Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

100 indikazzjoni ġeografika Ewropea lesti biex jiġu protetti fiċ-Ċina

Brussell, it-2ta' gunju 2017

100 indikazzjoni ġeografika Ewropea lesti biex jiġu protetti fiċ-Ċina

Illum l-UE u ċ-Ċina qablu li jippubblikaw formalment lista ta' mitejn indikazzjoni ġeografika Ewropea u Ċiniża – 100 kull kontinent – li se jiġu kkunsidrati għal protezzjoni permezz ta' ftehim bilaterali li għandu jiġi konkluż fl-2017.

Din il-pubblikazzjoni tiftaħ il-proċess għall-protezzjoni tal-prodotti elenkati kontra l-imitazzjonijiet u l-użurpazzjonijiet u huwa mistenni li tirriżulta f'benefiċċji kummerċjali reċiproċi kif ukoll f'żieda fit-trawwim ta' sensibilizzazzjoni u fid-domanda tal-konsumaturi għal prodotti ta' kwalità għolja miż-żewġ naħat.

Il-lista tal-UE ta' prodotti li jridu jiġu protetti fiċ-Ċina tinkludi prodotti bħal Bayerisches Bier, Feta, Queso Manchego, Champagne, Gorgonzola u Polska Wódka filwaqt li fost il-prodotti Ċiniżi li qed jaspiraw li jiksbu l-istatus ta' indikazzjoni ġeografika fl-UE nistgħu nsibu pereżempju Yantai Ping Guo (tuffieħ ta' Yantai), Hengxian Mo Li Hua Cha (te tal-ġiżimin ta' Hengxian), Panjin Da Mi (ross ta' Panjin) u Baise Mang Guo (mangu ta' Baise). Il-pubblikazzjoni ta' dawn il-listi hija parti mill-proċedura standard u tiftaħ perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

Is-suq Ċiniż għall-prodotti agroalimentari huwa wieħed mill-akbar fid-dinja, u qed jikber kull sena, filwaqt li huwa xprunat minn popolazzjoni dejjem tikber ta' klassi medja li qed issir midħla ta' prodotti tal-ikel u tax-xorb Ewropej, spiss bħala riżultat tal-vjaġġi internazzjonali li qed jagħmlu. Il-pajjiż għandu wkoll tradizzjoni rikka ta' indikazzjonijiet ġeografiċi tiegħu stess, li fil-biċċa l-kbira l-konsumaturi Ewropej għad mhumiex midħla tagħhom, iżda li issa għandhom ikunu aktar disponibbli bis-saħħa tal-ftehim.

Illum il-Kummissarju Ewropew għall-agrikoltura, Phil Hogan, stqarr: “II-prodotti tagħna ta' indikazzjoni ġeografika tal-UE huma tabilħaqq ġrajja ta' suċċess, b'bejgħ globali li kulma jmur qed jikber madwar id-dinja kollha. Il-konsumaturi minn madwar id-dinja kollha għandhom fiduċja fis-sistema ta' klassifikazzjoni tagħna għall-Indikazzjoni Ġeografika – dan ifisser li jafdaw l-oriġini u l-kwalità tal-prodotti, u li lesti li jħallsu prezz ogħla għall-prodotti, li b'hekk iwassal għal aktar qligħ għall-bdiewa. Għalhekk, bil-ħidma mill-qrib mas-sħab kummerċjali globali tagħna bħaċ-Ċina, għandna x'niggwadanjaw: twassal benefiċċji għall-bdiewa u għan-negozji agrikoli tagħna; tiżviluppa relazzjonijiet kummerċjali iżjed b'saħħithom bejn operaturi li jaħsbuha l-istess; u naturalment, twassal ukoll benefiċċji għall-konsumaturi taż-żewġ naħat ta' dan il-ftehim.”

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi bdiet iżjed minn 10 snin ilu u wasslet għall-protezzjoni ta' 10 ismijiet ta' indikazzjonijiet ġeografiċi fuq iż-żewġ naħat skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u taċ-Ċina. Fl-2010, abbażi ta' din il-kooperazzjoni inizjali, l-UE u ċ-Ċina bdew jinnegozjaw ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u dwar il-protezzjoni tagħhom. L-ewwel pass ta' dan il-proċess huwa l-pubblikazzjoni taż-żewġ listi ta' 100 prodott miż-żewġ naħat ta' dan il-ftehim li se jiġu protetti fit-territorju tagħhom ladarba l-ftehim jidħol fis-seħħ.

Issa l-partijiet interessati għandhom xahrejn biex jikkummentaw dwar il-prodotti magħżula miż-żewġ naħat tal-ftehim u, jekk ikun meħtieġ, iqajmu xi tħassib li jaf ikollhom mal-awtoritajiet tal-UE jew taċ-Ċina.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi huma wieħed mis-suċċessi l-kbar tal-agrikoltura Ewropea, b'iżjed minn 3300 isem irreġistrat tal-UE. Fl-UE jiġi protett ukoll madwar 1250 isem irreġistrat ieħor li mhux tal-UE, l-aktar bis-saħħa ta' ftehimiet bilaterali bħal dan li qed isir maċ-Ċina. F'termini ta' valur, is-suq għal indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE huwa ta' madwar €54.3 biljun, u flimkien dawn jammontaw għal 15 % tat-total tal-esportazzjonijiet tal-ikel u tax-xorb tal-UE.

 

Għal aktar tagħrif

Id-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Lista ta' indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej li ġew ippubblikati

Lista ta' indikazzjonijiet ġeografiċi Ċiniżi li ġew ippubblikati

Il-politika tal-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-UE

L-indikazzjonijiet ġeografiċi bejn l-UE u ċ-Ċina – il-proġett “10+10”

IP/17/1507

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar