Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Sigurtà: il-Kummissjoni twettaq l-impenji tagħha dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE

Brussell, id-29ta' gunju 2017

.

Illum il-Kummissjoni qed twettaq l-impenji tagħha biex tiżgura l-interoperabbiltà u tindirizza n-nuqqasijiet eżistenti tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għas-sigurtà u għall-ġestjoni tal-fruntieri, kif stabbilixxiet il-Kummissjoni fis-seba' Rapport dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tagħha fis-16 ta' Mejju u approva l-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta' Ġunju. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija tal-UE għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira (eu-LISA), u tippermetti li tiżviluppa u tniedi s-soluzzjonijiet tekniċi biex is-sistemi tal-informazzjoni tal-UE jsiru aktar interoperabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll aktar titjib fis-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' rekords penali (ECRIS) biex tippermetti li l-Istati Membri jiskambjaw rekords penali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'mod aktar effiċjenti.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, qal: "Jeħtieġ li l-uffiċjali tal-fruntiera, l-uffiċjali tal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-uffiċjali tal-immigrazzjoni tagħna jkollhom aċċess għall-informazzjoni tajba biex jagħmlu xogħolhom. Is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna tiddependi fuq il-kwalità u d-disponibbiltà ta' din l-informazzjoni. Bil-mandat aktar b'saħħtu li qed nipproponu llum, eu-LISA se ssir iċ-ċentru ta' eċċellenza diġitali tal-UE, biex il-viżjoni tagħna għall-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni tagħna ssir realtà.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King, qal: "Għandna firxa ta' bażijiet tad-dejta li jgħinuna niġġieldu t-terroriżmu u nimmaniġġjaw il-fruntieri tagħna iżda s-sistemi tagħna jistgħu jkunu b'saħħithom u effettivi biss daqs id-dejta li jkun fihom. Bil-proposti tal-lum, qed nindirizzaw il-limiti attwali għall-mod kif is-sistemi tagħna jipprovdu informazzjoni, u b'hekk inwettqu l-impenn tagħna li niżguraw sistemi b'saħħithom u intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, qalet: “Li nġibu l-immaniġġjar operazzjonali tas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE taħt saqaf wieħed u niċċentralizzaw l-iskambju tal-informazzjoni tar-rekords penali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi huwa pass importanti ‘l quddiem. Bil-proposti tal-lum qed nagħtu għodod aktar b'saħħithom lill-pulizija, lill-prosekuturi u lill-imħallfin kontra l-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu.”

Niżguraw l-interoperabbiltà: Mandat aktar b'saħħtu għall-eu-LISA

Sabiex nindirizzaw il-limiti attwali tas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE, neliminaw il-lakuni fl-informazzjoni u nippermettu li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn is-sistemi, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ il-mandat tal-eu-LISA. Ir-riforma tal-lum se tagħti mandat lill-Aġenzija biex tiżviluppa s-soluzzjonijiet tekniċi meħtieġa biex tinkiseb l-interoperabbiltà. Issa, l-Aġenzija se tkun responsabbli wkoll biex tiżviluppa u tmexxi sistemi tal-informazzjoni tal-UE fuq skala kbira futuri.

L-Aġenzija eu-LISA rriformata se:

  • Tipprovdi tmexxija operattiva ċentralizzata ta' Sistemi tal-Informazzjoni tal-UE. L-Aġenzija eu-LISA, li attwalment hija responsabbli fil-livell ċentrali għat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u tal-Eurodac, se tkun responsabbli wkoll għat-tħejjija, għall-iżvilupp u għat-tmexxija operattiva tas-sistema tal-informazzjoni l-ġodda proposti mill-Kummissjoni; jiġifieri s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u s-Sistema tal-UE ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) kif ukoll is-Sistema Ewropea aġġornata ta' Informazzjoni ta' rekords penali għal Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi u Persuni Apolidi (ECRIS-TCN) proposti llum mill-Kummissjoni.
  • Tiżviluppa l-karatteristiċi tekniċi ewlenin tal-approċċ tal-Kummissjoni lejn l-interoperabbiltà – ladarba l-istrumenti leġiżlattivi rilevanti jkunu ġew adottati – li jikkonsistu f'Portal Ewropew ta' Tfittxija, servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku u Repożitorju Komuni tal-Identità biex is-sistemi tal-informazzjoni kollha tal-UE jinteraġixxu b'mod effiċjenti u jkunu aċċessibbli għall-pulizija u għall-uffiċjali doganali fuq il-post.
  • Ittejjeb il-kwalità tad-dejta billi tiżviluppa mekkaniżmi awtomatizzati tal-kontroll tal-kwalità tad-dejta. Dawn jiżguraw li tiġi identifikata dejta inkorretta jew inkonsistenti b'mod awtomatiku. L-Istat Membru li jdaħħal id-dejta mbagħad jiġi nnotifikat biex ineħħi jew jaġġorna d-dejta. 

Skambju tar-rekords penali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi: aġġornament tas-Sistema “ECRIS”

Wara li pproponiet li tirriforma s-sistema attwali f'Jannar 2016 biex tinkludi marki tas-swaba' ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, illum il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta supplimentari biex:

  • Toħloq sistema ECRIS ċentralizzata għaċ-Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi: bażi tad-dejta ċentralizzata tagħmilha possibbli li jiġi vverifikat malajr jekk Stat Membru jkollux informazzjoni dwar il-kundanni ta' ċittadin ta' pajjiż terz. It-titjib propost jippermetti li l-Istati Membri jitolbu l-informazzjoni dettaljata dwar il-kundanni permezz tas-sistema ECRIS direttament mill-Istati Membri identifikati.
  • Tgħin biex tistabbilixxi l-identità ta' ċittadini kkundannati ta' pajjiżi terzi: ECRIS-TCN tinkludi informazzjoni dwar ismijiet, indirizzi, marki tas-swaba' u immaġnijiet tal-wiċċ jekk disponibbli, u dan jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tittejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni tal-identità dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi, li ta' spiss tista' tkun anqas affidabbli minn ta' ċittadini tal-UE, minħabba l-inċertezza dwar id-dokumenti tal-identità ppreżentati.
  • Ittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ċittadini kkundannati ta' pajjiżi terzi: aċċess aktar faċli u rapidu għar-rekords penali jgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jsiru aktar effiċjenti fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. 
  • Tippermetti l-interoperabbiltà ma' bażijiet tad-dejta oħra tal-UE: b'sistema ċentralizzata, ECRIS se tkun parti mis-sistemi żviluppati u mmexxija mill-Aġenzija eu-LISA, u tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni ma' sistemi oħrajn tal-UE bħala parti mill-approċċ tal-Kummissjoni biex tintlaħaq l-interoperabbiltà. 

Sfond

Id-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2016 enfasizzaw l-importanza li jingħelbu n-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tad-dejta u li tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni eżistenti. L-attakki terroristiċi li seħħew dan l-aħħar poġġew dan f'dawl aktar qawwi, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li s-sistemi ta' informazzjoni jkunu interoperabbli, u li jiġu eliminati l-punti mhux viżibbli attwali fejn suspettati terroristiċi jistgħu jiġu rreġistrati f'bażijiet tad-dejta differenti u mhumiex konnessi ma xulxin, taħt psewdonimi differenti.

F'April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar sistemi ta' informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà, li fetħet diskussjoni dwar kif is-sistemi ta' informazzjoni fl-UE jistgħu jtejbu aktar il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna. F'Ġunju 2016, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar Sistemi ta' Informazzjoni u Interoperabbiltà biex imexxu 'l quddiem din il-ħidma u biex jindirizzaw l-isfidi legali, tekniċi u operazzjonali biex tinkiseb l-interoperabbiltà. Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli kellu l-aħħar laqgħa tiegħu fil-25 ta' April 2017 u ppreżenta r-rapport finali fil-11 ta' Mejju 2017.

Is-sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' rekords penali (ECRIS), stabbilita fl-2012, tippermetti li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jirċievu informazzjoni dwar kundanni penali preċedenti fi Stati Membri oħrajn. Attwalment, l-Istati Membri jibagħtu madwar 288,000 talba għal informazzjoni kull sena permezz tal-ECRIS dwar kundanni penali preċedenti madwar l-UE. L-aġġornament tal-ECRIS huwa prijorità ewlenija tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Kummissjoni, u dan jitlob li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu inklużi fl-ECRIS biex tittejjeb il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu. Fid-19 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass leġiżlattiv biex ittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi permezz tas-sistema ECRIS, billi s-sistema attwalment fis-seħħ hija tqila u ineffiċjenti. Illum, il-Kummissjoni tipproponi li tkompli taġġorna din l-għodda.

L-Aġenzija tal-UE għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira, eu-LISA, bdiet topera b'suċċess fl-1 ta' Diċembru, 2012. Hija tissodisfa l-kompiti għat-tmexxija operattiva għas-SIS II, VIS u EURODAC. Il-kompitu operattiv prinċipali tagħha hu li tiżgura li dawn is-sistemi jinżammu fi stat funzjonali 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Ir-responsabbilitajiet l-oħra tagħha jinkludu l-adozzjoni tal-miżuri ta' sigurtà meħtieġa u l-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-dejta kif ukoll il-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta.

Għal Iktar Informazzjoni

Skeda informattiva: Ewropa li tipproteġi

Skeda informattiva: Unjoni tas-Sigurtà: Interoperabbiltà

Skeda informattiva: Is-Sistemi ta' Informazzjoni Eżistenti tal-UE

Grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar sistemi ta' informazzjoni u interoperabbiltà — Rapport finali

Komunikazzjoni: Sistemi ta' informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u għas-sigurtà

 eu-LISA

Proposta għal Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

Rapport dwar il-funzjonament tal-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA). 

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - evalwazzjoni tal-eu-LISA: Sommarju eżekuttiv

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - evalwazzjoni tal-eu-LISA: Rapport sħiħ

 Sistema Ewropea ta' Informazzjoni tar-rekords penali

Proposta għal Regolament dwar l-ECRIS għal ċittadini ta' pajjiżi terzi

 Unjoni tas-Sigurtà

Stqarrija għall-istampa: Unjoni tas-Sigurtà: il-Kummissjoni taċċellera l-miżuri biex tipprevjeni r-radikalizzazzjoni u t-theddid ċibernetiku

Komunikazzjoni: it-Tmien Rapport ta' Progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

Skeda informattiva: Unjoni ta' Sigurtà

IP/17/1788

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar