Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi livell għoli ta' regoli dwar il-privatezza għall-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha u taġġorna r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-istituzzjonijiet tal-UE

Brussell, I-10ta' jannar 2017

Il-Kummissjoni qed tipproponi leġiżlazzjoni ġdida sabiex tiżgura iktar privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, filwaqt li toħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda.

Il-miżuri ppreżentati llum għandhom l-għan li jaġġornaw ir-regoli attwali, u jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għall-fornituri kollha tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Jimmiraw ukoll li joħolqu possibbiltajiet ġodda għall-ipproċessar tad-dejta dwar il-komunikazzjoni u jirrinforzaw il-fiduċja u s-sigurtà fis-Suq Uniku Diġitali bħala għan ewlieni tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Fl-istess ħin, il-proposta tallinja r-regoli għall-komunikazzjonijiet elettroniċi mal-istandards globali ġodda tal-UE tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll regoli ġodda biex tiżgura li meta d-dejta personali tiġi ġestita minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE, il-privatezza tiġi protetta bl-istess mod li hija protetta fl-Istati Membri skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, kif ukoll tistabbilixxi approċċ strateġiku għall-kwistjonijiet dwar it-trasferimenti internazzjonali tad-dejta personali.

L-Ewwel Viċi President Timmermans qal: “Il-proposti tagħna se jikkompletaw il-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE. Se jiżguraw li l-privatezza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tkun protetta permezz ta' regoli aġġornati u effettivi, u li l-istituzzjonijiet Ewropej se japplikaw l-istess standards għoljin li aħna nippretendu mill-Istati Membri tagħna.”

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali qal: “Il-proposti tagħna se jagħtuna l-fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali li n-nies jippretendu. Irrid niżgura l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-privatezza. L-abbozz tagħna tar-Regolament dwar il-privatezza elettronika jsib il-bilanċ mistħoqq: Jipprovdi livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi, filwaqt li jippermetti lin-negozji jkunu innovattivi."

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi qalet: "Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta adottata s-sena l-oħra tistabbilixxi standards għoljin għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini kif ukoll tal-kumpaniji tal-UE. Illum qed nistabbilixxu l-istrateġija tagħna biex niffaċilitaw l-iskambji tad-dejta internazzjonali fl-ekonomija diġitali globali u nippromwovu standards għoljin tal-protezzjoni tad-dinja madwar id-dinja.”

Protezzjoni onlajn aħjar u opportunitajiet kummerċjali ġodda

Il-proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi se żżid il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-persuni u se toħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda:

  • Parteċipanti ġodda: 92% tal-Ewropej jgħiduli huwa importanti li l-emails tagħhom u l-messaġġi onlajn jibqgħu kunfidenzjali. Madankollu, id-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika attwali tapplika biss għall-operaturi tradizzjonali tat-telekoms. Ir-regoli dwar il-privatezza issa se jkopru wkoll lil fornituri ġodda tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal WhatsApp, Facebook Messenger, Skype, Gmail, iMessage, jew Viber.
  • Regoli iktar b'saħħithom: Permezz ta' aġġornament tad-Direttiva attwali b'Regolament applikabbli direttament, il-persuni u n-negozji kollha fl-UE se jgawdu l-istess livell ta' protezzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom.In-negozji se jibbenefikaw ukoll minn sett uniku ta' regoli għall-UE kollha.
  • Kontenut tal-komunikazzjonijiet u l-metadejta: Il-privatezza se tkun żgurata kemm għall-kontenut kif ukoll għall-metadejta li jirriżultaw mill-komunikazzjonijiet elettroniċi (eż. il-ħin ta' telefonata u l-post). It-tnejn li huma għandhom komponent għoli ta' privatezza u, skont ir-regoli proposti, jeħtieġ li jiġu anonimizzati jew imħassra jekk l-utenti ma jkunux taw il-kunsens tagħhom, sakemm id-dejta ma tkunx meħtieġa minħabba l-kontijiet.
  • Opportunitajiet kummerċjali ġodda: Ladarba jingħata l-kunsens biex tiġi pproċessata d-dejta dwar il-komunikazzjoni, kemm il-kontenut u/jew il-metadejta, l-operaturi tradizzjonali tat-telekoms se jkollhom iktar opportunitajiet biex jużaw id-dejta u biex jipprovdu servizzi addizzjonali. Pereżempju, dawn jistgħu jipproduċu heat maps li jindikaw il-preżenza tal-individwi biex jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-kumpaniji tat-trasport meta jiżviluppaw proġetti ġodda tal-infrastruttura.
  • Regoli eħfef dwar il-cookies: Dik li hija magħrufa bħala "id-dispożizzjoni dwar il-cookies", li rriżultat f'għadd kbir ta' talbiet għall-kunsens mill-utenti tal-internet, se ssir iktar sempliċi. Bir-regoli l-ġodda l-utenti se jkollhom iktar kontroll tas-settings tagħhom għax dawn jipprovdu mod faċli biex jaċċettaw jew jirrifjutaw it-traċċar tal-cookies u identifikaturi oħrajn fil-każ ta' riskji għall-privatezza. Il-proposta tikkjarifika li ma hemmx bżonn kunsens għall-cookies li ma jikkonċernawx il-privatezza, u li mhumiex ta' indħil, li qegħdin hemm biex itejbu l-esperjenza tal-utenti tal-internet (eż. biex wieħed jiftakar xi jkun xtara). Il-cookies li jiġu ssettjati fuq sit web li wieħed ikun żar, li jgħoddu l-għadd ta' viżitaturi ta' dak is-sit web, mhux se jibqgħu jeħtieġu kunsens.
  • Protezzjoni kontra l-ispam: Il-proposta tal-lum tipprojbixxi l-komunikazzjoni elettronika bi kwalunkwe mezz li ma tkunx approvata, eż. permezz tal-emails, SMS u fil-prinċipju t-telefonati wkoll jekk l-utenti ma jagħtux il-kunsens tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu soluzzjoni li tagħti lill-konsumaturi d-dritt li joġġezzjonaw li jirċievu telefonati kummerċjali bil-leħen, pereżempju billi jirreġistraw in-numru tat-telefown tagħhom fuq lista ta' numri li ma jistgħux jintużaw. It-telefonati kummerċjali se jkun jeħtiġilhom juru n-numru tat-telefown tagħhom jew jużaw prefiss speċjali qabel in-numru tat-telefown li jindika li hija telefonata kummerċjali.
  • Infurzar iktar effettiv: L-infurzar tar-regoli tal-kunfidenzjalità fir-Regolament se jkun responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta.

 

Regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE

Ir-Regolament propost dwar il-protezzjoni tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jimmira li jallinja r-regoli eżistenti, li jmorru lura għall-2001, b'regoli ġodda u iktar stretti stabbiliti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-2016. Kwalunkwe persuna li d-dejta personali tagħha tiġi ġestita mill-istituzzjonijiet jew l-aġenziji Ewropej se tibbenefika minn standards ogħla ta' protezzjoni.

Protezzjoni internazzjonali tad-dejta

Il-Komunikazzjoni proposta tistabbilixxi approċċ strateġiku dwar il-kwistjoni tat-trasferimenti internazzjonali tad-dejta personali, u se tiffaċilita l-iskambji kummerċjali u tippromwovi kooperazzjoni aħjar tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tiżgura livell ogħla ta' protezzjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni se taħdem b'mod proattiv fid-diskussjonijiet biex jittieħdu “deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza” (li jippermettu l-fluss ħieles tad-dejta personali lejn pajjiżi b'regoli ta' protezzjoni tad-dejta “essenzjalment ekwivalenti” ma' dawn tal-UE) ma' sħab kummerċjali ewlenin fl-Asja tal-Lvant u fl-Asja tax-Xlokk, l-ewwel mal-Ġappun u mal-Korea fl-2017, iżda wkoll ma' pajjiżi interessati fl-Amerka Latina u mal-Viċinat Ewropew.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tħaddem bis-sħiħ ukoll mekkaniżmi alternattivi oħrajn previsti mir-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE – ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u d-Direttiva tal-Pulizija – biex tiffaċilita l-iskambju tad-dejta personali ma' pajjiżi terzi li magħhom ma jistgħux jintlaħqu deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza.

Il-Komunikazzjoni tfakkar ukoll li l-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-iżvilupp ta' standards internazzjonali għoljin tal-protezzjoni tad-dejta, kemm fil-livelli bilaterali kif ukoll multilaterali.

 

Il-passi li jmiss

Permezz tal-proposti ppreżentati llum, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaħdmu fuqhom malajr u biex jiżguraw l-adozzjoni tagħhom mingħajr xkiel sal-25 ta' Mejju 2018, meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. L-intenzjoni hija li sa din id-data, iċ-ċittadini u n-negozji jingħataw qafas legali żviluppat sew u komplut għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta fl-Ewropa.

Flimkien mal-proposti tal-lum il-Kummissjoni ppreżentat wkoll Komunikazzjoni biex tagħti spinta lill-ekonomija tad-dejta. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb hawn.

 

Għal aktar informazzjoni

 

IP/17/16

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar