Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Jidħlu fis-seħħ regoli msaħħa tal-UE biex jiġu indirizzati l-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Brussell, is-26ta' gunju 2017

Il-Kummissjoni Juncker poġġiet bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Illum tidħol fis-seħħ ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus. Din issaħħaħ ir-regoli attwali u se tagħmel il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu aktar effettiva. Hija ttejjeb ukoll it-trasparenza biex tevita l-evitar tat-taxxa. Dan id-dħul fis-seħħ jasal fil-mument li fih diġà jinsabu fi stadju avvanzat diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar miżuri ulterjuri li jkomplu jsaħħu d-Direttiva.

Illum, il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll rapport li se jappoġġa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex dawn jindirizzaw aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus fil-prattika. Kif mitlub fid-direttiva l-ġdida, il-Kummissjoni vvalutat ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu ta' setturi u prodotti finanzjarji differenti. Ir-rapport ippubblikat illum identifika l-oqsma li huma l-aktar f'riskju u l-aktar tekniki mifruxa wżati mill-kriminali għall-ħasil ta' fondi illeċiti.

Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President: “Il-flus maħsula huma l-ossiġenu tal-kriminalità, it-terroriżmu u l-evitar tat-taxxa. Jenħtieġ li naqtgħu l-provvistà tiegħu mill-aħjar li nistgħu. Ir-regoli aktar qawwija li għandna llum huma passi kbir ‘l quddiem iżda issa jenħtieġ li jkollna ftehim malajr fuq it-titjib ulterjuri li l-Kummissjoni pproponiet F'Lulju li għadda.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi qalet: "It-terroristi u l-kriminali għadhom isibu mezzi kif jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom u jirriċiklaw il-profitti illeċiti lura fl-ekonomija. Ir-regoli l-ġodda tal-lum huma kruċjali biex jagħlqu l-lakuni ulterjuri. Jiena nħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentawhom mingħajr dewmien: standards aktar baxxi f'pajjiż wieħed se jdgħajfu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-UE kollha. Jiena nitlob ukoll ftehim rapidu dwar ir-reviżjonijiet ulterjuri proposti mill-Kummissjoni wara l-"Panama Papers" biex tiżdied it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja."

It-tisħiħ tar-regoli attwali

Ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tirrinforza r-regoli attwali billi tintroduċi l-bidliet li ġejjin:

  • it-tisħiħ tal-obbligu tal-valutazzjoni tar-riskju għall-banek, l-avukati u l-kontabilisti;
  • it-twaqqif ta' rekwiżiti ta' trasparenza ċari dwar is-sjieda benefiċjarja għall-kumpaniji. Din l-informazzjoni se tinħażen f'reġistru ċentrali, bħar-reġistri kummerċjali, u se tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u entitajiet obbligati
  • l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja minn Stati Membri differenti sabiex jiġu identifikati u segwiti trasferimenti suspettużi ta' flus għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' attivitajiet kriminali jew terroristiċi;
  • it-twaqqif ta' politika koerenti fil-konfront ta' pajjiżi mhux tal-UE li għandhom regoli dgħajfa kontra l-ħasil ta' flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;
  • ir-rinforz tas-setgħat ta' sanzjonar tal-awtoritajiet kompetenti.

F'Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat proposta biex tkompli ssaħħaħ dawn ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus biex jiġi miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu u tiżdied it-trasparenza dwar min verament ikun proprjetarju ta' kumpaniji u ta' fiduċjarji. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiffinalizzaw dan ix-xogħol leġiżlattiv mill-aktar fis, sabiex ir-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ malajr. Filwaqt li jibnu fuq ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, dawn ir-regoli l-ġodda se joħolqu qafas robust tal-UE kontra l-ħasil tal-flus.

It-titjib tal-valutazzjoni tar-riskju fis-suq intern kollu

Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni Sovranazzjonali tar-Riskju huwa strument biex jgħin lill-Istati Membri jidentifikaw, janalizzaw u jindirizzaw il-ħasil tal-flus u r-riskji tal-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa janalizza r-riskji fis-settur finanzjarju u mhux finanzjarju u jħares ukoll lejn riskji emerġenti ġodda bħal muniti virtwali jew pjattaformi ta' crowdfunding. Ir-rapport jinkludi:

  • immappjar estensiv ta' riskji skont iż-żona rilevanti u lista tal-mezzi użati b'mod l-aktar frekwenti minn kriminali biex jaħslu l-flus.
  • rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri kif jiġu indirizzati r-riskji b'mod adegwat, pereżempju billi jitqiegħed aktar enfasi fuq l-analiżi tar-riskju jew fuq azzjonijiet superviżorji dwar attivitajiet speċifiċi.

Finalment, il-Kummissjoni timpenja ruħha wkoll li teżamina opzjonijiet biex ittejjeb l-operazzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

Il-passi li jmiss

Dwar ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus

L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw it-traspożizzjoni tar-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus sal-lum, is-26 ta' Ġunju 2017. Il-Kummissjoni Ewropea issa se tivverfika l-istat tat-traspożizzjoni u ssegwi malajr l-Istati Membri f'każ li għadhom ma ħadux il-miżuri meħtieġa.

Dwar ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni Sovranazzjonali tar-Riskju

Il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet meħtieġa deskritti fir-rapport, inkluż teżamina l-għażliet sabiex titjieb l-operazzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja permezz ta' regoli speċifiċi tal-UE. Hija se timpenja ruħha wkoll ma' Stati Membri biex tissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel rieżami tal-evoluzzjoni tar-riskji tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus / il-Glieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu u se toħroġ valutazzjoni ġdida ta' dawn ir-riskji mhux aktar tard minn Ġunju 2019 u kull sentejn wara dan.

Sfond

Il-qafas ġdid kontra l-ħasil tal-flus jikkonsisti f'żewġ strumenti legali (IP/15/5001): "Ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil ta' Flus" u r-"Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi", it-tnejn adottati fl-20 ta' Mejju 2015.

F'Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tiġġieled aħjar kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u tiżgura aktar trasparenza ta' tranżazzjonijiet finanzjarji wara l-informazzjoni li kixfu l-hekk imsejħa "Panama Papers"(IP/16/2380). Dawn l-emendi jimmiraw li jiġi żgurat livell għoli ta' salvagwardji għal flussi finanzjarji minn pajjiżi terzi b'riskju għoli, jitjieb l-aċċess tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja għal informazzjoni, inklużi reġistri ta' kont tal-bank ċentralizzat, u jiġu indirizzati r-riskji ta' finanzjament tat-terroristi marbuta ma' muniti virtwali u kards imħallsa minn qabel. Attwalment, il-proposta tinsab f'negozjati fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew u hija mistennija tiġi adottata matul l-2017.

Għal aktar tagħrif

Ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u r-Regolament dwar it-Trasferiment ta' Fondi

Ir-Rapport ta' Valutazzjoni Sovranazzjonali tar-Riskju

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarji

L-emenda tar-Raba' Direttiva dwar il-Ħasil ta' Flus

IP/17/1732

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar