Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni

Brussell, it-2ta' frar 2017

L-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), waħda mill-iżjed politiki tal-Unjoni Ewropea li ilhom fi-seħħ, se jippermettulha li tirreaġixxi b'mod aħjar għall-isfidi soċjali, politiċi, ambjentali u ekonomiċi tal-lum il-ġurnata.

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet l-ewwel fażi tal-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bil-ftuħ ta' konsultazzjoni pubblika ta' tliet xhur. Il-kontributi li waslu se jappoġġaw ix-xogħol tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-prijoritajiet tal-politika agrikola għall-ġejjieni. Politika Agrikola Komuni modernizzata u simplifikata tindirizza l-isfidi ewlenin li ż-żoni agrikoli u rurali qed iħabbtu wiċċhom magħhom filwaqt li fl-istess ħin tikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta' politika tal-Kummissjoni (notevolment ix-xogħol u t-tkabbir), l-iżvilupp sostenibbli, baġit iffukat fuq ir-riżultati, is-simplifikazzjoni u s-sussidjarjetà.

Waqt li kien qed iħabbar il-proċess ta' konsultazzjoni, il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Phil Hogan qal: “Illum qed nieħdu l-passi li jmiss biex nimmodernizzaw u nissimplifikaw il-Politika Agrikola Komuni għas-seklu 21. Bit-tnedija ta' din il-konsultazzjoni pubblika, qed nitolbu lill-partijiet ikkonċernati u lil dawk interessati mill-futur tal-ikel u tal-biedja fl-Ewropa biex jipparteċipaw fit-tfassil ta' politika għan-nies kollha tal-Ewropa. Din il-konsultazzjoni pubblika se tikkontribwixxi direttament fil-pjan direzzjonali għall-Politika Agrikola Komuni tal-Futur imħabbra f'Diċembru mill-President Juncker. Il-Politika Agrikola Komuni diġà qed twassal għal benefiċċji kbar għaċ-ċittadini Ewropej, f'termini tas-sigurtà tal-ikel, il-vitalità taż-żoni rurali, l-ambjent rurali u l-kontribut għall-isfida tat-tibdil fil-klima. Bit-tfassil ta' pjan direzzjonali għall-futur, kunfidenti li din tista' twassal għal ħafna aktar benefiċċji. Iżda rridu nirfinawha, nerġgħu nagħtuha l-ħajja, u fuq kollox niffinanzjawha b'mod adegwat.”

Il-konsultazzjoni pubblika se ddum 12-il ġimgħa u se tagħti l-opportunità lill-bdiewa, liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet u lil kull min hu interessat li jgħid tiegħu dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Kummissjon se tuża l-input tal-konsultazzjoni biex jgħin fl-abbozzar ta' Komunikazzjoni, mistennija għal tmiem l-2017, li se tinkludi konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni preżenti tal-Politika Agrikola Komuni u l-għażliet ta' politika potenzjali għall-ġejjieni bbażati fuq evidenza affidabbli.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jiġu ppubblikati online u ppreżentati mill-Kummissarju Hogan f'konferenza fi Brussell f'Lulju 2017.

Sfond

Imnedija fl-1962, il-Politika Agrikola Komuni hija waħda mill-iżjed politiki tal-UE li ilhom fis-seħħ u evolviet tul is-snin biex tilħaq l-isfidi li qed jinbidlu tas-swieq agrikoli. Għalkemm l-aktar riformi riċenti saru mill-2013, kien hemm għadd ta' żviluppi fundamentali sa minn dak iż-żmien li l-Politika Agrikola Komuni jeħtieġ li twieġeb għalihom b'mod aktar effettiv, bħaż-żieda fl-inċertezza fis-suq u l-prezzijiet li qed jaqgħu, impenji internazzjonali ġodda dwar il-bidla fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli.

Iffaċċjata b'dawn l-isfidi u oħrajn, il-Politika Agrikola Komuni teħtieġ li tiġi modernizzata, simplifikata biex tnaqqas aktar il-piż amministrattiv u magħmula aktar koerenti ma' politiki oħrajn tal-UE biex ikun massimizzat il-kontribut għall-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, il-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

Għal Aktar Tagħrif

Ħolqa għall-konsultazzjoni:

Ħolqa għall-MuT dwar DĠ AGRI:

Aktar tagħrif dwar il-Politika Agrikola Komuni:

Europeans, agriculture and the Common Agricultural Policy: Ewrobarometru 2016:

IP/17/187

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar