Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tniedi tikketta pan-Ewropea ġdida tal-pensjonijiet personali bħala għajnuna għall-konsumaturi biex ifaddlu għal meta jirtiraw

Brussell, id-29ta' gunju 2017

Il-konsumaturi Ewropej dalwaqt se jibbenefikaw minn aktar għażla meta jkunu qegħdin ifaddlu għall-irtirar, bis-saħħa tal-pjani tal-Kummissjoni li toħloq klassi ġdida ta' prodotti tal-pensjoni.

Il-proposta tal-lum se tipprovdi lill-fornituri tal-pensjonijiet bl-istrumenti biex ikunu jistgħu joffru prodott tal-pensjoni personali ġdid pan-Ewropew (PEPP) li jkun sempliċi u innovattiv. Dan it-tip ġdid ta' pensjoni personali volontarja huwa mfassal sabiex dawk li jfaddlu jkollhom għażla akbar meta jkunu qegħdin iwarrbu l-flus għal meta jkunu anzjani u jipprovdilhom aktar prodotti kompetittivi.

Il-PEPPs se jkollhom l-istess karatteristiċi standard kull fejn ikunu qegħdin jinbiegħu fl-UE u jkunu jistgħu jiġu offruti minn firxa wiesgħa ta' fornituri, bħal ma huma kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-banek, il-fondi ta' pensjoni okkupazzjonali, id-ditti tal-investiment u l-maniġers tal-assi. Huma se jikkumplimentaw il-pensjonijiet personali bbażati fuq l-istat, dawk okkupazzjonali u nazzjonali, iżda ma jeħdux post jew jarmonizzaw is-sistemi nazzjonali tal-pensjoni personali. Il-Kummissjoni llum qiegħda wkoll toħroġ rakkomandazzjoni li l-Istati Membri jagħtu l-istess trattament lil dan il-prodott, fejn tidħol it-taxxa, bħal dak li jagħtu lill-prodotti nazzjonali eżistenti sabiex jiġi żgurat li l-PEPP jibdew mal-ewwel fuq it-triq it-tajba. Il-prodotti l-ġodda fl-aħħar mill-aħħar se jixprunaw ukoll il-pjan tal-Kummissjoni biex ikun hemm Unjoni tas-Swieq Kapitali billi tingħata imbuttatura ħalli aktar flus imfaddla jiġu indirizzati lejn investiment għat-tul fl-UE.

Valdis Dombrovskis, Viċi President tal-Kummissjoni, responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: Il-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew huwa punt importanti fil-mixja lejn it-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Huwa għandu potenzjal enormi peress li se joffri lil dawk li jfaddlu madwar l-UE għażla akbar meta jkunu qegħdin iwarrbu l-flus għal meta jirtiraw. Huwa se jservi ta' xprun għall-kompetizzjoni billi jippermetti lill-fornituri joffru dan il-prodott ‘il barra mis-swieq nazzjonali tagħhom. Se jaħdem bħala tiketta tal-kwalità u jiena fiduċjuż li l-PEPP jaf ikattar l-investiment għat-tul fis-swieq kapitali.”

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “Il-proposta tal-lum hija eżempju ieħor tal-benefiċċji li jistgħu jinkisbu bit-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u t-tlestija tas-suq uniku għall-kapital fl-UE. Il-prodotti tal-pensjoni personali pan-Ewropej se jservu biex jimbuttaw ‘il quddiem il-kompetizzjoni fost il-fornituri tal-pensjoni, u jagħtu lill-konsumaturi għażla akbar ta' fejn iqiegħdu t-tifdil tagħhom. It-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija wkoll element importanti tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Nieħu pjaċir li din il-proposta se sservi wkoll biex it-tifdil jiġi indirizzat lejn investimenti għat-tul, biex tingħata għajnuna għall-kisba tal-objettivi tal-Pjan ta' Investiment li tittejjeb l-infrastruttura, u tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi.”

Il-benefiċċji prinċipali

Bħalissa, is-suq Ewropew tal-pensjonijiet privati huwa fframmentat u mhux ekwu. L-offerti huma kkonċentrati fi ftit Stati Membri filwaqt li f'xi wħud oħrajn kważi ma jeżistux. Din il-varjazzjoni fil-provvista hija marbuta ma' taħlita ta' regoli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jtellfu l-iżvilupp ta' suq kbir u kompetittiv tal-pensjonijiet privati, fil-livell tal-UE. Il-PEPP se jippermetti lill-konsumaturi jikkumplimentaw b'mod volontarju t-tifdil tagħhom għal meta jirtiraw, filwaqt li jibbenefika minn protezzjoni qawwija tal-konsumatur:

  • Dawk li jfaddlu bil-PEPP se jkollhom aktar għażla minn firxa kbira ta' fornituri tal-PEPP u jibbenefikaw minn kompetizzjoni akbar.

  • Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn rekwiżiti qawwija ta' informazzjoni u ta' distribuzzjoni, anki fuq l-internet. Il-fornituri se jkollhom bżonn li jingħataw awtorizzazzjoni mill-Awtorità Ewropea tal-Assikurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) biex ikunu jistgħu jipprovdu l-PEPP.

  • Il-PEPP se jagħti lil dawk li jfaddlu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' opzjoni ta' investiment standard sempliċi.

  • Dawk li jfaddlu se jkollhom id-dritt li kull ħames snin jibdlu l-fornituri – kemm fl-istess Stat Membru kif ukoll fi Stat Membru ieħor –. billi jeħlu spiża li jkollha limiti massimu

  • Il-PEPP se jkun jista' jinġarr minn Stat Membru għall-ieħor, jiġifieri dawk li jfaddlu permezz ta' PEPP se jkunu jistgħu jibqgħu jikkontribwixxu għall-PEPP tagħhom meta jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor.

Il-qafas regolatorju li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi llum se joħloq opportunitajiet għal firxa wiesgħa ta' fornituri biex ikunu attivi fis-suq tal-pensjoni personali:

  • Il-fornituri se jkunu jistgħu jiżviluppaw PEPPs madwar diversi Stati Membri, jiġbru flimkien l-assi tagħhom b'mod aktar effettiv u sabiex jaslu għal ekonomiji ta' skala.

  • Il-fornituri ta' PEPPs se jkunu jistgħu jilħqu lill-konsumaturi madwar l-UE kollha permezz ta' kanali elettroniċi ta' distribuzzjoni.

  • Il-fornituri tal-PEPPs, kif ukoll dawk li jfaddlu, se jkollhom għażliet differenti għall-pagamenti, fi tmiem ħajjet il-prodott.

  • Il-fornituri tal-PEPPs se jibbenefikaw minn passaport tal-UE biex tiġi ffaċilitata d-distribuzzjoni transfruntiera.

Il-proposta għal Regolament dwar il-PEPP hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament tat-taxxa tal-prodotti tal-pensjoni personali, inkluż il-PEPP. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu l-istess trattament lill-PEPPs, fejn tidħol it-taxxa, bħal ma jagħtu bħalissa lil prodotti nazzjonali eżistenti simili, anki jekk il-PEPP ma jissodisfax għal kollox il-kriterji nazzjonali għall-ħelsien mit-taxxa. L-Istati Membri qegħdin jiġu wkoll mistiedna biex jiskambjaw l-aħjar prattiċi li għandhom bħalissa dwar it-tassazzjoni tal-prodotti tal-pensjoni personali, li għandhom imexxu ‘il quddiem il-konverġenza tas-sistemi tat-taxxa.

L-isfond

Il-PEPP hija waħda mill-miżuri ċentrali mħabbra fl-Analiżi ta' nofs il-perjodu, li ħarġet ix-xahar li għadda, tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-proġett tal-Kummissjoni li jinħoloq suq uniku għall-kapital fl-UE. Il-PEPP tappoġġja l-għan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li huwa dak li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex jiġi sfruttat il-finanzjament sabiex ikun jista' jgħaddi minn għand dawk li fl-Ewropa jfaddu lejn dawk li fl-Ewropa jagħmlu n-negozju.

Bħalissa huma biss 27% tal-Ewropej bejn l-età ta' 25 u 59 li għandhom xi prodott tal-pensjoni. Il-PEPP tkun ta' kontribut biex dan il-potenzjal enormi jiġi sfruttat u biex fl-ekonomija tagħna jiġi xprunat l-investiment.

Ir-Regolament propost illum ikompli jibni fuq kważi 600 kontribut li daħal fl-amitu tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummisjoni fuq il-pensjonijiet personali li saret f'Ottubru 2016. Ħafna minn fost dawk li wieġbu qalu li l-provvista ta' bħalissa ta' prodotti tal-pensjoni personali fl-UE mhix suffiċjenti. Ħa ukoll f'kunsiderazjoni żewġ rapporti mill-EIOPA fl-2014 u l-2016 kif ukoll studju estern minn kuntrattur estern.

Il-proposta tal-PEPP issa se tiġi diskussa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Hekk kif jiġi adottat, ir-Regolament jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni

MEMO

Skeda informattiva

Sit web ta' DG FISMA dwar il-Prodotti tal-Pensjoni Personali

L-Analiżi ta' nofs it-terminu tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Id-dokument tal-EPSC dwar il-Prodott tal-Pensjoni pan-Ewropew.

IP/17/1800

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar