Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika biex issawwar aktar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Brussell, is-6ta' frar 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi konsultazzjoni pubblika biex tikkonsulta maż-żgħażagħ, mal-għalliema, mal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, mal-organizzazzjonijiet, ma' min iħaddem u ma' partijiet ikkonċernati oħra dwar il-prijoritajiet u t-tisħiħ tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li tnieda dan l-aħħar.

Kif imħabbar fit-tnedija f'Diċembru li għadda, il-Kummissjoni qed tħejji proposta leġiżlattiva fl-ewwel nofs tal-2017 biex toħloq bażi legali speċifika għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jkomplu jiffurmaw u jikkonsolidaw il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà billi jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar dik il-proposta leġiżlattiva.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, qalet: “Jiena kuntenta li qed nara li t-twaqqif tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà qed javvanza sew u kif ippjanat. Tassew hemm ħafna żgħażagħ li diġà rreġistraw u b'dan nistgħu nikkonkludu li ż-żgħażagħ Ewropej iħaddnu din l-opportunità ġdida biex isaħħhu l-impjegabbiltà tagħhom filwaqt li jesprimu s-solidarjetà tagħhom, u qed nistenna bil-ħerqa li nisma' l-opinjonijiet tagħhom, u ta' dawk kollha involuti.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, żied jgħid: “Aħna nedejna l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà b'suċċess u jiena napprezza ħafna l-interess kbir minn tant żgħażagħ li huma lesti jiddedikaw ħinhom u l-isforzi tagħhom biex jgħinu lill-oħrajn. Issa jeħtieġ li nħejju l-passi li jmiss bir-reqqa. Il-feedback mingħand iż-żgħażagħ kif ukoll mingħand l-organizzazzjonijiet li qed iwettqu l-valuri u l-aspirazzjonijiet tal-Korp, huwa kruċjali biex il-proġett jirnexxi.”

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa' għaddejja għal tmien ġimgħat u tibni fuq il-konsultazzjoni preċedenti mal-partijiet ikkonċernati li saret tard fl-2016 bi tħejjija għat-tnedija tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà f'Diċembru. Iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika se jkollhom l-opportunità li jivvalutaw l-għanijiet differenti tal-inizjattiva, li jispjegaw il-motivazzjoni tagħhom għall-parteċipazzjoni, li jikkomunikaw il-bżonnijiet tagħhom fir-rigward tat-tagħrif u tal-pariri, u li jikkondividu l-aħjar prattiki. Ma' dan se jkun hemm ukoll konsultazzjonijiet speċifiċi mal-partijiet ikkonċernati ewlenin involuti fil-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-UE.

Sfond

Fis-7 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni nediet il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dan jippermetti liż-żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 18 u 30 sena biex jieħdu sehem f'firxa ta' attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw sitwazzjonijiet diffikultużi fl-UE kollha. Dan mhux biss se jippermettilhom jiksbu esperjenza siewja ħafna u jakkwistaw ħiliet importanti fil-bidu tal-karriera tagħhom, iżda wkoll se jippermettilhom jippromwovu u jsaħħu l-valur tas-solidarjetà, li huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Kummissjoni adottat approċċ gradwali, li f'fażi inizjali jibni fuq il-programmi u l-istrumenti eżistenti, filwaqt li tħejji l-proposta tagħha għal strument legali indipendenti għall-adozzjoni fl-ewwel nofs tal-2017.

Minn mindu tnieda, 'il fuq minn 21,000 żagħżugħ u żagħżugħa diġà rreġistraw mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Huwa mistenni li l-organizzazzjonijiet parteċipanti jkunu jistgħu jibdew ifittxu kandidati xierqa kmieni f'Marzu, u l-ewwel parteċipanti diġà se jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' solidarjetà fir-rebbiegħa. L-għan huwa li jkun hemm 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa li jingħaqdu mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sa tmiem l-2020. 

Għal aktar tagħrif

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Paġna ta' reġistrazzjoni għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-paġna ta' Facebook tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Stqarrija għall-istampa: Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa: Il-Kummissjoni tvara l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Memo: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Segwi lill-Kummissarju Thyssen fuq Facebook u Twitter

Segwi lill-Kummissarju Navracsics fuq Facebook u Twitter

#EUSolidarityCorps

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

IP/17/164

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar