Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: l-impjiegi u t-traineeships qegħdin fit-triq it-tajba

Brussell, I-10ta' lulju 2017

Sitt xhur wara li l-Kummissjoni Ewropea nediet il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u wara li saret l-għażla tal-kollokamenti volontarji li bdiet f'Marzu tal-2017, issa qed isiru wkoll eluf ta' kollokamenti f'impjiegi u fi traineeships.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa żewġ proġetti mmexxija mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi ta' Franza u tal-Italja, li se joffru impjiegi jew traineeships marbuta mas-solidarjetà f'pajjiż ieħor tal-UE lil massimu ta' 6,000 żagħżugħ u żagħżugħa.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, stqarret: “L-għan tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa li jinħolqu iżjed opportunitajiet u opportunitajiet aħjar. Ninsab kuntenta li mil-lum, bit-tnedija tad-dimensjoni okkupazzjonali, il-Korp qed iwettaq il-potenzjal kollu tiegħu għaż-żgħażagħ tagħna. B'kooperazzjoni mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u mal-imsieħba fil-post, se noffru lil eluf ta' żgħażagħ opportunità konkreta għal impjieg jew għal traineeship f'oqsma marbuta mas-solidarjetà fl-Ewropa kollha. Dan se jippermettilhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jżidu l-prospetti futuri tagħhom fis-suq tax-xogħol.”

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, sostna: “Ninsab kuntent ħafna nara li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà qed jikber. Bid-dimensjoni okkupazzjonali, issa ġie komplut. Nafu li bosta żgħażagħ fl-Ewropa huma ħerqana li jgħinu lill-oħrajn, u li dan l-impenn se jkollu effetti sekondarji pożittivi għalihom infushom. Il-parteċipazzjoni fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se tkun esperjenza siewja għall-Ewropej żgħażagħ fil-bidu tal-karrieri tagħhom.”

Iż-żewġ proġetti mmexxija mis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi Franċiż (Pôle Emploi) u mill-Aġenzija Nazzjonali Taljana għal politiki attivi fil-qasam tax-xogħol (ANPAL) ilaqqgħu flimkien is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-organizzazzjonijiet minn Stati Membri differenti tal-UE, bħall-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, biex jagħtu offerti ta' impjiegi jew ta' traineeships liż-żgħażagħ tal-età ta' bejn 18 u 30 sena f'oqsma marbuta mas-solidarjetà. Il-parteċipanti magħżula se jkunu jistgħu jieħdu sehem f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet bħall-kura tas-saħħa, l-integrazzjoni soċjali, il-ħarsien tal-ambjent, l-assistenza għall-migranti u għar-refuġjati, jew l-għajnuna alimentari f'pajjiż ieħor tal-UE. Il-proġetti se jwasslu messaġġ lil min iħaddem, se jiżguraw li ssir l-għażla ta' kandidati skont il-kollokamenti disponibbli u se jipprovdu appoġġ finanzjarju u tipi oħra ta' appoġġ, bħat-taħriġ, lill-parteċipanti. Il-proġetti huma ffinanzjati b'iżjed minn €14-il miljun mill-programm Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali.

Il-kronoloġija u l-passi li jmiss

Iż-żewġ proġetti se jibqgħu għaddejjin sa Marzu tal-2019.

B'mod parallel, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà qed jiġi żviluppat u kkonsolidat iktar. L-għan huwa li jiġu pprovduti 100,000 kollokament sal-aħħar tal-2020.

L-esperjenza miksuba biż-żewġ proġetti ġodda li qed jitnedew se tgħin biex titwitta t-triq għax-xogħol tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sal-2020. Iż-żewġ proġetti se jkomplu jappoġġaw liż-żgħażagħ biex isibu kollokamenti transfruntiera sar-rebbiegħa tal-2019 u se jaħdmu flimkien ma' proġetti oħra fuq il-kollokamenti okkupazzjonali għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

L-isfond

Waqt id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President tal-Kummissjoni Juncker ħabbar il-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li joffri liż-żgħażagħ tal-età ta' bejn 18 u 30 sena, l-opportunità li jieħdu sehem f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' solidarjetà fl-UE kollha.

Minn mindu tnieda fis-7 ta' Diċembru 2016, iżjed minn 32,000 żagħżugħ u żagħżugħa ssieħbu fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. F'Marzu tal-2017, bdiet l-għażla tal-kollokamenti skont l-organizzazzjonijiet disponibbli; minn dak iż-żmien 'il hawn, ġew ikkuntattjati madwar 11,500 parteċipant u 460 kollokament ġew aċċettati. L-għan huwa li jkun hemm 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa jipparteċipaw fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sal-aħħar tal-2020.

Fit-30 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jitpoġġa fuq sisien sodi, b'baġit ta' €341.5 miljun għas-snin 2018-2020 u bażi ġuridika ddedikata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Minbarra li joffri kollokamenti f'volontarjat, fi traineeships u f'impjiegi, fil-ġejjieni l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jagħti wkoll l-opportunità lill-parteċipanti li jistabbilixxu l-proġetti ta' solidarjetà tagħhom stess jew li jivvolontarjaw bħala grupp.

Sabiex tħejji l-proposta tagħha, il-Kummissjoni nediet stħarriġ onlajn miftuħ u konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, li ġew konklużi f'Forum tal-Partijiet Ikkonċernati. Issa jeħtieġ li l-proposta għal abbozz ta' Regolament tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel ma tkun tista' tidħol fis-seħħ. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE impenjaw ruħhom li jwettqu l-proposta sal-aħħar ta' din is-sena.

Aktar tagħrif

SKEDA INFORMATTIVA: L-impjiegi u t-traineeships fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: kif jaħdem u kif tissieħeb

Skeda informattiva: Taking the European Solidarity Corps forward (Immexxu lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 'l quddiem)

Skeda informattiva għall-organizzazzjonijiet

MEMO: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

MEMO: Immexxu lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 'l quddiem: Mistoqsijiet u Tweġibiet

IP/17/1915

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar