Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tkompli tagħmel progress dwar ir-regoli ġodda dwar it-trasparenza għal intermedjarji ta' ppjanar tat-taxxa

Brussell, il-21ta' gunju 2017

Il-Kummissjoni tkompli tagħmel progress dwar ir-regoli ġodda dwar it-trasparenza għal intermedjarji ta' ppjanar tat-taxxa

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet regoli ġodda ta' trasparenza stretti għall-intermedjarji — bħal banek, konsulenti tat-taxxa, kontabilisti u avukati — li jfasslu u jippromwovu skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa għall-klijenti tagħhom.

Rivelazzjonijiet riċenti tal-midja bħall-Panama Papers esponew kif xi intermedjarji jassistu b'mod attiv lil kumpaniji u individwi biex jevitaw it-tassazzjoni, normalment permezz ta' skemi transkonfinali kumplessi. Il-proposta tal-lum għandha l-għan li tindirizza dan l-ippjanar aggressiv tat-taxxa billi żżid l-iskrutinju madwar attivitajiet ta' pjanifikaturi tat-taxxa u konsulenti li qabel ma kinux jidhru.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Ewro u għad-Djalogu Soċjali, kif ukoll inkarigat mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u s-Swieq Kapitali tal-Ewropa, qal: “L-UE għandha tkun minn ta' quddiem meta niġu biex ninkorporaw aktar trasparenza fid-dinja tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Din il-ħidma diġà qed tħalli l-frott. Illum qed nipproponu li nżommu responsabbli lill-intermedjarji li joħolqu u jbigħu skemi ta' evitar tat-taxxa. Fl-aħħar nett, dan se jirriżulta f'aktar dħul mit-taxxa għall-Istati Membri.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “Aħna qed inkomplu nixprunaw l-aġenda tat-trasparenza fiskali tagħna. Illum, qegħdin niffokaw fuq il-professjonisti li jippromovu l-abbuż fiskali. L-amministrazzjonijiet tat-taxxa għandu jkollhom l-informazzjoni li jeħtieġu biex iiwaqqfu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-proposta tal-lum se tipprovdi aktar ċertezza għal dawk l-intermedjarji li jirrispettaw l-ispirtu u l-ittra tal-liġijiet tagħna, u tagħmel il-ħajja diffiċli ħafna għal dawk li ma jagħmlux dan. Il-ħidma tagħna għal tassazzjoni aktar ġusta madwar l-Ewropa qed tkompli tavvanza.”

Skemi tal-ippjanar fiskali transfruntiera li jkollhom ċerti karatteristiċi li jistgħu jirriżultaw f'telf għall-gvernijiet issa se jkollhom jiġi rrappurtati b'mod awtomatiku lill-awtoritajiet tat-taxxa qabel ma jintużaw. Il-Kummissjoni identifikat il-karatteristiċi ewlenin, inkluż l-użu ta' telf sabiex titnaqqas l-obbligazzjoni ta' taxxa, l-użu ta' sistemi speċjali benefiċjarji tat-taxxa, jew arranġamenti minn pajjiżi li ma jilħqux l-istandards internazzjonali tal-governanza fiskali tajba.

L-obbligu li jsir rapportar ta' skema transkonfinali b'waħda jew aktar minn dawn il-karatteristiċi ser ikun fuq:

  • l-intermedjarju li pprovda l-iskema transkonfinali biex tiġi implimentata u użata minn kumpanija jew individwu;
  • l-individwu jew il-kumpanija li jirċievi parir, meta l-intermedjarju jipprovdi skema transkonfinali li mhix ibbażata fl-UE, jew fejn l-intermedjarju jkun marbut minn privileġġ professjonali jew regoli ta' segretezza;
  • l-individwu jew il-kumpanija li jimplimentaw l-iskema transkonfinali meta tiġi żviluppata minn konsulenti tat-taxxa jew avukati interni. 

L-Istati Membri ser jiskambjaw awtomatikament l-informazzjoni li jirċievu dwar l-iskemi ta' ppjanar tat-taxxa permezz ta' database ċentralizzata, li tagħtihom twissija bikrija dwar riskji ġodda ta' evitar u biex ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex jimblukkaw sistemi dannużi. Ir-rekwiżit li tiġi rapportata skema ma jimplikax neċessarjament li hija perikoluża, imma sempliċiment li jixirqilha skrutinju mill-awtoritajiet tat-taxxa. Madanakollu, l-Istati Membri se jkunu obbligati li jimplimentaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi għal dawk il-kumpaniji li ma jikkonformawx mal-miżuri ta' trasparenza, u b'hekk jinħoloq deterrent qawwi ġdid għal dawk li jinkoraġġixxu jew jiffaċilitaw l-abbuż fiskali.

Ir-regoli l-ġodda huma komprensivi, ikopru l-intermedjarji kollha, l-iskemi potenzjalment perikolużi kollha u l-Istati Membri kollha. Id-dettalji ta' kull skema fiskali li fiha karatteristika waħda jew aktar ser ikollhom jiġu rrapportati lill-awtorità fiskali tal-oriġini tal-intermedjarju fi żmien ħamest ijiem minn meta jingħata tali arranġament lil klijent.

Sfond

Il-Kummissjoni Juncker għamlet passi kbar biex tagħti spinta lit-trasparenza fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Regoli ġodda tal-UE biex jimblukkaw arranġamenti artifiċjali tat-taxxi, kif ukoll rekwiżiti għat-trasparenza tal-kontijiet finanzjarji ġodda, sentenzi dwar it-taxxi u l-iskambju tal-informazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali diġà ġew miftiehma u qed jidħlu fis-seħħ progressivament. Proposti għal leġiżlazzjoni aktar b'saħħitha dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, u b'aktar rekwiżiti ta' rappurtar Pajjiż b'Pajjiż pubbliku u regoli aktar b'saħħithom dwar il-governanza tajba tal-fondi tal-UE bħalissa qed jiġu nnegozjati. Barra minn hekk, lista ġdida tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi għandha tkun lesta qabel tmiem is-sena.

Il-proposta tal-lum se ssaħħaħ aktar il-qafas tal-UE dwar it-trasparenza fiskali, billi titfa' dawl ġdid fuq l-attivitajiet ta' intermedjarji u arranġamenti ta' ppjanar tat-taxxa li jkunu qed jintużaw. Hija ser tiżgura wkoll approċċ armonizzat tal-UE biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet obbligatorji ta' divulgazzjoni rakkomandati mill-OECD fil-proġett dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS), kif approvat mill-G20. F'Ottubru li għadda, l-Istati Membri esprimew l-appoġġ tagħhom għal proposta tal-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri.

Il-passi li jmiss

Il-proposta, li tieħu l-forma ta' emenda tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC), se tiġi sottomessa lill-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u lill-Kunsill għall-adozzjoni. Huwa previst li r-rekwiżiti ġodda ta' rappurtar se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2019, fejn l-Istati Membri tal-UE jkunu obbligati jiskambjaw l-informazzjoni kull 3 xhur wara dan.

Għal iktar informazzjoni:

Mistoqsijiet u tweġiniet dwar regoli ġodda dwar it-trasparenza għal intermedjarji

Skeda informattiva

Il-paġna web tad-DĠ TAXUD dwar ir-regoli l-ġodda

IP/17/1663

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar