Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE u l-Ġappun jilħqu ftehim fil-prinċipju fuq l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika

Brussell, is-6ta' lulju 2017

L-Unjoni Ewropea u l-Ġappun illum laħqu ftehim fil-prinċipju dwar l-elementi ewlenin ta' Ftehim ta' Sħubija Ekonomika.

Dan se jkun l-iktar ftehim kummerċjali bilaterali importanti li qatt ġie konkluż mill-UE u għalhekk se jinkludi għall-ewwel darba, impenn speċifiku favur il-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima.

Fir-rigward tal-UE u tal-Istati Membri, il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika se jneħħi l-maġġoranza l-kbira ta' dazji mħallsa mill-kumpaniji tal-UE, li kull sena jammontaw għal EUR 1 biljun, se jiftaħ is-suq Ġappuniż lill-esportazzjonijiet agrikoli ewlenin tal-UE u se jżid l-opportunitajiet f'firxa ta' setturi. Il-ftehim jistabbilixxi l-ogħla standards tax-xogħol, is-sigurtà, il-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumaturi, jissalvagwardja għalkollox is-servizzi pubbliċi u għandu kapitlu ddedikat għall-iżvilupp sostenibbli. Il-ftehim jibni fuq u jirrinforza standards għolja għall-protezzjoni ta' dejta personali li kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun riċentament stabbilixxew fil-liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta tagħhom.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe ħabbru l-konklużjoni tal-ftehim fil-prinċipju waqt is-Summit UE-Ġappun.

Il-President Juncker qal: “Illum qbilna fil-prinċipju dwar Ftehim ta' Sħubija Ekonomika li l-impatt tiegħu jmur lil hinn sew minn xtutna. Permezz ta' dan il-ftehim, l-UE u l-Ġappun jirrispettaw il-valuri komuni tagħhom u jikkommettu ruħhom lejn l-ogħla standards f'oqsma bħal-liġi, is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur. Bil-ħidma tagħna lejn deċiżjonijiet ta' adegwatezza komuni, aħna wkoll nagħmlu impenn qawwi biex insostnu d-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta. Flimkien qed nibagħtu messaġġ b'saħħtu lid-dinja li nappoġġaw il-kummerċ miftuħ u ġust. Sa fejn aħna kkonċernati, ma hemmx protezzjoni fil-protezzjoniżmu. Jekk naħdmu flimkien biss inkunu nistgħu nissettjaw standards globali ambizzjużi. Dan se jkun il-messaġġ li l-UE u l-Ġappun se jwasslu flimkien fil-laqgħa tal-G20 għada.”

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström żiedet tgħid: “Dan il-qbil għandu importanza ekonomika enormi imma huwa wkoll mod biex nersqu eqreb lejn xulxin. Aħna qed nuru li l-UE u l-Ġappun, sħab globali, demokratiċi u miftuħin, jemmnu fil-kummerċ ħieles. Li nemmnu fil-bini ta' pontijiet, u mhux ta' ħitan. La l-Ġappun huwa r-raba' l-ikbar ekonomija fid-dinja b'aptit kbir għal prodotti Ewropej, dan huwa ftehim li għandu potenzjal kbir għall-Ewropa. Qed nistennew li l-esportazzjonijiet f'ħafna setturi tal-ekonomija tal-UE se jieħdu spinta kbira.”

Phil Hogan, il-Kummissarju responsabbli għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qal: Din hija sitwazzjoni fejn jirbħu ż-żewġ sħab, imma rebħa wkoll għall-Ewropa rurali. Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun huwa l-ftehim l-iktar sinifikanti u b'ambitu wiesa' li qatt ġie konkluż fil-qasam tal-agrikoltura. Illum qed nistabbilixxu punt ta' riferiment ġdid fil-kummerċ fl-agrikoltura. It-tariffi fuq l-esportazzjoni tal-inbid se jisparixxu mill-ewwel jum tad-dħul fis-seħħ. Għall-produtturi tal-inbid, dan se jfisser iffrankar ta' EUR 134 miljun fis-sena. Bl-istess mod, it-Tiroler Speck Awstrijak, il-Münchener Bier Ġermaniża, il-Jambon d'Ardenne Belġjan, il-Polska Wódka kif ukoll aktar minn 200 Indikazzjoni Ġeografika oħrajn tal-UE issa se jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni fil-Ġappun li għandhom fl-Ewropa.”

Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika se żżid l-esportazzjonijiet tal-UE u se toħloq opportunitajiet ġodda għal kumpaniji Ewropej, kemm dawk żgħar kif ukoll kbar, għall-impjegati tagħhom, u għall-konsumaturi. Il-valur tal-esportazzjonijiet mill-UE jistgħu jiżdiedu sa EUR 20 biljun, li jfisser iktar possibiltajiet u xogħlijiet f'ħafna setturi tal-UE bħall-agrikultura u l-prodotti tal-ikel, il-ġlud, l-ilbies u ż-żraben, il-prodotti mediċinali, l-apparat mediku u oħrajn.

Fir-rigward tal-esportazzjonijiet agrikoli mill-UE, il-ftehim:

- se jneħħi d-dazji minn fuq ħafna ġobnijiet, bħall-Gouda u ċ-Cheddar (li attwalment huma fil-livell ta' 29.8 %) kif ukoll fuq esportazzjonijiet tal-inbid (li d-dazju fuqhom qiegħed f'medja ta' 15 %);

- se jippermetti lill-UE biex iżżid l-esportazzjonijiet tagħha tal-laħam taċ-ċanga lejn il-Ġappun b'mod sostanzjali, filwaqt li fir-rigward tal-laħam tal-majjal, se jkun hemm kummerċ mingħajr dazji għal laħam ipproċessat u kummerċ kważi mingħajr dazji għal laħam frisk;

- se jiżgura l-protezzjoni ta' 'l fuq minn 200 prodott agrikoli ta' kwalità għolja Ewropew fil-Ġappun, l-hekk imsejħa Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Il-ftehim:

- jiftaħ ukoll swieq tas-servizzi, b'mod partikolari s-servizzi finanzjarji, il-kummerċ elettroniku, it-telekomunikazzjoni u t-trasport;

- jiggarantixxi aċċess għall-kumpaniji tal-UE għas-swieq kbar tal-akkwist fil-Ġappun fi 48 belt kbira, u jneħħi ostakli eżistenti għall-akkwist fis-settur ekonomikament importanti tal-ferroviji fil-livell nazzjonali.

- jipproteġi s-setturi ekonomiċi sensittivi tal-UE, pereżempju fis-settur awtomobilistiku, b'perjodi ta' tranżizzjoni qabel ma jinfetħu s-swieq.

Il-ftehim se jsaħħaħ ukoll it-tmexxija tal-Ewropa fit-tiswir tal-globalizzazzjoni u r-regoli tal-kummerċ globali skont il-valuri ewlenin tagħna u se jissalvagwardja l-interessi u s-sensittivitajiet tal-UE. B'dan il-mod, il-ftehim jindirizza wħud mill-isfidi identifikati fid-dokument ta' riflessjoni dwar l-Isfruttar tal-Globalizzazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni bħala parti mill-proċess tal-White Paper.

Il-Passi li Jmiss

Il-ftehim fil-prinċipju tal-lum ikopri l-biċċa l-kbira tal-aspetti tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika. F'xi kapitli, għad iridu jiġu ffinalizzati xi dettalji tekniċi u għad hemm xi kapitli li għadhom barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim fil-prinċipju. Pereżempju, fir-rigward tal-protezzjoni tal-investiment. L-UE ppreżentat is-Sistema ta' Qorti tal-Investiment riformata tagħha u se tagħmel kuntatt mal-imsieħba kollha tagħna, inkluż mal-Ġappun, biex taħdem lejn it-twaqqif ta' Qorti tal-Investiment Multilaterali. Oqsma oħra li jirrikjedu iktar xogħol jinkludu l-kooperazzjoni regolatorja u l-kapitli ġenerali u istituzzjonali.

Abbażi tal-ftehim fil-prinċipju tal-lum, in-negozjaturi miż-żewġ naħat se jkomplu l-ħidma tagħhom biex isolvu l-kwistjonijiet tekniċi li għad fadal u jikkonkludu test finali tal-ftehim sal-aħħar tas-sena. Il-Kummissjoni mbagħad se tgħaddi għall-verifika legali u għat-traduzzjoni tal-ftehim fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u konsegwentement tissottomettih għall-approvazzjoni tal-Istati Membri tal-UE u tal-Parlament Ewropew.

Għal Iktar Informazzjoni

L-24 Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit UE-Ġappun

Memo: elementi ewlenin tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-protezzjoni ta' dejta

Paġna fowkus b'ritratti u materjal viżiv mis-summit u min-negozjati (disponibbli għat-tniżżil)

Skedi informattivi tematiċi u infografiċi dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun

Infografiċi tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun

L-istejjer tal-esportaturi: Esportaturi Ewropej li jidħlu fis-suq tal-Ġappun

Kapitli miftiehma u dokumenti ta' negozjar

Il-ftehim fil-prinċipju – rapport sottomess lill-Istati Membri

Bloggata tal-Kummissarju Malmström: Ftehim mal-Ġappun

Trasparenza fin-negozjati: laqgħat u dokumenti

Iktar dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun

Iktar dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun

IP/17/1902

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar