforzi tagħhom li wasslu biex dan iseħħ”.

Il-ftehim politiku li nkiseb ilbieraħ billejl kien l-aħħar qadfa biex jibda jitħaddem ir-“roam-like-at-home” mill-15 ta' Ġunju 2017, kif previst fir-Regolament dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni (TSM - Telecom Single Market). Dan ifisser li meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw fl-UE l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu t-telefonati, jibagħtu l-messaġġi SMS jew jużaw l-internet minn fuq il-mowbajl bl-istess prezzijiet li jħallsu f'pajjiżhom. Bis-saħħa ta' dan il-ftehim, ir-“roam-like-at-home” huwa sostenibbli għall-individwi u għan-negozji, filwaqt li jiżgura l-irkupru tal-ispejjeż u jżomm ħajja l-kompetizzjoni bejn is-swieq bl-ingrossa tar-roaming.

Bis-saħħa tal-ftehim politiku tal-bieraħ dwar ir-regoli tal-ingrossa u l-politika dwar ir-regoli dwar l-użu ġust u s-sostenibbilta adottati mill-Kummissjoni f'Diċembru tal-2016, il-konsumaturi jistgħu jużaw l-abbonamenti li jkollhom f'pajjiżhom meta jivvjaġġaw perjodikament 'il barra minn pajjiżhom. Jekk il-konsumaturi jaqbżu l-limiti tal-kuntratt tagħhom waqt li jkunu qed jivvjaġġaw, l-ispejjeż addizzjonali mhumiex se jkunu ogħla mil-limiti massimi bl-ingrossa tar-roaming li ġew miftiehma llum.

Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tas-suq bl-ingrossa sa tmiem l-2019 u tagħti valutazzjoni interim lill-koleġiżlaturi sal-15 ta' Diċembru 2018.

 

Il-passi li jmiss

Issa li għad fadal huwa li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill japprovaw il-ftehim li ntlaħaq illum b'mod formali. Il-prezzijiet bl-ingrossa tar-roaming il-ġodda jibdew japplikaw mill-15 ta' Ġunju 2017, biex l-operaturi jkollhom ħin biżżejjed għat-tħejjija tal-introduzzjoni tar-"roam-like-at-home".

 

Kuntest

Il-Kummissjoni ilha tistinka ħames snin biex tnaqqas u eventwalment telimina t-tariffi addizzjonali li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kienu jimponu fuq il-klijenti tagħhom kull darba li jaqsmu fruntiera waqt btala jew vjaġġi ta' negozju. Mill-2007 'l hawn, il-prezzijiet tar-roaming naqsu b'aktar minn 90 %. L-aħħar darba li naqsu l-prezzijiet kien f'April tal-2016 u kienu saru 5 ċenteżmi l-minuta għal telefonata, 2 ċenteżmi għal kull SMS u 5 ċenteżmi għal kull MB ta' dejta, minbarra r-rati nazzjonali. Fl-2015, abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jtemmu t-tariffi tar-roaming għall-persuni li jivvjaġġaw perjodikament fl-UE. Il-Kummissjoni adottat il-miżuri tekniċi li kienu meħtieġa biex dan iseħħ, fosthom politika dwar l-użu ġust u mekkaniżmu ta' sostenibbiltà, f'Diċembru tal-2016. Fl-istess ħin, ir-Regolament dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjonijiet ħatar lill-Kummissjoni biex tevalwa s-swieq bl-ingrossa tar-roaming u biex tagħmel il-proposti xierqa qabel il-15 ta' Ġunju 2016, biex ikunu jistgħu jitneħħew it-tariffi bl-imnut tar-roaming mill-15 ta' Ġunju 2017.

 

Għal aktar tagħrif

MEMO/16/4396

Sit web dwar ir-roaming

IP/17/193

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar