Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-ġlieda kontra l-importazzjoni illegali ta' oġġetti kulturali li jintużaw għall-finanzjament tat-terroriżmu

Brussell, it-13ta' lulju 2017

L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-ġlieda kontra l-importazzjoni illegali ta' oġġetti kulturali li jintużaw għall-finanzjament tat-terroriżmu

Il-Kummissjoni Ewropa llum ippreżentat regoli ġodda fil-ġlieda kontra l-importazzjoni illegali u t-traffikar ta' oġġetti kulturali minn barra l-UE, li spiss ikunu marbuta mal-finanzjament tat-terroriżmu u ma' attività kriminali oħra. Il-propsota tal-lum timmarka wieħed mill-aħħar passi kif imfisser fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummisjsoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Hija se ttemm dan it-traffiku minnufih billi tipprojbixxi l-importazzjoni fl-UE ta' oġġetti kulturali esportati illegalment mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Hija qiegħda tiġi ppreżentata ftit tal-jiem biss wara li f'Ħamburg il-G20 għamlu appell lill-pajjiżi biex jeħduha kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, inkluż is-serq u l-kuntrabandu tal-antikitajiet.

L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans qal: “Il-flus huwa l-ossiġenu tal-organizzazzjonijiet terroristiċi, bħal ma hi Daesh. Qegħdin nieħdu azzjoni biex naqtgħu kull sors ta' finanzjament li għandhom. Dan jinkludi l-kummerċ f'oġġetti kulturali, peress li t-terroristi jiksbu finanzjament mis-serq ta' siti arkeoloġiċi u mil-bejgħ illegali ta' oġġetti kulturali. Din il-proposta tagħti lill-awtoritajiet doganali l-istrumenti t-tajba biex jiġi żgurat li s-suq tal-UE ikun magħluq għal oġġetti bħal dawn.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “It-traffikar illegali tal-oġġetti kulturali hija kwistjoni ta' tħassib serju. Attività bħal din tista' tikkawża ħsara kbira għall-wirt kulturali ta' dawk il-pajjiżi li huma l-anqas li jistgħu jipproteġu l-interessi tagħhom. Dan is-sors ta' finanzjament jista' jmur direttament għall-iffinanzjar ta' atti terroristiċi u hemm bżonn li l-għejjun tiegħu jiġu mnixxfa.” 

Skont Tibor Navracsics, il-Kummissarju tal-UE għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport: “Is-serq u t-traffikar illeċitu tal-oġġetti kulturali jċaħħad liċ-ċittadini tal-pajjiżi milquta minn parti mill-identità kulturali tagħhom, u jeqred il-wirt kulturali tal-umanità. Illum qegħdin nagħtu xhieda tal-impenn tal-Kummissjoni li tipproteġi dan il-wirt dinji, li aħna sejrin inqiegħduh għall-wiri matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018.

Fil-mument, l-UE tapplika projbizzjonijiet fuq oġġetti mill-Iraq u s-Sirja iżda ma hemmx qafas ġenerali fejn tidħol l-importazzjoni ta' oġġetti kulturali. L-esportaturi u l-importaturi bla skruplu jistgħu jinqdew bir-regoli preżenti u jużaw il-profitti biex jiffinanzjaw attivitajiet illegali bħat-terroriżmu. Liġijiet nazzjonali eżistenti f'dan il-qasam li jkunu differenti u ineffettivi ifisser li hija meħtieġa l-azzjoni tal-UE biex tiżgura t-trattament konsistenti tal-importazzjonijiet ta' oġġetti kulturali tul il-fruntieri esterni kollha tal-UE. Dan ikun ta' għajnuna biex oġġetti kulturali illeċiti ma jkunux jistgħu jiddaħħlu fl-UE, ħaġa li ddgħajjef direttament il-ħajja kulturali, storika u arkeoloġika tal-pajjiż ta' oriġini.

Il-pjanijiet għall-miżuri l-ġodda kienu ġew ippreżentati bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Kummissjoni kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni tal-2016 biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tagħha. Fi Frar tal-2016, l-Istati Membri tal-UE fakkru l-importanza li tissaħħaħ b'urġenza l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali u talbu lill-Kumissjoni biex tipproponi miżuri leġiżlattivi f'dan ir-rigward malajr kemm jista' jkun.

Ir-regoli l-ġodda jipprevedu għadd ta' azzjonijiet li għandhom għaliex jiżguraw li fil-futur l-importazzjoni ta' oġġetti kulturali illeċiti ssir ħafna aktar diffiċli:

- Definizzjoni komuni tal-UE ġdida ta' ‘oġġetti kulturali' fil-mument tal-importazzjoni li tkopri firxa wiesgħa ta' oġġetti li tinkludi sejbiet arkeoloġiċi, skrollijiet qodma, fdalijiet ta' monumenti storiċi, xogħol artistiku, kollezzjonijiet u antikitajiet. Ir-regoli l-ġodda se japplikaw biss għal oġġetti kulturali li jidhru li huma l-aktar f'riskju, jiġifieri dawk li jkollhom mill-anqas 250 sena fil-mument meta jiġu impurtati;

- L-introduzzjoni ta' sistema ġdida ta' liċenzjar għall-importazzjoni ta' oġġetti arkeoloġiċi, partijiet minn monumenti u manuskritti antiki u kotba. L-importaturi se jkollhom jiksbu liċenzji ta' importazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fl-UE qabel ma jdaħħlu oġġetti bħal dawn fl-UE:

- Għal kategoriji oħra ta' oġġetti kulturali, l-importaturi issa se jkollhom jgħaddu minn sistema ta' ċertifikazzjoni aktar stretta billi jippreżentaw dikjarazzjoni ffirmata jew affidavit bħala xhieda li l-oġġetti ġew esportati legalment mill-pajjiż terz.

- L-awtoritajiet doganali se jkollhom ukoll il-poter li jaħtfu u jżommu oġġetti meta ma jkunx jista' jiġi determinat li l-oġġetti kulturali inkwistjoni jkunu ġew legalment esportati.

Huwa intenzjonat li jsiru kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati għax-xerrejja ta' oġġetti kulturali, bħal importaturi tas-suq ta' arti professjonali, iżda wkoll xerrejja ta' oġġetti kulturali fl-Ewropa. B'mod parallel, se jiġu organizzati mill-Istati Membri sessjonijiet ta' taħriġ għal uffiċjali tad-dwana u għal servizzi oħra tal-infurzar tal-liġi biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jagħrfu kunsinni suspettużi u biex jikkooperaw b'mod aktar effiċjenti fil-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu.

L-Istati Membri tal-UE se jkunu obbligat li jiżguraw li jkun hemm penali effettivi, proporzjonati u disswasivi għal dawk li ma jsegwux ir-regoli, b'mod partikolari għal kull minn jagħmel dikjarazzjonijiet foloz jew jippreżenta informazzjoni falza.

L-isfond

Fazzjonijiet u entitajiet terroristiċi li jkunu jinsabu fi gwerra kontra xulxin wettqu atti kriminali kontra l-wirt kulturali komuni tagħna madwar id-dinja kollha. Rapporti riċenti wrew ukoll li xogħlijiet tal-arti, skulturi u artifatti arkeoloġiċi ta' valur qed jinbiegħu u jiġu impurtati fl-UE minn xi pajjiżi mhux tal-UE, u dawk il-profitti potenzjalment jintużaw biex jiġu ffinanzjati attivitajiet terroristiċi.

Meta niġu għall-importazzjoni u l-moviment ta' arti u antikitajiet, l-Istati Membri tal-UE jistgħu japplikaw il-leġiżlazzjoni doganali ġenerali jew il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Tapplika wkoll leġiżlazzjoni speċifika għal oġġetti kulturali li jaslu mill-Iraq u mis-Sirja. Fi snin reċenti beda jidher aktar biċ-ċar li dawn ir-regoli mhumiex suffiċjenti fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' oġġetti kulturali.

F'Lulju 2017, il-G20 għamlu appell biex il-pajjiżi “jindirizzw l-għejjun kollha alternattivi tal-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż… bis-serq u l-kuntrabandu tal-antikitajiet”. Bl-istess mod, il-G7 appellaw biex tittieħed azzjoni kontra dawn l-attivitajiet f'pajjiżi terzi. 

L-importanza tal-protezzjoni tal-wirt kulturali se tkun enfasizzata fl-2018, is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, b'sensiela ta' attivitajiet li jsiru f'kull livell: il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. L-għan huwa wkoll li tiġi esposta l-importanza tal-wirt kulturali u sabiex jiġu promossi modi innovattivi u impenjattivi ta' kif dan jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Is-suq awtentiku globali tal-arti u l-antikitajiet huwa stmat li kellu EUR 56 biljun f'bejgħ fl-2016, li minnhom il-valur totali tas-suq Ewropew huwa madwar EUR 19-il biljun.

Il-Passi li Jmiss

Il-proposta għal Regolament issa se tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE. Il-Kummissjoni tittama li din tiġi adottata malajr fil-proċess ta' kodeċiżjoni.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsija u Tweġiba dwar il-proposta l-ġdida biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali

Il-paġna web ta' DĠ TAXUD dwar il-proposta l-ġdida biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali

Aktar informazzjoni dwar is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali

IP/17/1932

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar