Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport: Iż-Żieda fil-Protezzjoniżmu, L-UE Jirnexxielha Tegħleb l-Ostakoli

Brussell, is-26ta' gunju 2017

372 ostakolu għall-kummerċ fid-dinja kollha, żieda ta' 10% fl-2016

L-esportaturi Ewropej irrapportaw żieda ta' 10% fin-numru ta' ostakoli għall-kummerċ li ltaqgħu magħhom biss fl-2016. Dawn it-372 ostakolu kienu preżenti fi tmiem is-sena li għaddiet f'aktar minn 50 destinazzjoni kummerċjali madwar id-dinja. Is-36 ostakolu maħluqa fl-2016 jistgħu jaffettwaw l-esportazzjonijiet tal-UE li attwalment jiswew madwar €27 biljun.

Skont ir-Rapport dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment li ħareġ illum mill-Kummissjoni Ewropea, bis-saħħa tal-Istrateġija għall-Aċċess għas-Swieq effettiva tagħha, il-Kummissjoni rnexxielha tneħħi 20 ostakolu differenti s-sena l-oħra li kienu qed ifixklu l-esportazzjonijiet Ewropej.

F'kummenti dwar ir-rapport, il-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE Cecilia Malmström qalet: “Qed naraw biċ-ċar li l-problema tal-protezzjoniżmu qed tiżdied. Dan jaffettwa lill-kumpaniji Ewropej u l-ħaddiema tagħhom. Hu inkwetanti li l-pajjiżi tal-G20 għandhom l-ogħla numru ta' ostakoli għall-kummerċ. Fis-summit tal-G20 li jmiss f'Ħamburg, l-UE se tħeġġeġ lill-mexxejja jgħaddu mill-paroli għall-fatti u jirreżistu l-protezzjoniżmu. L-Ewropa ma tistax tibqa' ma tagħmel xejn u mhix se toqgħod lura milli tuża l-għodod disponibbli meta l-pajjiżi ma jimxux mar-regoli.”

Ir-Rapporti dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment huma ppubblikati kull sena mill-bidu tal-kriżi ekonomika tal-2008. L-edizzjoni ta' din is-sena hija bbażata fuq ilmenti konkreti li waslu għand il-Kummissjoni mill-kumpaniji Ewropej. Dawn jirrigwardaw firxa wiesgħa ta' prodotti li jkopru kollox mill-industriji agroalimentari sal-bini tal-bastimenti. 

Il-membri tal-G20 jinsabu b'mod prominenti fost il-pajjiżi li ħolqu l-ogħla numru ta' ostakoli għall-importazzjoni. Ir-Russja, il-Brażil, iċ-Ċina u l-Indja jinsabu fuq nett fil-lista. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri protezzjonisti ġodda rrapportati fl-2016 dehru wkoll fir-Russja u l-Indja, imbagħad fl-Iżvizzera, iċ-Ċina l-Alġerija u l-Eġittu wkoll. 

Il-Kummissjoni tiddefendi bil-qawwa lin-negozji Ewropej kontra x-xejriet protezzjonisti dejjem jiżdiedu. L-isforzi tagħha taw riżultati tanġibbli fl-2016. Il-Kummissjoni rnexxielha toħloq mill-ġdid kundizzjonijiet normali ta' kummerċ f'20 każ differenti li affettwaw l-esportazzjonijiet tal-UE b'valur ta' €4,2 miljun. Il-Korea t'Isfel, iċ-Ċina, l-Iżrael u l-Ukrajna jinsabu 'l fuq fil-lista tal-pajjiżi fejn l-UE rnexxielha tindirizza l-ostakoli għall-kummerċ.

Is-setturi tal-ikel u x-xorb, is-settur awtomobilistiku u dak tal-kożmetika huma dawk li bbenefikaw l-aktar mill-azzjoni reċenti tal-UE. Biex nagħtu xi ftit eżempji, wara l-intervent tal-UE, iċ-Ċina ssospendiet rekwiżiti ta' ttikkettar li kieku kienu jaffettwaw l-esportazzjonijiet kożmetiċi tal-UE b'valur ta' €680 miljun; Il-Korea qablet li tallinja r-regoli tagħha dwar id-daqs tas-sits tal-karozzi mar-regoli internazzjonali u l-Iżrael ippermetta l-kumpaniji mill-UE kollha biex jirrikjedu awtorizzazzjoni tas-suq u jesportaw il-prodotti farmaċewtiċi tagħhom.

Dan kollu kien possibbli bis-saħħa tal-kooperazzjoni effettiva bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE u r-rappreżentanti tan-negozji Ewropej permezz tal-Istrateġija tal-UE għall-Aċċess għas-Swieq u relazzjonijiet imtejba ma' msieħba kummerċjali tħat il-ftehimiet kummerċjali reċenti tal-UE.

L-Istrateġija għall-Aċċess għas-Swieq hi ċentrali għall-isforzi tal-UE biex jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-kumpaniji Ewropej biex jesportaw madwar id-dinja kollha u jiżguraw infurzar effettiv ta' regoli dwar il-kummerċ internazzjonali. 

Il-miżuri mmirati fir-rapport ma jkoprux il-miżuri ta' difiża tal-kummerċ. Id-dazji antidumping jew antisussidji, imposti skont ir-rekwiżiti tad-WTO, huma għodod li jservu biex jerġgħu joħolqu kundizzjonijiet ġusti għall-kummerċ. Dawn jintużaw mill-UE u minn bosta msieħba tagħha biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.

Għal Aktar Informazzjoni

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment

Diskors mill-Kummissarju Malmström f'Konferenza Stampa 

L-Istrateġija għall-Aċċess għas-Swieq

Stejjer ta' suċċess 2016

Ir-reġistru tal-ilmenti dwar l-ostakoli għall-kummerċ

Skeda informattiva

IP/17/1765

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar