Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Fond Ewropew għad-Difiża: EUR5.5 biljun fis-sena biex jagħtu spinta għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-Ewropa

Brussell, is-7ta' gunju 2017

.

Illum il-Kummissjoni qed tniedi Fond Ewropew għad-difiża biex tgħin lill-Istati Membri biex flus il-poplu jintefqu b'mod aktar effiċjenti, jonqos l-infiq doppju, u jinkiseb valur aħjar għall-flus. Il-fond, li kien tħabbar mill-President Juncker f'Settembru 2016, u sostnut mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2016, se jikkoordina, jissupplimenta u jamplifika l-investimenti nazzjonali fir-riċerka għad-difiża, fl-iżvilupp ta' prototipi u fl-akkwist ta' tagħmir u ta' teknoloġija għad-difiża.

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen qal: “In-nies fl-Ewropa kollha huma mħassba dwar is-sigurtà tagħhom u ta' uliedhom. Jeħtieġ li jsir aktar u li ntejbu s-sitwazzjoni tagħna billi nikkomplementaw il-kooperazzjoni tagħna man-NATO. Illum qed nuru li aħna dak li ngħidu nwettquh. Il-Fond se jaġixxi bħala katalista għal industrija tad-difiża Ewropea b'saħħitha li tiżviluppa teknoloġiji u tagħmir sofistikati u interoperabbli għalkollox. It-tmun se jibqa' f'idejn l-Istati Membri li se jkollhom valur aħjar għal flushom — u fl-aħħar mill-aħħar ikollhom influwenza akbar.”

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, żiedet tgħid: “L-Ewropa trid issir fornitur tas-sigurtà. Il-Fond se jsostni r-riċerka kollaborattiva fid-difiża u l-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet ta' difiża. Għalhekk se jkun element li jaf iġib tibdil sinifikanti fl-awtonomija strateġika tal-UE u fil-kompetittività tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa – inkluż fil-ħafna SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja li jifformaw parti mil-katina tal-provvista tad-difiża Ewropea.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża għandu żewġ fergħat:

  • Riċerka: L-aspett tar-riċerka tal-Fond diġà qed jagħti l-frott. Għall-ewwel darba mill-2017, l-UE se toffri għotjiet għar-riċerka kollaborattiva f'teknoloġiji u prodotti innovattivi għad-difiża, b'finanzjament sħiħ u dirett mill-baġit tal-UE. Il-proġetti eliġibbli għal finanzjament tal-UE se jkunu ffukati fuq oqsma ta' prijorità miftiehma minn qabel mill-Istati Membri, u tipikament jistgħu jinkludi l-elettronika, il-metamaterjali, is-softwer kodifikat jew ir-robotika. Dawn se jiġu ffinanzjati b':
    • EUR 90 miljun sa tmiem l-2019, u b' EUR 25 miljun allokati għall-2017. Illum qed titnieda sejħa għall-proposti għal proġetti fl-oqsma ta' sistemi li jaħdmu mingħajr il-preżenza tal-bniedem f'sistemi ta' ambjent navali u ta' suldati. Il-firma tal-ewwel ftehimiet ta' għotja hija mistennija sal-aħħar ta' din is-sena.
    • EUR 500 miljun kull sena wara l-2020. Fl-2018, il-Kummissjoni se tipproponi programm ta' riċerka ddedikat għad-difiża tal-UE bi stima ta' baġit annwali ta' EUR 500 miljun li se jagħmel mill-Unjoni Ewropea waħda mill-ikbar investituri fir-riċerka fil-qasam tad-difiża fl-Ewropa.
  • Żvilupp u akkwist: Il-Fond se joħloq inċentivi biex l-Istati Membri jikkooperaw dwar l-iżvilupp konġunt u l-akkwist ta' tagħmir tad-difiża u tat-teknoloġija permezz ta' kofinanzjament mill-baġit tal-UE u appoġġ prattiku mill-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu pereżempju jinvestu b'mod konġunt fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord jew tal-komunikazzjoni bis-satellita, jew jixtru l-ħelikopters bl-ingrossa biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Se jkunu eliġibbli l-proġetti b'kollaborazzjoni biss, u parti mill-baġit kollu se tiġi allokata għal proġetti li jinvolvu l-parteċipazzjoni transkonfinali ta' SMEs. L-UE se toffri kofinanzjament b':
    • EUR 500 miljun b'kollox għall-2019 u l-2020, permezz ta' programm iddedikat ta' żvilupp industrijali u tad-difiża li tressaq illum.
    • EUR1 biljun kull sena wara l-2020. Programm iktar sostanzjali ser jitħejja għal wara l-2020, b'baġit annwali stmat ta' EUR1 biljun. Il-programm se juża l-finanzjament nazzjonali u l-effett multiplikatur huwa mistenni li jkun ta' 5. Għalhekk jista' jiġġenera investiment totali fl-iżvilupp tal-kapaċità tad-difiża ta' EUR 5 biljun kull sena wara l-2020.

Fond Ewropew għad-Difiża ambizzjuż se jikkontribwixxi lejn Unjoni Ewropea li tipproteġi u tiddefendi ċ-ċittadini tagħha, filwaqt li jikkomplementa oqsma ta' ħidma oħra li għaddejjin bħalissa, jiġifieri l-Pjan għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża, li jistabbilixxi livell ġdid ta' ambizzjoni għall-Unjoni u jidentifika l-azzjonijiet għat-twettiq tiegħu, kif ukoll bl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO ffirmata mill-President tal-Kunsill Ewropew, mill-President tal-Kummissjoni u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

Bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri, il-Fond Ewropew għad-Difiża malajr jista' jsir il-mutur li jmexxi l-iżvilupp tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża tant mistenni miċ-ċittadini.

B'ħarsitha 'l quddiem u b'segwitu għall-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, illum il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll dokument ta' riflessjoni biex jitnieda dibattitu pubbliku dwar kif l-UE ta' 27 membru tista' tiżviluppa sal-2025 fil-qasam tad-difiża.

Sfond

Fil-linji gwida politiċi tiegħu f'Ġunju 2014, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker għamel it-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej bħala prijorità. Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President Juncker ħabbar il-ħolqien ta' Fond Ewropew għad-Difiża.

Hemm kwistjoni ekonomika qawwija favur aktar kooperazzjoni dwar l-infiq għad-difiża fost il-pajjiżi tal-UE. In-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà huwa stmat li jiswa bejn EUR 25 biljun u EUR 100 biljun fis-sena1. 80% tal-akkwist u aktar minn 90% tar-Riċerka u t-Teknoloġija jseħħu fuq bażi nazzjonali2. Sa 30% tal-ispejjeż annwali għad-difiża jistgħu jiġu ffrankati permezz tal-akkomunament tal-akkwist3.

Approċċ frammentat f'dak li għandu x'jaqsam mad-difiża jwassal ukoll għal duplikazzjoni mhux meħtieġa u jaffettwa kif jiġu skjerati l-forzi tad-difiża. Hemm 178 sistema ta' armi differenti fl-UE, meta mqabbla mat-30 li hemm fl-Istati Uniti. Hemm 17-il tip differenti ta' tankijiet tal-gwerra ġenerali fl-UE u tip wieħed biss fl-Istati Uniti4. Għal ċerti programmi tal-ħelikopters, hemm aktar produtturi tal-ħelikopters fl-Ewropa minn gvernijiet li jistgħu jixtruhom.

Fit-30 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Fond Ewropew għad-Difiża, li ddeskriva fil-qosor kif Fond Ewropew għad-Difiża u azzjonijiet oħra jistgħu jgħinu biex l-infiq tal-Istati Membri jsir aktar effiċjenti fil-kapaċitajiet ta' difiża konġunti, biex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u tiġi promossa bażi industrijali kompetittiva u innovattiva. L-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb mill-mexxejja tal-UE waqt il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2016 u f'Marzu 2017, u l-Kummissjoni rċeviet mandat biex tippreżenta l-proposti li qed tressaq illum.

Aktar informazzjoni

Skeda informattiva dwar il-kwistjoni ta' aktar kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża

Skeda informattiva dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża

Il-Fond Ewropew għad-Difiża — Mistoqsijiet Frekwenti

Mistoqsijiet u Tweġibiet — Il-Futur tad-difiża Ewropea

Komunikazzjoni “It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża”

Proposta għal Regolament

Sejħa għal proposti

 

Dan id-dokument ġie emendat fid-9 ta' Ġunju biex jiġu ċċarati sorsi ta' informazzjoni

 

1 EPRS (Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew), Parlament Ewropew, 2013

Aġenzija Ewropea għad-Difiża, 2014

3 Rapport ta' Munich dwar is-Sigurtà, 2017

4 Rapport ta' Munich dwar is-Sigurtà, 2017

IP/17/1508

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar