Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali: Nibnu fuq l-ewwel ċiklu ta' kisbiet

Brussell, it-8ta' gunju 2017

It-Tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali: Nibnu fuq l-ewwel ċiklu ta' kisbiet

Illum, il-Kummissjoni qed tieħu passi ulterjuri biex tmexxi ‘l quddiem l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU — Capital Markets Union), proġett essenzjali tal-Kummissjoni Juncker biex tagħti spinta lill-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa.

Wara kważi sentejn mit-tnedija tal-Pjan ta' Azzjoni tas-CMU, il-Kummissjoni llum qed tippreżenta għadd ta' inizjattivi ġodda biex tiżgura li dan il-programm ta' riforma jibqa' “adatt għall-għan tiegħu”.

Is-CMU hija pilastru ewlieni tal-Pjan ta' Investiment tal-Kummissjoni għall-Ewropa, l-hekk imsejjaħ Pjan Juncker. Permezz ta' taħlita ta' riformi regolatorji u mhux regolatorji, dan il-proġett għandu l-għan li jgħaqqad aħjar it-tfaddil mal-investimenti. Huwa għandu l-għan li jsaħħaħ is-sistema finanzjarja Ewropea billi jipprovdi sorsi alternattivi ta' finanzjament u aktar opportunitajiet għall-konsumaturi u l-investituri istituzzjonali. Għall-intrapriżi, b'mod partikolari għall-SMEs u n-negozji ġodda, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tfisser aċċess għal aktar opportunitajiet ta' finanzjament, bħalma huma l-kapital tar-riskju u l-finanzjament kollettiv. Is-CMU rivitalizzat ipoġġi enfasi qawwija fuq il-finanzjament sostenibbli u ekoloġiku: hekk kif is-settur finanzjarju jibda jgħin lill-investituri li huma konxji mis-sostenibilità biex jagħżlu proġetti u kumpaniji xierqa, il-Kummissjoni hija determinata li tkun minn ta' quddiem fil-ħidma globali f'appoġġ għal dawn l-iżviluppi.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanazjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: "Is-CMU tibqa' fil-qalba tal-isforzi tagħna biex nippromovu l-investiment u noħolqu l-impjiegi u t-tkabbir. Hekk kif qed inħabbtu wiċċna mat-tluq tal-akbar ċentru finanzjarju tal-UE, aħna impenjati li nżidu l-isforzi tagħna biex inkomplu nsaħħu u nintegraw is-swieq kapitali tal-UE. Din ir-reviżjoni tiċċara l-kobor tal-isfida u aħna konvinti mill-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri biex niffaċċjawha.”

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment qal: “Il-Kummissjoni ħadmet ħafna biex tagħti spinta deċiżiva lis-CMU. F'għoxrin xahar biss, wettaqna żewġ terzi tal-impenji inizjali tagħna u azzjonijiet oħra importanti huma ppjanati.. Issa qegħdin nespandu l-ambitu tagħna biex nilqgħu sfidi ġodda bħall-finanzjament tal-investiment sostenibbli u l-isfruttar tal-potenzjal tal-FinTech.. Il-miżuri l-ġodda ppreżentati hawnhekk illum iġeddu u jsaħħu l-impenn tal-Kummissjoni u jpoġġuna fi triq irriversibbli lejn is-CMU.”

L-Evalważżjoni ta' Nofs it-Terminu tirrapporta dwar il-progress tajjeb li sar s'issa fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2015, fejn madwar żewġ terzi tat-33 azzjoni twettqu f'għoxrin xahar. Reċentement, il-koleġiżlaturi qablu fil-prinċipju dwar żewġ proposti ewlenin. Il-pakkett tat-titolizzazzjoni se jagħmel spazju fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek u jiġġenera finanzjament addizzjonali għall-unitajiet domestiċi u għal kumpaniji li qed jikbru malajr. Ir-riforma tal-fondi tal-kapital tar-riskju se tiffaċilita l-investiment f'kumpaniji innovattivi żgħar u ta' daqs medju. Barra minn hekk, is-sena li għaddiet qbilna dwar ir-reġim il-ġdid Prospectus li se jippermetti aċċess aktar faċli għas-swieq pubbliċi speċjalment għall-SMEs. Madankollu, sabiex is-CMU tirnexxi, l-appoġġ sħiħ u kostanti tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri u tal-parteċipanti kollha fis-suq huwa ta' importanza kbira.

L-Evalważżjoni ta' Nofs it-Terminu tistabbilixxi wkoll l-iskeda għall-azzjonijiet ġodda li se jkunu ppreżentati fix-xhur li ġejjin. Dawn se jinkludu prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew li jgħin lin-nies biex jiffinanzjaw l-irtirar tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha biex issaħħaħ il-qafas ta' sorveljanza għal swieq kapitali integrati, iżżid il-proporzjonalità tar-regoli għall-SMEs u għad-ditti ta' investiment elenkati, tisfrutta l-potenzjal tal-FinTech u tippromwovi l-investiment sostenibbli.

Flimkien mal-Evalwazzjoni ta' Nofs it-Terminu tas-CMU, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tniedi miżuri biex tinkoraġġixxi l-investiment fit-tul permezz ta' reviżjoni ta' kalibrar prudenzjali għal investimenti f'entitajiet korporattivi tal-infrastruttura. Aħna nipproponu li nnaqqsu l-ammont ta' kapital li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jridu jżommu meta jinvestu f'entitajiet korporattivi tal-infrastruttura. Dawn il-bidliet immirati għar-Regolament Delegat Solvibbiltà II se jkomplu jappoġġaw l-investiment fl-infrastruttura.

Il-proposta fid-dettall

Ir-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tas-CMU tistabbilixxi disa' azzjonijiet ġodda ta' prijorità:

  1. li jissaħħu s-setgħat tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq biex tiġi promossa l-effikaċja ta' superviżjoni konsistenti madwar l-UE u lil hinn minnha;
  2. li jkun hemm ambjent regolatorju iktar proporzjonat għall-elenkar tal-SMEs fis-swieq pubbliċi;
  3. li jkun hemm evalwazzjoni tat-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment;
  4. li jiġi vvalutat il-każ għal qafas tal-UE għal-liċenzjar u l-passaportar tal-attivitajiet tal-FinTech;
  5. li jiġu ppreżentati miżuri biex jappoġġaw swieq sekondarji għal self improduttiv (non-performing loans - NPLs) u jiġu esplorati inizjattivi leġiżlattivi biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' kredituri garantiti sabiex jirkupraw il-valur minn self iggarantit lil entitajiet korporattivi u imprendituri;
  6. li jiġi żgurat li jkun hemm segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar Finanzi Sostenibbli;
  7. li jiġu ffaċilitati d-distribuzzjoni u s-superviżjoni transfruntieri ta' UCITS u ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFs);
  8. li tiġi pprovduta gwida dwar ir-regoli eżistenti tal-UE dwar it-trattament ta' investimenti transfruntieri tal-UE u qafas adegwat għar-riżoluzzjoni amikevoli ta' tilwim dwar l-investiment;
  9. li tiġi proposta strateġija komprensiva tal-UE biex jiġu esplorati miżuri li jappoġġaw l-iżvilupp tas-swieq kapitali lokali u reġjonali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se timxi ‘l quddiem fuq l-azzjonijiet pendenti skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-2015. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tressaq:

  1.  Proposta leġiżlattiva dwar prodott tal-pensjonijiet personali pan-Ewropew li jgħin lin-nies biex jiffinanzjaw l-irtirar tagħhom; 
  2. Proposta leġiżlattiva għal qafas tal-UE dwar bonds koperti sabiex tgħin lill-banek jiffinanzjaw l-attività ta' self tagħhom;
  3. Proposta leġiżlattiva dwar il-liġi tat-titoli li żżid iċ-ċertezza legali dwar is-sjieda ta' titoli fil-kuntest transfruntier.

Sfond

Is-CMU għandha l-għan li ssaħħaħ il-fluss ta' kapital privat għal negozji li jkunu qed jikbru, għal investiment fl-infrastruttura, għat-tranżizzjoni tal-enerġija, kif ukoll proġetti oħra li jsaħħu t-tkabbir sostenibbli. It-tneħħija ta' ostakli għall-fluss liberu tal-kapital bejn il-fruntieri se ssaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja billi tappoġġa l-konverġenza ekonomika u tgħin biex jittaffew l-iskossi ekonomiċi fiż-żona tal-euro u lil hinn minnha, biex l-ekonomija Ewropea ssir aktar reżiljenti. Swieq tal-kapital aktar b'saħħithom, konnessi aħjar ma' investiment produttiv, se joħolqu opportunitajiet ta' investiment aħjar għal fondi tal-pensjoni u investituri istituzzjonali u bl-imnut li jfaddlu fit-tul u għall-irtirar.

F'Jannar 2017, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tas-CMU, fejn ħolqot opportunità għall-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu input immirat biex jikkumplimenta u javvanza l-azzjonijiet ippreżentati fil-Pjan ta' Azzjoni tas-CMU. Fit-30 ta' Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). Il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi programm ta' azzjonijiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-komponenti ewlenin ta' suq tal-kapital integrat fl-Unjoni Ewropea sal-2019.

Il-Pjan ta' Azzjoni huwa mibni madwar il-prinċipji ewlenin li ġejjin:

  • L-ikkollegar tal-iffinanzjar mal-ekonomija reali bl-iżvilupp ta' sorsi ta' finanzjament mhux bankarji
  • Il-ħolqien ta' aktar opportunitajiet għall-investituri
  • It-trawwim ta' sistema finanzjarja aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti
  • L-approfondiment tal-integrazzjoni finanzjarja u żieda fil-kompetizzjoni

Aktar informazzjoni:

MEMO

Skeda informattiva

Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali- Naċċelleraw ir-Riforma

Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali

IP/17/1529

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar