Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta' Azzjoni biex jingħata appoġġ lill-Italja, tonqos il-pressjoni u tiżdied is-solidarjetà

Strasburgu, I-4ta' lulju 2017

Bis-sitwazzjoni li qed issir dejjem aktar urġenti tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, illum il-Kummissjoni qed tistabbilixxi serje ta' miżuri immedjati li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri tal-UE, mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji tal-UE, u mill-Italja nnifisha.

Filwaqt li jibnu fuq il-ħidma ta' dawn l-aħħar sentejn sabiex isalvaw il-ħajjiet mill-baħar u biex jiġġestixxu l-għadd dejjem jikber ta' wasliet tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, issa jinħtieġ li l-atturi kollha jintensifikaw u jżidu l-pass tal-isforzi tagħhom f'konformità mal-urġenza dejjem tikber tas-sitwazzjoni u mal-impenji li ħadu l-mexxejja tal-UE. Il-miżuri tal-lum għandhom jiffurmaw il-bażi tad-diskussjonijiet fil-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f'Tallinn nhar il-Ħamis.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Din is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Mediterran la hija ġdida u lanqas realtà tranżitorja. Għamilna progress enormi tul dawn l-aħħar sentejn u nofs lejn politika ġenwina ta' migrazzjoni fl-UE iżda l-urġenza tas-sitwazzjoni issa titlob li serjament inħaffu l-pass tal-ħidma kollettiva tagħna u li ma nħallux lill-Italja iżolata. Il-fowkus tal-isforzi tagħna jrid ikun fuq is-solidarjetà –ma' dawk li qed jaħarbu mill-gwerra u l-persekuzzjoni u mal-Istati Membri tagħna li l-aktar jinsabu taħt pressjoni. Fl-istess ħin, irridu naġixxu, b'appoġġ għal-Libja, biex nikkumbattu lit-traffikanti u nsaħħu l-kontrolli fil-fruntieri sabiex innaqqsu l-għadd ta' dawk li jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa.”

Azzjonijiet sabiex jingħata appoġġ lill-Italja u jnaqqsu l-flussi

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi sett ta' miżuri li għandhom jittieħdu issa sabiex jitħaffef il-pass tal-ħidma kollettiva tal-Unjoni Ewropea tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, inklużi b'mod partikolari li:

Il-Kummissjoni se:

  • Tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet Libjani, permezz ta' proġett ta' EUR 46 miljun imħejji flimkien mal-Italja;
  • Tappoġġa l-ħolqien ta' Ċentru ta' Koordinazzjoni u Salvataġġ Marittimu fil-Libja kompletament operattiv;
  • Tintensifika l-finanzjament għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-Italja, b'EUR 35 miljun addizzjonali lesti biex jiġu mobilizzati minnufih;
  • Tiżgura mobilizzazzjoni totali tal-aġenziji tal-UE:
    • l-Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil (EASO) huwa lest li jżid in-numru ta' timijiet mobbli li jappoġġaw l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;
    • l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha b'urġenza teżamina l-proposti tal-Italja rigward l-Operazzjoni Konġunta Triton;
    • u r-riżerva ta' reazzjoni rapida tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta b'aktar minn 500 espert dwar ir-ritorn hija lesta biex tiġi mobilizzata hekk kif titlobha l-Italja;
  • Tniedi u tiffinanzja eżerċizzju ġdid ta' wegħdiet tar-risistemazzjoni l-aktar mil-Libja, l-Eġittu, in-Niġer, l-Etjopja u s-Sudan flimkien mal-UNHCR mil-lum stess;
  • Taħdem mal-Libja biex issaħħaħ il-kontrolli fil-fruntiera tan-Nofsinhar, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u l-Istati Membri bl-appoġġ tas-sostenn finanzjarju tal-UE;
  • Tintensifika l-ħidma biex tikkonkludi ftehimiet ta' riammissjoni (jew arranġamenti informali ekwivalenti) mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, bl-appoġġ tal-Istati Membri;
  • Taħdem aktar man-Niġer u l-Mali fil-Qafas ta' Sħubija biex jiġi ostakolat iċ-ċaqliq lejn il-Libja;
  • Tkompli taħdem mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) biex jiżdied il-pass tar-Ritorni Volontarji Assistiti mil-Libja u n-Niġer lejn il-pajjiżi ta' oriġini, inkluż billi tipprovdi finanzjament addizzjonali;
  • Flimkien mal-Istati Membri tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Qafas ta' Sħubija, inkluż lil hinn mill-ħames pajjiżi prijoritarji oriġinali, bl-użu ta' ingranaġġi kemm pożittivi kif ukoll negattivi;
  • Apparti l-EUR 200 miljun mobilizzati fl-2017 għat-tieqa tal-Afrika tal-Fuq tal-Fond Fiduċjarju UE-Afrika, tiżgura finanzjament ekwivalenti għall-2018 u wara mill-baġit tal-UE u mill-Istati Membri (ara t-tabella);

L-Istati Membri għandhom:

  • Jikkontribwixxu ħafna aktar lill-Fond Fiduċjarju Afrika-UE, biex jikkomplementaw il-kontribuzzjoni ta' EUR 2.6 biljun mill-baġit limitat tal-UE, f'konformità mal-impenji tagħhom li jmorru lura sa Novembru 2015 (ara t-tabella);
  • Jaċċelleraw ir-rilokazzjoni mill-Italja permezz ta' rispons aktar rapidu għal talbiet mill-Italja, iżidu l-wegħdiet tad-donaturi u b'mod aktar regolari;
  • Jgħinu fid-djalogu mat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Alġerija, biex flimkien mal-Kummissjoni u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jinkoraġġuhom jingħaqdu mas-Seahorse Mediterranean Network, u jappellaw lit-Tuneżija, lil-Libja u lill-Eġittu biex jiddikjaraw iż-żoni tagħhom tat-tiftix u salvataġġ u jistabbilixxu Ċentru ta' Koordinazzjoni u Salvataġġ Marittimu formali;
  • Jaċċelleraw id-diskussjonijiet, flimkien mal-Parlament Ewropew, dwar ir-riforma tas-sistema ta' Dublin għall-allokazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE sabiex ikun hemm qafas aktar stabbli meta jiġu indirizzati dawn l-isfidi fil-futur.
  • Jimmobilizzaw il-kapaċitajiet tagħhom, flimkien ma' dawk il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta b'appoġġ għar-ritorn tal-migranti irregolari mill-Italja;

L-Italja għandha:

  • Tabbozza, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u fuq il-bażi ta' djalogu mal-NGOs, Kodiċi ta' Kondotta għall-NGOs li jwettqu attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Mediterran;
  • Twettaq l-impenji tagħha dwar ir-rilokazzjoni, billi:
    • tirreġistra, bħala kwistjoni ta' urġenza, lill-Eritrej kollha preżenti fl-Italja;
    • tiċċentralizza u tistandardizza l-proċedura ta' rilokazzjoni;
    • tippermetti r-rilokazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati;
    • u turi iżjed flessibbiltà fil-kontrolli tas-sigurtà rranġati b'mod bilaterali ma' Stati Membri oħra;
  • Timplimenta malajr il-liġi Minniti, inkluż billi:
    • toħloq kapaċità addizzjonali ta' hotspots;
    • b'mod urġenti żżid il-kapaċità ta' akkoljenza u żżid sostanzjalment il-kapaċità ta' detenzjoni sabiex din tilħaq mill-inqas 3,000;
    • iżżid il-perjodu massimu ta' detenzjoni f'konformità mad-dritt tal-UE;
    • u tħaffef il-pass sostanzjalment tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-istadju tal-appell;
  • Tħaffef il-pass tar-ritorni billi:
    • tapplika proċeduri ta' ritorn imħaffa;
    • tagħmel użu usa' mill-proċeduri rapidi u mir-raġunijiet ta' inammissibbiltà;
    • tiżviluppa lista nazzjonali ta' pajjiżi ta' oriġini siguri;
    • toħroġ deċiżjonijiet ta' ritorn b'mod parallel u flimkien ma' deċiżjonijiet dwar l-ażil;
    • tqis l-użu ta' restrizzjonijiet ta' residenza;
    • u żżomm lura milli tipprovdi dokumenti tal-ivvjaġġar lil persuni li jfittxu l-ażil.

Ara l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni hawnhekk.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni qed taħdem flimkien mal-presidenza Estonjana tal-Kunsill u l-miżuri ppreżentati llum għandhom jifformaw il-bażi ta' diskussjonijiet dwar appoġġ immedjat għall-Italja li ser isiru fil-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f'Tallinn nhar il-Ħamis.

Sfond

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha progressivament stabbilixxew rispons ta' politika aktar b'saħħitha u aktar artikulata biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġu ġestiti aħjar il-flussi migratorji fil-Mediterran Ċentrali (ara hawn).

Iżda t-telf ta' ħajja u l-flussi migratorji li għadhom għaddejjin ta' migranti primarjament ekonomiċi fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali hija sfida strutturali u għadha kwistjoni ta' tħassib serju u urġenti.

Fil-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2017, il-mexxejja impenjaw ruħhom li jaġixxu b'mod deċisiv issa “billi jagħtu spinta lill-koordinazzjoni u r-riżultati fl-elementi kollha li jinsabu fid-Dikjarazzjoni ta' Malta, il-Qafas ta' Sħubija u l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt tal-Belt Valletta, b'appoġġ ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

B'segwitu llum il-Kummissjoni qed tidentifika azzjonijiet speċifiċi li kull attur jista' u għandu jieħu biex dawn l-impenji fil-fatt jitwettqu.

L-Italja diġà ħadet passi importanti biex tappoġġa l-kooperazzjoni mal-Libja rigward il-ġestjoni tal-migrazzjoni u biex tkompli ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni fl-Italja stess. Il-liġi Minniti ta' dan l-aħħar għandha l-għan li tagħmel is-sistema Taljana tal-ażil u r-ritorn aktar effettiva minn kif inhi llum, billi tidentifika rapidament lil dawk l-aktar fil-bżonn ta' protezzjoni, filwaqt li jittieħdu passi li jistgħu jiffaċilitaw ir-ritorn rapidu tal-migranti ekonomiċi.

Għal aktar informazzjoni

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni

Skeda informattiva: Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni biex jingħata appoġġ lill-Italja u jitwaqqfu l-flussi

Skeda informattiva: Il-kontribuzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri lill-Fond Fiduċjarju UE-Afrika

Il-Komunikazzjoni ta' Jannar 2017: Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali: Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet

 

 

 

 

 

ANNESS: PJAN TA' AZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR MIŻURI GĦALL-APPOĠĠ TAL-ITALJA U BIEX TITNAQQAS IL-PRESSJONI FIR-ROTTA TAL-MEDITERRAN ĊENTRALI U BIEX TIŻDIED IS-SOLIDARJETÀ

It-telf ta' ħajja u l-flussi migratorji kontinwi, fil-biċċa l-kbira, ta' migranti ekonomiċi fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali huma sfida strutturali u għadhom kwistjoni ta' tħassib serju u urġenti mhux biss għall-Ewropa iżda wkoll għall-kontinent Afrikan kollu kemm hu. Fit-30 ta' Ġunju, Marco Minniti, il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Interni, indirizza ittra lill-President tal-Kunsill tal-Ministri, lill-Ministru Estonjan għall-Affarijiet Interni Andres Anvelt, u lill-Kummissarju għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni Dimitris Avramopoulos fejn wissa li s-sitwazzjoni fl-Italja dalwaqt ma kinitx se tibqa' sostenibbli. Il-kwistjoni tal-migrazzjoni fil-Mediterran Ċentrali se tkun fuq l-aġenda għal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern tas-6 u s-7 ta' Lulju. Dan huwa l-kontribut tal-Kummissjoni għad-diskussjoni f'din il-laqgħa u ma jeskludix azzjonijiet ulterjuri fid-dawl tar-riżultat tad-diskussjonijiet u l-iżviluppi fil-post.

I. Miżuri sabiex titnaqqas il-pressjoni migratorja fir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali u biex tiżdied is-solidarjetà

·         Koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta' Tiftix u Salvataġġ (SAR) fil-Mediterran Ċentrali:

o   L-Italja, flimkien mal-Kummissjoni u abbażi ta' djalogu mal-NGOs, għandha tabbozza Kodiċi ta' Kondotta għal NGOs involuti f'attivitajiet SAR. Il-Kunsill jista', possibbilment, japprova tali Kodiċi ta' Kondotta;

o   Kooperazzjoni aħjar bejn iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni ta' Salvataġġ Marittimu Taljan (MRCC) u MRCCs ġirien fejn hemm, jew tipi oħra ta' kooperazzjoni operazzjonali biex jiġi żgurat intervent fil-pront u effettiv;

o   L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha teżamina b'mod urġenti l-proposti tal-Italja fir-rigward tal-Operazzjoni Konġunta Triton.

o   Sħab fl-Afrika ta' Fuq, b'mod partikolari t-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja għandhom jiġu mħeġġa biex jinnotifikaw b'mod formali, iż-żona SAR tagħhom u jistabbilixxu MRCCs. Għal dan il-għan, l-Italja għandha timplimenta malajr l-istudju kontinwu tal-fattabbiltà tal-Gwardja tal-Kosta Taljana fir-rigward tal-kapaċità SAR Libjana bil-għan li taċċellera l-istabbiliment ta' MRCC totalment operattiv fil-Libja peress li dan ikun jippermetti lil-Libja biex tieħu r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni/koordinazzjoni ta' għadd ħafna ogħla ta' operazzjonijiet SAR milli hu l-każ illum.

o   It-Tuneżija, l-Eġittu u l-Alġerija għandhom ikunu mħeġġa jingħaqdu mas-Seahorse Mediterranean Network.

·         Żieda fl-azzjonijiet biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Libjani biex jikkontrollaw il-fruntieri:

o   L-attivitajiet kontinwi ta' taħriġ tal-Gwardja tal-Kosta Libjana jeħtiġilhom jissaħħu iktar u l-eżerċizzju ta' prijoritizzazzjoni ta' tagħmir u manutenzjoni jenħtieġ li jiġi ffinalizzat mal-awtoritajiet Libjani;

o   Sal-aħħar ta' Lulju, il-Bord tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għandu jadotta l-proġett tal-ġestjoni tal-fruntieri fl-ibħra u fl-art fil-Libja, ippreparat mill-Italja konġuntament mal-Kummissjoni, u li jiswa' EUR 46 miljun.

·         It-tisħiħ ta' azzjonijiet biex titnaqqas il-pressjoni migratorja fil-Libja u biex jiġi miġġieled il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin:

o   L-iskambju tal-informazzjoni bejn il-missjonijiet rilevanti tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Europol għandu jissaħħaħ u dan huwa previst b'mod espliċitu fil-mandat rivedut;

o   Ritorni Volontarji Assistiti mil-Libja u min-Niġer għal pajjiżi ta' oriġini permezz ta' inizjattiva konġunta mal-IOM għandhom jiġu aċċellerati b'aktar fondi disponibbli, jekk ikun meħtieġ;

o   Il-Kummissjoni se tniedi eżerċizzju ta' wegħda ta' risistemazzjoni flimkien mal-UNHCR, u se tibda b'dawk fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mil-Libja, l-Eġittu, in-Niġer, l-Etjopja u s-Sudan; 

o   L-UE u l-Istati Membri ser iżidu l-involviment tagħhom man-Niġer u mal-Mali biex jevitaw ċaqliq lejn il-Libja;

o   L-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu mal-Libja biex isaħħu b'mod sinifikanti u mgħaġġel il-kontrolli tal-fruntieri esterni tal-Libja (b'mod partikolari l-fruntieri fin-Nofsinhar) biex iwaqqfu flussi ulterjuri lejn il-Libja. Dan jinkludi kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u l-istabbiliment, permezz tal-appoġġ finanzjarju tal-UE ta' EUR 50 miljun, tal-“Forza Konġunta” li ġiet deċiża fl-aħħar Summit tal-G5, li għandha l-għan li terġa' ddaħħal kontrolli fil-fruntieri fiż-żoni ta' tranżitu tal-Mali, il-Burkina Faso u n-Niġer.

o   L-UE u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Sħubija, inkluż lil hinn mill-ħames pajjiżi ta' sħubija kurrenti, u jużaw kemm influwenzi pożittivi kif ukoll negattivi, l-iktar għall-pajjiżi ewlenin ta' oriġini, inkluż billi juaw il-viża bħala ingranaġġ kif xieraq.

·         Biex isir progress reali fir-rigward tar-ritorn ta' migranti irregolari

o   L-UE għandha:

§  tistabbilixxi ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE li jaħdmu sew, b'appoġġ sħiħ mill-Istati Membri, u arranġamenti prattiċi ma' pajjiżi terzi mingħajr aktar dewmien u għandha tuża l-lievi u l-inċentivi possibbli kollha;

§  timmobilizza bis-sħiħ il-kapaċitajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fuq it-talba tal-Italja sabiex tappoġġa r-ritorn ta' migranti irregolari, speċjalment permezz tal-iskjerament ta' timijiet Ewropej ta' intervent għar-ritorn mill-puli disponibbli u torganizza operazzjonijiet ta' ritorn li jkopru kemm it-titjiriet ċarter kif ukoll dawk kummerċjali.

o   L-Italja għandha:

§  tapplika proċeduri ta' ritorn imħaffa;

§  flimkien mad-deċiżjoni tal-ażil, immedjatament toħroġ deċiżjonijiet ta' ritorn għal ċerti kategoriji ta' applikanti għall-ażil miċħuda;

§  iżżid l-użu tar-Ritorni Volontarji Assistiti u tal-proċeduri ta' Riintegrazzjoni flimkien mal-IOM.

·         Twettaq bis-sħiħ l-impenji ta' rilokazzjoni eżistenti

o   L-Istati Membrigħandhom iżidu r-rilokazzjonijiet mill-Italja billi juru aktar flessibbiltà fl-aċċettazzjoni tal-applikanti li l-Italja pproponiet għar-rilokazzjoni, billi jwieġbu għat-talbiet Taljani iktar malajr, billi jżidu l-wegħdiet tagħhom u billi jwiegħdu b'mod iktar regolari.

o   L-Italja għandha tirreġistra bħala kwistjoni ta' urġenza, l-Eritreani kollha preżenti fl-Italja, tiċċentralizza l-proċedura ta' rilokazzjoni għal ċentri ta' rilokazzjoni speċifiċi, u tistandardizza l-proċedura biex tkun permessa r-rilokazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati. Barra minn hekk, l-Italja għandha tibqa' flessibbli u tiftiehem ma' ċerti Stati Membri arranġamenti bilaterali għal verifiki ta' sigurtà addizzjonali. L-Italja għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kampanja għall-ilħieq tal-EASO sabiex tidentifka u tirreġistra għar-rilokazzjoni l-applikanti potenzjali kollha li waslu fl-2016 u fl-2017 u li għadhom fl-Italja.

·         L-Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament addizzjonali b'mod urġenti għall-Fond Fiduċjarju tal-UE, u b'mod partikolari għat-Taqsima tal-Afrika ta' Fuq biex jiżguraw is-sostenibbiltà tiegħu għall-2018 u għas-snin ta' wara, b'konformità mal-impenji ddikjarati tagħhom. Min-naħa tagħha, l-UE mmobilizzat ammont addizzjonali ta' EUR 200 miljun għas-sena 2017 li dalwaqt se jiġu allokati u kkuntrattati. L-UE issa qiegħda attivament tidentifika iktar finanzjament mill-baġit tal-UE għall-2018.

II. It-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni mal-Italja

Minbarra l-miżuri biex titjieb il-ġestjoni tal-flussi tul ir-rotta tal-Meditterran ċentrali, hemm azzjonijiet li jistgħu jittieħdu sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni fl-Italja. Il-liġi ta' Minniti reċenti għandha l-għan li tagħmel li s-sistema Taljana għall-ażil u ritorn ħafna aktar effettiva milli hi llum billi tidentifika malajr dawk fil-bżonn ta' protezzjoni filwaqt li tieħu azzjonijiet li jistgħu jiffaċilitaw ir-ritorn mgħaġġel ta' migranti ekonomiċi li jirrappreżentaw il-maġġoranza vasta ta' migranti li qed jaslu u li qiegħdin fl-Italja.

·         L-Italja għandha tintensifika l-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi ta' Minniti, inkluż:

o   Iż-żieda sostanzjali fil-kapaċità eżistenti ta' hotspots stazzjonarji  (l-1600 post attwali għandhom jirduppjaw mill-inqas). Kapaċità addizzjonali ta' hotspots għandha tiffaċilita wkoll li l-migranti kollha jiġu identifikati, irreġistrati u jittiħdulhom il-marki tas-swaba'. Dan jippermetti li l-iżbark, is-skrinjar inizjali u t-tqassim permezz tal-proċedura tal-ażil jew tar-ritorn iseħħu primarjament fil-hotspots (is-skrinjar tal-applikanti u tqassim). F'kull hotspot għandu jkun hemm preżenti biżżejjed terminals għall-Eurodac, għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u għas-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba'.

o   Il-kapaċità strutturali kumplessiva ta' akkoljenza għandha tiżdied b'mod sinifikattiv.

o   Il-kapaċità ta' detenzjoni hija mistennija li tiżdied sostanzjalment biex tilħaq ta' mill-inqas 3 000 ruħ b'urġenza. B'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, ittawwal il-perjodu massimu attwali ta' detenzjoni billi tuża' l-perjodu kollu permess skont il-leġiżlazzjoni tal-UE.

o   Tiżgura l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom kapaċità suffiċjenti u tħaffef l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet b'mod sinifikanti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

·         L-UE mistennija ssaħħaħ il-finanzjament għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-Italja

o   Bħala azzjoni fl-immedjat, jista' jiġi mobilizzat minnufih ammont addizzjonali ta' EUR 35 miljun biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-riformi ta' Minniti.

·         Barra minn hekk, l-Italja għandha tieħu l-passi li ġejjin

o   Tuża proċeduri rapidi fejn tiġi eżaminata l-applikazzjoni filwaqt li l-applikanti jinżammu f'ċentri magħluqa sabiex tipprevjeni lill-migranti milli jaħarbu u biex tiffaċilita r-ritorn ta' dawk bi pretensjonijiet inammissibbli jew manifestament mingħajr bażi.

o   Tagħmel użu usa' tar-raġunijiet ta' inammissibbiltà li jkunu possibbli f'każijiet xierqa, speċjalment biex tiddikjara applikazzjonijiet bħala inammissibbli abbażi tal-kunċetti tal-ewwel pajjiż tal-ażil/tal-pajjiż terz sigur u tagħmel użu usa' ta' proċeduri aċċellerati, speċjalment meta applikant ikun ġej minn “pajjiż ta' oriġini sigur”, jew ikun qarraq bl-awtoritajiet. Tagħti kunsiderazzjoni lejn l-iżvilupp ta' lista nazzjonali ta' “pajjiżi ta' oriġini siguri”, billi tiprijoritizza l-inklużjoni tal-iktar pajjiżi ta' oriġini komuni tal-migranti li jaslu fl-Italja. Sabiex tingħata kopertura Ewropea, jistgħu jkunu ta' benefiċċju konklużjonijiet tal-Kunsill li jidentifikaw pajjiżi ta' oriġini siguri .

o   Tuża restrizzjonijiet ta' residenza/moviment ħieles u tevita milli tipprovdi dokumenti tal-ivvjaġġar lil dawk li qed ifittxu l-ażil biex tipprevjeni movimenti sekondarji, ħlief għal “raġunijiet umanitarji serji” fejn xieraq.

·         Għandu jkun disponibbli iktar appoġġ mill-EASO għall-azzjonijiet addizzjonali, b'mod partikolari għall-użu ta' proċeduri rapidi.

III. Lejn ġestjoni sostenibbli ta' kriżijiet

Sabiex l-arranġamenti biex jiġu trattati sitwazzjonijiet ta' kriżijiet jitqiegħdu fuq bażi iktar soda, huwa importanti ħafna li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jagħmlu progress fin-negozjati dwar il-proposta ta' Dublin bħala kwistjoni ta' urġenza. Sistema riformata ta' Dublin bħala parti minn approċċ komprensiv, inkluż it-tip ta' miżuri deskritti f'din in-nota, hija s-soluzzjoni sabiex tintwera solidarjetà mal-Italja u ma' Stati Membri oħra li huma taħt pressjoni filwaqt li jiġu ċċarati r-responsabilitajiet.

IP/17/1882

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar