Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp ġdid – l-UE u l-Istati Membri jiffirmaw strateġija konġunta għall-qerda tal-faqar

Brussell, is-7ta' gunju 2017

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha llum iffirmaw pjan strateġiku li jiddeskrivi l-futur tal-politika Ewropea għall-iżvilupp. Dan il-“Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp Ġdid” jirrappreżenta viżjoni kollettiva ġdida u pjan ta' azzjoni globali għall-qerda tal-faqar u biex jinkiseb żvilupp sostenibbli.

logo EClogo EPlogo Maltese

L-istrateġija żviluppata b'mod konġunt, fil-forma ta' Dikjarazzjoni Konġunta, ġiet iffirmata llum matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp annwali ta' jumejn mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-Prim Ministru ta' Malta Joseph Muscat, f'isem il-Kunsill u l-Istati Membri, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u r-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President Federica Mogherini.

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp ġdid jikkostitwixxi qafas komuni komprensiv għall-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp. Għall-ewwel darba, huwa japplika fl-intier tiegħu għall-Istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha, li jintrabtu li jaħdmu flimkien aktar mill-qrib.

Il-Kunsens il-ġdid jafferma mill-ġdid b'qawwa li l-qerda tal-faqar tibqa' l-objettiv ewlieni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp. Huwa jintegra b'mod sħiħ id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli. Filwaqt li jagħmel dan, huwa jallinja l-azzjoni Ewropea għall-iżvilupp mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li hija wkoll dimensjoni trażversali għall-Istrateġija Globali tal-UE.

Il-mexxejja Ewropej ikkommettew ruħhom għal tliet oqsma:

  1. Huma jirrikonoxxu l-interkonnessjonijiet qawwija bejn l-elementi differenti tal-azzjoni. Dan jinkludi l-iżvilupp u l-paċi u s-sigurtà, l-għajnuna umanitarja, il-migrazzjoni, l-ambjent u l-klima, kif ukoll elementi trażversali bħal: iż-żgħażagħ; l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; il-mobilità u l-migrazzjoni; l-enerġija sostenibbli u t-tibdil fil-klima; l-investiment u l-kummerċ; il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; kollaborazzjoni innovattiva mal-aktar pajjiżi avvanzati fost dawk li qed jiżviluppaw; u l-immobilizzar u l-użu ta' riżorsi domestiċi.
  2. Barra minn hekk, il-Kunsens il-ġdid jieħu approċċ komprensiv għall-mezzi ta' implimentazzjoni, u jgħaqqad flimkien l-għajnuna tradizzjonali għall-iżvilupp ma' riżorsi oħra, kif ukoll politiki sodi u approċċ imsaħħaħ lejn il-koerenza politika, filwaqt li jfakkar li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE dejjem għandha titqies fil-kuntest tal-isforzi proprji tal-pajjiżi sħab tal-Ewropa. Il-kunsens jipprovdi l-bażi għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jinvolvu ruħhom f'forom aktar innovattivi ta' finanzjament għall-iżvilupp, jixprunaw l-investimenti tas-settur privat u jimmobilizzaw riżorsi domestiċi addizzjonali għall-iżvilupp.
  3. L-UE u l-Istati Membri tagħha se joħolqu sħubiji mfassla aħjar ma' firxa usa' ta' partijiet ikkonċernati, inklużi s-soċjetà ċivili u l-pajjiżi sħab fl-istadji kollha tal-iżvilupp. Huma se jkomplu jtejbu l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika billi jaħdmu aħjar flimkien u jieħdu kont tal-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom.

Sfond

L-Ewropa hija mexxejja globali fl-iżvilupp, bħala l-akbar fornitur ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp fid-dinja. Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp ġdid ġie maqbul b'mod konġunt mill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha u l-Istati Membri kollha tal-UE b'mod miftuħ u trasparenti, ukoll f'konsultazzjoni ma' sħab oħra. Huwa t-tweġiba tal-UE għat-tendenzi u l-isfidi globali ta' llum, li tallinja l-azzjoni esterna tal-UE mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

L-aġenda 2030 ġiet adottata mill-komunità internazzjonali f'Settembru 2015 u tinkludi fil-qalba tagħha s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli u l-miri assoċjati, li jibqgħu għaddejjin sal-2030. Flimkien mas-summits u l-konferenzi internazzjonali l-oħrajn li saru fl-2015 f'Addis Ababa u f'Pariġi, il-komunità internazzjonali għandha qafas ambizzjuż ġdid għall-pajjiżi kollha biex jaħdmu flimkien fuq sfidi komuni. Għall-ewwel darba, l-SDGs huma universalment applikabbli għall-pajjiżi kollha u l-UE hija impenjata biex tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tagħhom.

Fit-22 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-ideat tagħha għal approċċ strateġiku għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli fl-Ewropa u madwar id-dinja, inkluż proposta tal-Kummissjoni għal Kunsens ġdid. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill taħt il-Presidenza Maltija u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom f'serje intensiva ta' diskussjonijiet interistituzzjonali mmirati lejn qbil għal viżjoni kollettiva ġdida għal politika ta' żvilupp li twieġeb għall-Aġenda 2030 u għal sfidi globali oħra.

L-Ewropa hi fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp sostenibbli u l-Aġenda 2030, permezz ta' politiki esterni u oħrajn.

Għal iktar informazzjoni:

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp ġdid

Dikjarazzjoni pubblika konġunta: Adozzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp ġdid

Skeda Informattiva - "Mistoqsija u Tweġiba: Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp ġdid”

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli

IP/17/1503

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar