Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-tranżizzjoni enerġetika tal-Ewropa tinsab fi stadju avvanzat

Brussell, I-1ta' frar 2017

It-Tieni Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija juri li l-immodernizzar tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju qegħdin iseħħu.

Fejn għandhom x'jaqsmu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, l-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2020. Sabiex tkompli tagħti spinta lil dan il-proċess, il-Kummissjoni llum qed tħabbar “tour” ġdid tal-Unjoni tal-Enerġija.

B'konformità mal-impenn tagħha biex kull sena tirrapporta dwar l-istat tal-Unjoni tal-Enerġija, illum il-Kummissjoni Ewropea qed tippubblika t-tieni Rapport tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija. Dan ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-progress li sar minn mindu ġie ppubblikat l-ewwel Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija f'Novembru 2015. Dawn ir-rapporti huma fundamentali biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta' din il-prijorità ewlenija tal-Kummissjoni Juncker.

Il-Viċi President responsabbli għall-Unjoni tal-Enerġija Maroš Šefčovič, qal: “L-Unjoni tal-Enerġija ma tirrigwardax biss l-enerġija u l-klima, iżda timmira li taċċellera l-immodernizzar fundamentali tal-ekonomija tal-Ewropa kollha kemm hi, u b'hekk tagħmilha ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, b'mod li jkun soċjalment ġust. Għandna wkoll insaħħu d-dimensjoni esterna tal-Unjoni tal-Enerġija, biex intejbu r-rwol tal-UE fit-tmexxija globali. Issa li l-biċċa l-kbira tal-proposti leġiżlattivi rilevanti jinsabu fuq il-mejda, l-2017 għandha tkun is-sena ta' implimentazzjoni. Dan huwa l-messaġġ li se nwassal lill-Istati Membri matul it-”tour” ġdid tal-Unjoni tal-Enerġija, li se nniedi fit-3 ta' Frar”.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete, żied jgħid: “L-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020. Minkejja l-inċertezzi ġeopolitiċi attwali, l-Ewropa qed timxi 'l quddiem fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. M'hemmx alternattiva oħra. U l-fatti jitkellmu waħedhom: l-enerġija rinnovabbli issa hija kostkompetittiva u xi drabi orħos mill-fjuwils fossili, timpjega aktar minn miljun persuna fl-Ewropa, tattira aktar investimenti minn ħafna setturi oħrajn, u naqqset in-nefqa tagħna tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili b'EUR 16-il biljun. Issa rridu nsostnu l-isforzi hekk kif l-Ewropea qed taħdem mas-sħab tagħha biex tkun l-ewwel fit-tellieqa globali lejn ekonomija aktar sostenibbli u kompetittiva.”

Minn mindu ġie ppubblikat l-ewwel rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, bosta xejriet fit-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju ssoktaw u ġew imsaħħa. Il-Kummissjoni se tkompli twettaq analiżi fil-fond tal-politiki tal-Istati Membri, billi tuża t-”tour” il-ġdid tal-Unjoni tal-Enerġija tul l-2017.

Għall-Unjoni tal-Enerġija, l-2016 kienet sena ta' twettiq fejn il-viżjoni tal-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija kompla jiġi tradott f'inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi konkreti, b'mod partikolari bil-pakkett “l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”, ippreżentat fit-30 ta' Novembru 2016.

L-UE b'mod ġenerali kompliet miexja 'l quddiem fil-kisba tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, b'mod partikolari l-miri tal-klima u l-enerġija għall-2020 (ara MEMO/17/162 u MEMO/17/163). Diġà laħqet il-mira tagħha għall-2020 dwar il-konsum finali tal-enerġija. L-istess jgħodd għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra: fl-2015, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE kienu 22 % taħt il-livell tal-1990. L-UE miexja wkoll 'il quddiem fis-settur tal-enerġija rinnovabbli fejn, abbażi tad-dejta tal-2014, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli laħaq is-16 % tal-konsum finali gross tal-enerġija tal-UE. Xejra importanti oħra hija l-fatt li l-UE qed tissokta bid-diżakkoppjament b'suċċess tat-tkabbir ekonomiku tagħha mill-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Matul il-perjodu bejn l-1990 u l-2015, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) globali tal-UE żdied b'50 %, filwaqt li l-emissjonijiet totali naqsu bi 22 %.

Wara l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi f'Diċembru 2015, ir-ratifika rapida tiegħu mill-UE wasslet biex fl-4 ta' Novembru 2016 jidħol fis-seħħ l-ewwel ftehim globali u legalment vinkolanti li qatt kien hawn dwar il-klima.

F'ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel malajr, is-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija huwa kruċjali biex jitħarsu l-interessi ekonomiċi fit-tul u l-benesseri tal-Ewropa u tal-Ewropej. Għal din ir-raġuni, f'dawn l-aħħar xhur, il-ħidma fuq l-Unjoni tal-Enerġija inkludiet enfasi aktar qawwija fuq id-diplomazija tal-enerġija, bl-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, biex jespandu l-esportazzjonijiet ta' soluzzjonijiet tal-UE bbażati fuq teknoloġija b'livell baxx ta' karbonju u biex tissaħħaħ il-kompetittività industrijali tal-Ewropa.

Fl-2016, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll strateġija Ewropea dwar il-mobilità b'emissjonijiet baxxi, b'ambizzjoni ċara: sa nofs is-seklu, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport għandhom ikunu mill-inqas 60 % inqas milli kienu fl-1990 u jkunu qegħdin joqorbu lejn iż-żero, filwaqt li jiġu żgurati l-bżonnijiet tal-mobilità tal-persuni u tal-oġġetti, kif ukoll il-konnettività globali.

Aktar informazzjoni

It-tieni Komunikazzjoni dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u d-dokumenti kollha li jakkumpanjawha li ġew adottati llum, jinsabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni:

MEMO/17/162 dwar ir-rapport tal-progress li sar fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika

MEMO/17/163 dwar ir-rapport tal-progress li sar fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli

Għal informazzjoni dwar it-”tour” tal-Unjoni tal-Enerġija tal-2017, żur is-sit web tal-Viċi President tal-Unjoni tal-Enerġija, Maroš Šefčovič

IP/17/161

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar