Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-futur tal-finanzi tal-UE: Grupp ta' Livell Għoli jippreżenta proposti li jissimplifikaw l-aċċess għall-fondi tal-UE

Brussell, il-11ta' lulju 2017

Illum il-grupp ta' esperti indipendenti tal-Politika ta' Koeżjoni ppreżenta r-rapport finali tiegħu għal qafas simplifikat tal-fondi tal-UE wara l-2020.

Minkejja li, mingħajr ebda dubju, il-kisbiet tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE huma pożittivi, il-volum attwali ta' regoli mhux dejjem jiffaċilita l-ħajja għall-awtoritajiet lokali li jiġġestixxu l-fondi tal-UE u għan-negozji li jikkunsidraw li japplikaw għall-fondi tal-UE. Għaldaqstant, is-simplifikazzjoni hija importanti u l-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina kif tista' tkompli tissimplifika l-aċċess għall-fondi tal-UE fil-qafas baġitarju wara l-2020.

Dan huwa l-messaġġ ewlieni li l-Grupp ta' Livell Għoli ta' Simplifikazzjoni jfittex li jdaħħal fid-diskussjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE li l-Kummissjoni nediet fit-28 ta' Ġunju bid-dokument ta' riflessjoni dedikat tagħha, id-dokument finali f'serje ta' ħames dokumenti ta' riflessjoni rilaxxati wara l-pubblikazzjoni fl-1 ta' Marzu tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ewropa.

Il-Kummissarju Günther H. Oettinger, inkarigat mill-baġit u mir-riżorsi umani, qal: “Iċ-ċittadini jistennew li l-UE tagħmel aktar — imma l-baġit tal-UE qiegħed jiċkien. Biex insolvu din id-dilemma, aħna rridu nieħdu lura dak li nistgħu minn kull ewro li nonfqu. U regoli aktar sempliċi jgħinuna nagħmlu infiq aħjar.”

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu qalet: “Anqas kontrolli u regoli aktar sempliċi jfissru riżultati aħjar u inqas żbalji. Ejjew niffokaw fuq dak li jgħodd: it-titjib tal-ħajja taċ-ċittadini mal-Ewropa kollha.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema Marianne Thyssen qalet: “L-użu tal-potenzjal sħiħ tas-simplifikazzjoni se jiffranka l-flus u l-ħin li jistgħu jintużaw minflok biex jagħtu spinta lill-konverġenza soċjali madwar l-Ewropa.”

Il-President tal-Grupp ta' Livell Għoli Siim Kallas qal: “Is-simplifikazzjoni tal-aċċess għal u l-użu tal-fondi ta' Koeżjoni tal-UE ċertament se jikkontribwixxu biex iressqu liċ-ċittadini eqreb lejn l-UE.”

Skont il-Grupp, l-arkitettura attwali tar-regoli hija effettiva iżda teħtieġ tindifa tajba. Jinħtieġ li tinżamm il-governanza b'ġestjoni kondiviża biex tkun żgurata fiduċja reċiproka u sjieda tal-għanijiet komuni ta' tkabbir u impjiegi. Iżda ftit li xejn hemm regoli sempliċi; il-Grupp jissuġġerixxi regoli li għandhom jitħassru jew jitnaqqsu b'mod radikali.

Jinħtieġ li r-regoli tal-fondi u strumenti differenti tal-UE jkunu armonizzati f'dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u l-metodi biex ikunu rimborżati l-ispejjeż, biex ikunu faċilitati s-sinerġiji u jippermettu lill-benefiċjarji japplikaw għal sorsi differenti ta' finanzjament mill-UE għall-istess proġett. Pereżempju, l-applikazzjoni tal-istess regoli fil-Politika ta' Koeżjoni u fil-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu jippermetti aċċess aktar faċli għal sorsi ta' sostenn għan-negozji ż-żgħar.

Jinħtieġ li jkun disponibbli qafas saħansitra aktar sempliċi għall-Istati Membri u għar-reġjuni kollha, sakemm jissodisfaw għadd ta' kriterji: sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll kredibbli; kofinanzjament nazzjonali sinifikanti biex jinċentiva l-infiq tajjeb; identifikazzjoni ta' riformi strutturali ewlenin biex ikun hemm enfasi fuq ftit oqsma prijoritarji u jkunu implimentati biex iwasslu għar-riżultati mixtieqa.

Il-Grupp jissuġġerixxi li r-regoli tal-UE jinħtieġ li mbagħad ikunu limitati għall-prirotajiet ta' investiment starteġiku u għal prinċipji għall-infiq. Il-fondi tal-UE jitwasslu permezz ta' mekkaniżmi amministrattivi nazzjonali eżistenti u x-xogħol tal-awditjar tal-Kummissjoni jkun limitat. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu dwar riformi strutturali li għandhom jinkisbu u dwar l-outputs konkreti li jiskattaw ir-rimborż.

Is-simplifikazzjoni diġà wriet li kienet storja ta' suċċess: illum, il-Kummissarju Oettinger ippreżenta tliet rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2016. Waħda mitt-tagħlimiet hija li regoli tal-UE ssimplifikati jagħmluha aktar faċli għall-awtoritajiet lokali, il-bdiewa u l-kumpaniji biex jużaw il-fondi tal-UE b'mod effettiv u korrett. Bl-istess mod, f'Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet li tissimplifika r-regoli li permezz tagħhom l-Istati Membri u benefiċjarji oħrajn jirċievu fondi mill-UE.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Grupp ta' Livell Għoli fl-2015 biex jiġu identifikati opportunitajiet biex ir-regoli tal-politika ta' koeżjoni ta' kumplessità mhux meħtieġa jitneħħew, fid-dawl kemm tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 (QFP), li għalihom il-Grupp ikkontribwixxa b'mod sinifikanti, kif ukoll tar-riflessjoni dwar il-qafas baġitarju għal wara l-2020.

Il-President tal-Grupp ta' Livell Għoli Siim Kallas huwa l-eks Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-kwistjonijiet Amministrattivi, verifika u kontra l-frodi u t-Trasport. Barra mill-attivitajiet tiegħu ta' kompetenza interna dwar il-fondi tal-UE, it-termini ta' Siim Kallas bħala Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi tal-Estonja tawh perspettiva unika dwar kif l-appoġġ finanzjarju tal-UE jista' jingħaqad flimkien mar-riformi biex iġib it-tkabbir ekonomiku.

It-12 il-membru tal-Grupp ta' Livell Għoli li jirrappreżentaw l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u s-settur privat. Ilkoll kemm huma għandhom esperjenza personali fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE, kif ukoll ideat ġodda biex tiġi riformata s-sistema.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva - rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni tal-qafas għal wara l-2020

Rapport - Proposta tal-Grupp ta' Livell Għoli għal dawk li jfasslu l-politika għal wara l-2020

Dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

Segwi lill-Kummissarju Oettinger, il-Kummissarju Creţu u l-Kummissarju Thyssen fuq Twitter

 

 

IP/17/1921

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar