Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Antitrust: Il-Kummissjoni timmulta lil Google €2.42 biljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha bħala magna tat-tiftix billi tat vantaġġ illegali lis-servizz tat-tqabbil tax-xiri tagħha stess

Brussell, is-27ta' gunju 2017

Il-Kummissjoni Ewropea mmultat lil Google €2.42 biljun talli kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix billi tat vantaġġ illegali lil prodott ieħor tal-Google, is-servizz tat-tqabbil tax-xiri tagħha.

Issa l-kumpanija għandha ttemm l-imġiba tagħha fi żmien 90 jum jew inkella taffaċċja pagamenti penali ta' massimu ta' 5% tal-medja tal-fatturat globali ta' kuljum ta' Alphabet, il-kumpanija omm ta' Google.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, stqarret: “Google ħarġet b'ħafna prodotti u servizzi innovattivi li għamlu differenza f'ħajjitna. Din hija ħaġa tajba. Imma l-istrateġija ta' Google fis-servizz tagħha ta' tqabbil tax-xiri ma kinitx tiffoka biss fuq kif se tattira lill-konsumaturi permezz tat-titjib tal-prodott tagħha meta mqabbel mal-prodotti tar-rivali tagħha. Minflok, Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix billi ppromoviet is-servizz tagħha stess ta' tqabbil tax-xiri fir-riżultati tat-tiftix tagħha u billi rrelegat 'l isfel ir-riżultati tal-kompetituri.

Dak li għamlet Google huwa illegali skont ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Hija ċaħdet lill-kumpaniji l-oħra mill-opportunità li jikkompetu abbażi tal-merti u li jinnovaw. U l-iktar ħaġa importanti, Google ċaħdet lill-konsumaturi Ewropej minn għażla ġenwina ta' servizzi u mill-benefiċċji sħaħ tal-innovazzjoni.

 

L-istrateġija ta' Google għas-servizz tagħha ta' tqabbil tax-xiri

Il-prodott ewlieni ta' Google huwa l-magna tat-tiftix ta' Google, li tipprovdi riżultati ta' tiftix lill-konsumaturi li jħallsu għas-servizz permezz tad-dejta tagħhom. Kważi 90% tad-dħul ta' Google joriġina mir-riklami, bħal dawk li turi lill-konsumaturi bħala reazzjoni għal rikjesta ta' tiftix.

Fl-2004, Google daħlet fis-suq separat ta' servizzi ta' tqabbil tax-xiri fl-Ewropa permezz ta' prodott li inizjalment kien jismu “Froogle”, li imbagħad, fl-2008, ingħata l-isem “Google Product Search” u mill-2013 sar jissejjaħ “Google Shopping”. Is-servizz jippermetti lill-konsumaturi biex jikkumparaw il-prodotti u l-prezzijiet onlajn u biex isibu negozji ta' kull tip minn bejjiegħa onlajn, inkluż minn ħwienet onlajn ta' manifatturi, minn pjattaformi onlajn (bħal Amazon u eBay), u minn bejjiegħa li jbiegħu mill-ġdid.

Meta Google daħlet fis-swieq tat-tqabbil tax-xiri permezz ta' Froogle, diġà kien hemm għadd ta' parteċipanti stabbiliti. Evidenza kontemporanja minn Google turi li l-kumpanija kienet konxja li l-prestazzjoni tas-suq ta' Froogle kienet pjuttost dgħajfa (dokument intern wieħed minn 2006 stqarr "Froogle simply doesn't work" / “Bażikament, Froogle ma jaħdimx”).

Is-servizzi ta' tqabbil tax-xiri jiddependu, fil-biċċa l-kbira, fuq it-traffiku sabiex ikunu kompetittivi. Iktar traffiku jwassal għal iktar klikkjaturi u jiġġenera iktar dħul. Barra minn hekk, iktar traffiku jattira wkoll iktar bejjiegħa li jridu jniżżlu l-prodotti tagħhom b'servizz ta' tqabbil tax-xiri. Minħabba l-pożizzjoni dominanti ta' Google fit-tiftix ġenerali bl-internet, il-magna tat-tiftix tagħha hija sors importanti ta' traffiku għal servizzi ta' tqabbil tax-xiri.

Mill-2008, Google bdiet timplimenta bidla fundamentali fl-istrateġija tagħha biex tpoġġi fuq quddiem is-servizz ta' tqabbil tax-xiri tagħha fis-swieq Ewropej. Din l-istrateġija kienet tiddependi fuq id-dominanza ta' Google fit-tiftix ġenerali bl-internet minflok fuq il-kompetizzjoni abbażi ta' merti fis-swieq ta' tqabbil tax-xiri:

  • Google sistematikament tat spazju prominenti lis-servizz tagħha stess ta' tqabbil tax-xiri: meta konsumatur idaħħal rikjesta fil-magna tat-tiftix ta' Google li abbażi ta' din, is-servizz ta' tqabbil tax-xiri ta' Google jrid juri riżultati, dawn jiġu murija fil-parti ta' fuq tar-riżultati tat-tiftix jew viċin il-parti ta' fuq.
  • Google rrelegat is-servizzi ta' tqabbil tax-xiri tar-rivali fir-riżultati tat-tiftix tagħha: servizzi ta' tqabbil tax-xiri tar-rivali jidhru fir-riżultati tat-tiftix ta' Google abbażi tal-algoritmi tat-tiftix ġeneriċi ta' Google. Google inkludiet għadd ta' kriterji f'dawn l-algoritmi, li b'riżultat tagħhom is-servizzi ta' tqabbil tax-xiri tar-rivali jiġu rrelegati 'l isfel. L-evidenza turi li anke s-servizz rivali bl-ogħla klassifikazzjoni, bħala medja, jidher biss fuq ir-raba' paġna tar-riżultati tat-tiftix ta' Google, u l-oħrajn jidhru iktar 'l isfel. Is-servizz ta' tqabbil tax-xiri ta' Google stess mhuwiex soġġett għall-algoritmi tat-tiftix ġeneriċi ta' Google, inkluż tali relegazzjonijiet.

B'riżultat ta' dan, is-servizz ta' tqabbil tax-xiri ta' Google huwa ħafna iktar viżibbli għall-konsumaturi fir-riżultati ta' tiftix ta' Google, filwaqt li s-servizzi ta' tqabbil tax-xiri tar-rivali huma ħafna inqas viżibbli.

L-evidenza turi li l-konsumaturi jikklikkjaw ħafna iktar ta' spiss fuq riżultati li huma iktar viżibbli, jiġifieri, fuq ir-riżultati li huma kklassifikati f'pożizzjoni ogħla fir-riżultati ta' tiftix ta' Google. Anke fuq desktop, l-għaxar riżultati ta' tiftix ġeneriċi kklassifikati fl-ogħla post fuq l-ewwel paġna, flimkien ġeneralment jirċievu madwar 95% tal-klikkjaturi kollha fir-riżultati ta' tiftix ġeneriċi (bl-ogħla riżultat jirċievi madwar 35% tal-klikkjaturi kollha). L-ewwel riżultat fuq it-tieni paġna tar-riżultati ta' tiftix ġeneriċi ta' Google jirċievi madwar 1% biss tal-klikkjaturi kollha. Dan ma jistax jiġi spjegat biss mill-fatt li l-ewwel riżultat huwa iktar rilevanti għax l-evidenza turi wkoll li ċ-ċaqliq tal-ewwel riżultat għat-tielet klassifikazzjoni jwassal għal tnaqqis fin-numru ta' klikkjaturi b'madwar 50%. L-effetti fuq il-mowbajls huma ħafna iktar enfassizzati minħabba d-daqs tabilħaqq iżgħar tal-iskrijn.

Dan ifisser li meta tat spazju prominenti lis-servizz ta' tqabbil tax-xiri tagħha biss u permezz tar-relegazzjoni tal-kompetituri tagħha, Google tat vantaġġ sinifikanti lis-servizz ta' tqabbil tax-xiri tagħha stess meta mqabbel ma' dawk tar-rivali.

 

Ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE

Il-prattiki ta' Google jammontaw għal abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta' Google fir-rigward tat-tiftix ġenerali bl-internet billi joħonqu l-kompetizzjoni fis-swieq tat-tqabbil tax-xiri.

Bħala tali, id-dominanza fis-suq mhix illegali skont ir-regoli tal-antitrust tal-UE. Madankollu, il-kumpaniji dominanti għandhom responsabbiltà speċjali biex ma jabbużawx mill-pożizzjoni b'saħħitha tagħhom fis-suq billi jirrestrinġu l-kompetizzjoni, la fis-suq fejn jiddominaw u lanqas fi swieq separati.

  • Id-Deċiżjoni tal-lum tikkonkludi li Google tiddomina fis-swieq tat-tiftix ġenerali bl-internet madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (ŻEE), jiġifieri fil-31 pajjiżi kollha taż-ŻEE). Hija sabet li mill-2008, Google kienet tiddomina fis-swieq ġenerali ta' tiftix bl-internet fil-pajjiżi kollha taż-ZEE, ħlief fir-Repubblika Ċeka fejn id-Deċiżjoni ilha tistabbilixxi dominanza mill-2011. Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-magna tat-tiftix ta' Google kellha ishma tas-suq għoljin ħafna fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE, fejn qabżu d-90% fil-parti l-kbira tagħhom. Hija għamlet dan b'mod konsistenti minn almenu l-2008, li huwa l-perjodu investigat mill-Kummissjoni. Hemm ukoll ostakoli kbar ħafna biex wieħed jidħol f'dawn is-swieq, parzjalment minħabba effetti tan-netwerk: aktar mal-konsumaturi jużaw magna tat-tiftix, aktar ma ssir attraenti għal min jirreklama. Il-profitti ġġenerati mbagħad jistgħu jintużaw biex jattiraw iktar konsumaturi. B'mod simili, id-dejta dwar il-konsumaturi li tiġbor magna tat-tiftix tista', min-naħa tagħha, tintuża biex ittejjeb ir-riżultati.
  • Google abbużat minn din id-dominanza fis-suq billi tat vantaġġ illegali lis-servizz tagħha stess ta' tqabbil tax-xiri. Hija tat spazju prominenti fir-riżultati tat-tiftix tagħha lis-servizz ta' tqabbil ta' xiri tagħha biss filwaqt li rrelegat is-servizzi rivali. Dan ħonoq il-kompetizzjoni abbażi tal-merti fis-swieq tat-tqabbil tax-xiri.

Google introduċiet din il-prattika fit-13-il pajjiż kollha taż-ŻEE fejn Google implimentat is-servizz ta' tqabbil ta' xiri tagħha, fejn bdiet fl-2008 fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Sussegwentament, hija estendiet il-prattika fi Franza f'Ottubru 2010, fl-Italja, fin-Netherlands, u fi Spanja f'Mejju 2011, fir-Repubblika Ċeka fi Frar 2013 u fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fin-Norveġja, fil-Polonja u fl-Iżvezzja f'Novembru 2013.

 

image EN

 

L-effett tal-prattiki illegali ta' Google

Il-prattiki illegali ta' Google kellhom impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni bejn is-servizz ta' tqabbil ta' xiri ta' Google u s-servizzi rivali. Huma ppermettew li s-servizz tat-tqabbil ta' xiri ta' Google jagħmlu gwadanni sinifikanti fit-traffiku għas-spejjeż tar-rivali tagħha u għad-detriment tal-konsumaturi Ewropej.

Minħabba l-pożizzjoni dominanti ta' Google fit-tiftix ġenerali bl-internet, il-magna tat-tiftix tagħha hija sors importanti ta' traffiku. B'riżultat tal-prattiki illegali ta' Google, it-traffiku għas-servizz tat-tqabbil ta' xiri ta' Google żdied, filwaqt li r-rivali ġarrbu telf sinifikanti ħafna ta' traffiku fuq bażi dewwiema.

  • Mindu beda kull abbuż, is-servizz ta' tqabbil ta' xiri ta' Google żied it-traffiku tiegħu f'45 darba fir-Renju Unit, b'35 darba fil-Ġermanja, b'19-il darba fi Franza, b'29 darba fin-Netherlands, bi 17-il darba fi Spanja u b'14-il darba fl-Italja.
  • Wara r-relegazzjonijiet li ġew applikati minn Google, it-traffiku relatat mas-servizzi rivali ta' tqabbil ta' xiri min-naħa l-oħra, naqas sinifikament. Pereżempju, il-Kummissjoni sabet evidenza speċifika ta' tnaqqis f'daqqa fit-traffiku ma' ċerti siti tal-web rivali, b'85% fir-Renju Unit, b'92% fil-Ġermanja u 80% fi Franza. Dan it-tnaqqis f'daqqa wkoll ma setgħax jiġi mfisser permezz ta' fatturi oħrajn. Xi kompetituri adattaw u rnexxielhom jirkupraw xi ftit mit-traffiku imma qatt ma rnexxielhom jirjuprawh kollu.

Flimkien mas-sejbiet l-oħra tal-Kummissjoni, dan juri li l-prattiki ta' Google ħonqu l-kompetizzjoni abbażi tal-merti fis-swieq ta' tqabbil ta' xiri u li għalhekk ċaħdu lill-konsumaturi Ewropej minn għażla u innovazzjoni ġenwini.

 

Evidenza miġbura

Fit-teħid tad-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ġabret u analizzat b'mod komprensiv xelta wiesgħa ta' evidenza, inklużi:

1)   dokumenti kontemporanji kemm mingħand Google kif ukoll mingħand parteċipanti oħra fis-suq;

2)   kwantitajiet sinifikanti ħafna ta' dejta mid-dinja f'ħin reali, inkluż 5.2 Terabytes ta' riżultati ta' tiftix attwali minn Google (madwar 1.7 biljun talba ta' tiftix);

3)   esperimenti u stħarriġ li janalizzaw, b'mod partikolari, l-impatt tal-viżibbiltà fir-riżultati tat-tiftix dwar l-imġiba tal-konsumaturi u r-rati “click-through”;

4)   dejta finanzjarja u dejta dwar it-traffiku li jispjegaw l-importanza kummerċjali tal-viżibbiltà fir-riżultati tat-tiftix ta' Google u l-impatt tar-relegazzjoni; u

5)   investigazzjoni estensiva tas-suq ta' klijenti u konsumaturi fis-swieq ikkonċernati (il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil bosta mijiet ta' kumpaniji).

 

Konsegwenzi tad-Deċiżjoni

Il-multa tal-Kummissjoni ta' €2 424 495 000 tqis it-tul u l-gravità tal-ksur. Skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2006 dwar il-multi (ara l-istqarrija għall-istampa u l-MEMO), il-multa ġiet ikkalkolata abbażi tal-valur tad-dħul ta' Google mis-servizz ta' tqabbil tax-xiri fit-13-il pajjiż taż-ŻEE ikkonċernati.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrikjedi li Google twaqqaf l-imġiba illegali tagħha fi żmien 90 jum mit-teħid tad-Deċiżjoni u li toqgħod lura minn kwalunkwe miżura li għandha mira jew effett li huma l-istess jew ekwivalenti. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni tordna lil Google biex tikkonforma mal-prinċipju sempliċi fejn għandha tagħti trattament ugwali lis-servizzi rivali ta' tqabbil tax-xiri u lis-servizz tagħha:

Google għandha tapplika l-istess proċessi u metodi biex tippożizzjona u turi s-servizzi tat-tqabbil ta' tiftix tar-rivali fil-paġni tat-tiftix tal-Google li tuża hi għas-servizz ta' tqabbil tax-xiri tagħha stess.

Hija r-responsabbiltà unika ta' Google li tiżgura l-konformità u hija Google li trid tispjega kif beħsiebha tagħmel dan. Tkun xi tkun l-għażla ta' Google, il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib il-konformità ta' Google u Google hija taħt l-obbligu li dejjem tgħarraf lill-Kummissjoni bl-azzjonijiet tagħha (inizjalment fi żmien 60 jum mid-Deċiżjoni, segwit minn rapporti perjodiċi).

Jekk Google tonqos milli tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, hija tinżamm responsabbli għal pagamenti ta' nuqqas ta' konformità sa 5% tal-fatturat medju globali ta' kuljum ta' Alphabel, il-kumpanija omm ta' Google. Il-Kummissjoni jkollha tiddetermina tali nuqqas fil-konformità f'deċiżjoni separata, bi kwalunkwe pagament retroattiv għal meta beda n-nuqqas ta' konformità.

Finalment, Google hija responsabbli li taffaċċja azzjonijiet ċivili għal danni li jistgħu jerġgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istati Membri minn kwalunkwe persuna jew negozju affettwati mill-imġiba antikompetittiva tagħha. Id-Direttiva l-ġdida tal-UE dwar id-Danni fi kwistjonijiet relatati mal-antitrust tagħmilha iktar faċli għall-vittmi ta' prattiki antikompetittivi biex jakkwistaw danni.

 

Każijiet oħra ta' Google

Il-Kummissjoni diġà waslet għall-konklużjoni preliminari li Google abbużat minn pożizzjoni dominanti f'żewġ każijiet oħra li għadhom qed jiġu investigati. Dawn jikkonċernaw:

1)   is-sistema operattiva Android, fejn il-Kummissjoni hija kkonċernata li Google ħonqot l-għażla u l-innovazzjoni f'xelta ta' applikazzjonijiet tal-mowbajl u servizzi billi applikat strateġija globali fuq apparat mobbli biex tipproteġi u tkabbar il-pożizzjoni dominanti tagħha fit-tiftix ġenerali bl-internet; u

2)   AdSense, fejn il-Kummissjoni hija kkonċernata li Google naqqset l-għażla billi żammet lill-websajts ta' terzi partijiet milli jagħmlu riklami fit-tiftix għall-kompetituri tal-Google.

Il-Kummissjoni qed tkompli teżamina wkoll it-trattament ta' Google fir-riżultati ta' tiftix ta' servizzi speċjalizzati oħrajn tat-tiftix ta' Google. Id-Deċiżjoni tal-lum hija preċedent li tistabbilixxi l-qafas għall-valutazzjoni tal-legalità ta' dan it-tip ta' imġiba. Fl-istess waqt, ma tissostitwix il-ħtieġa għal analiżi speċifika għall-każ biex jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull suq.

 

Sfond

Ara wkoll l-Iskeda informattiva.

Id-Deċiżjoni tal-lum hija indirizzata lil Google Inc. U lil Alphabet Inc., il-kumpanija omm ta' Google.

L-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE jipprojbixxu l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti. Id-Deċiżjoni tal-lum ssegwi żewġ Dikjarazzjonijiet ta' Oġġezzjonijiet li ntbagħtu lil Google f'April 2015 u f'Lulju 2016.

Tista' ssib aktar informazzjoni fis-sit web tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni, fir-reġistru tal-każi pubbliċi bin-numru tal-każ 39740.

IP/17/1784

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos