Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda onlajn — l-inizjattiva tal-Kummissjoni ma' pjattaformi ta' midja soċjali u s-soċjetà ċivili turi progress

Brussell, I-1ta' gunju 2017

Sena ilu, il-Kummissjoni Ewropea u erba' pjattaformi importanti tal-midja soċjali ħabbru Kodiċi tal-Kondotta dwar il-ġlieda kontra diskors illegali ta' mibegħda onlajn.

Dan il-Kodiċi jinkludi sensiela ta' impenji minn Facebook, Twitter, Youtube u Microsoft biex jikkumbattu t-tixrid ta' dan il-kuntent fl-Ewropa. Evalwazzjoni mwettqa minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi pubbliċi f'24 Stat Membru, li ħarġet fl-ewwel anniversarju tal-Kodiċi ta' Kondotta, turi li l-kumpaniji msemmija hawn fuq għamlu progress sinifikanti fis-segwitu tal-impenji tagħhom.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, laqa' l-progress u qal: “Il-ħidma mill-qrib mas-settur privat u s-soċjetà ċivili biex niġġieldu d-diskors ta' mibegħda onljan qiegħda tagħti r-riżultati, u se nirduppjaw l-isforzi konġunti tagħna. Issa qegħdin naħdmu biex niżguraw koordinazzjoni mill-qrib bejn l-inizjattivi u l-fora li tajna bidu għalihom mal-pjattaformi onlajn. Se niċċaraw ukoll il-proċeduri ta' notifika u azzjoni biex kontenut illegali jitneħħa b'mod aktar efffiċjenti - filwaqt li tiġi preservata l-libertà ta' espressjoni, li hija essenzjali.”

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Vĕra Jourová, qalet, "Ir-riżultati tat-tieni evalwazzjoni tagħna tal-Kodiċi ta' Kondotta huma inkoraġġanti. Il-kumpaniji issa qiegħdin ineħħu d-doppju ta' każijiet ta' diskorsi ta' mibegħda illegali u b'rata aktar mgħaġġla meta' mqabbla ma' sitt xhur ilu. Dan huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba u juri li approċċ awtoregolatorju jista' jaħdem, jekk l-atturi kollha jagħmlu l-parti tagħhom. Fl-istess ħin, il-kumpaniji għandhom responsabbiltà kbira u jridu jagħmlu aktar progress biex iwettqu l-impenji kollha tagħhom. Għalija, huwa mportanti wkoll li l-kumpaniji jagħtu feedback lil dawk li nnotifikaw każijiet ta' kontenut ta' diskors ta' mibegħda illegali.”

L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. L-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-kumpaniji tal-midja soċjali u pjattaformi oħra għandhom ir-responsabbiltà li jaġixxu sabiex l-internet ma jsirx mezz ta' rifuġju liberu għad-diskors ta' mibegħda u vjolenza illegali.

Bl-iffirmar tal-Kodiċi ta' Kondotta, il-kumpaniji tal-IT ħadu l-impenn b'mod partikolari li jirrevedu l-maġġoranza tan-notifiki validi ta' diskors ta' mibegħda illegali f'inqas minn 24 siegħa u li jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal dan il-kontenut, fejn meħtieġ, skont il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-liġi Ewropea. Il-Kodiċi enfasizza wkoll il-ħtieġa ta' diskussjoni dwar kif tista' tiġi promossa aktar it-trasparenza u narrattivi alternattivi u kontra l-mibegħda.

Sena wara l-adozzjoni tiegħu, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors tal-mibegħda onlajn illegalità wera progress importanti, għalkemm għad fadal xi sfidi:

  • Bħala medja, f'59% tal-każijiet, il-kumpaniji tal-IT wieġbu għal notifiki dwar diskors ta' mibegħda illegali billi neħħew il-kontenut.Dan huwa aktar mid-doppju tal-livell ta' 28% li ġie rreġistrat sitt xhur ilu.
  • L-għadd ta' notifiki riveduti f'24 siegħa żdied minn 40% għal 51% fl-istess perjodu ta' sitt xhur. Facebook huwa madankollu l-uniku intrapriża li tikseb għal kollox il-mira li tirrevedi l-maġġoranza tan-notifika f'ġurnata.
  • Meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta' sitt xhur ilu, il-kumpaniji tal-IT saru jiġġestixxu aħjar in-notifiki miċ-ċittadini bl-istess mod bħal dawk mingħand organizzazzjonijiet li jużaw mezzi tal-midja ta' min jafdahom. Madankollu, għadhom jippersistu xi differenzi u r-rati tat-tneħħija globali għadha baxxa meta n-notifika tkun ġejja mingħand il-pubbliku.
  • Fl-aħħar nett, il-monitoraġġ juri li filwaqt li Facebook jibgħat feedback sistematiku lill-utenti tiegħu dwar kif ġew ivvalutati n-notifiki tagħhom, il-prattika fost il-kumpaniji tal-IT hija pjuttost differenti. Il-kwalità tal-feedback, li hija r-raġuni għad-deċiżjoni, hija qasam fejn jista' jsir aktar progress.

Titjib fit-trattament tal-ilmenti mill-utenti u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili

Is-sena l-oħra, il-kumpaniji tal-IT saħħew is-sistemi ta' rapportar tagħhom u b'hekk ir-rappurtar tad-diskors ta' mibegħda sar aktar faċli. Ħarrġu lill-persunal tagħhom u żiedu l-kooperazzjoni tagħhom mas-soċjetà ċivili. L-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta saħħet u kabbret in-netwerk tal-kumpaniji tal-IT ta' notifikanti affidabbli madwar l-Ewropa.

Il-kooperazzjoni mkattra mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wasslet għal kwalità ogħla fin-notifiki, żmien ta' trattament aktar effettiv u riżultati aqwa f'termini ta' reazzjonijiet għan-notifiki.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta bl-għajnuna tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa mistenni titjib mill-kumpaniji tal-IT b'mod partikolari dwar it-trasparenza tal-kriterji għall-analiżi tal-kontenut notifikat u l-feedback lill-utenti.

Il-Kummissjoni se tieħu kont tar-riżultati ta' din l-evalwazzjoni bħala parti mill-ħidma mħabbra fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma tagħha biex tippromwovi kooperazzjoni aktar effiċjenti bejn il-kumpaniji tal-IT u l-awtoritajiet nazzjonali.

Sfond

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Ġlieda kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija tikkriminalizza l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp bħal dan ikkaratterizzat b'referenza għar-razza, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika. Id-diskors ta' mibegħda kif definit f'din id-Deċiżjoni Qafas huwa reat kriminali wkoll meta jsir fid-dinja virtwali.

Stħarriġ reċenti Ewropew juri li 75% ta' dawk li jsegwu jew jieħdu sehem f'dibattiti onlajn iltaqgħu ma' episodji ta' abbuż, theddid jew diskors ta' mibegħda. Kważi nofs dawk li wieġbu qalu li dan iddiswadihom milli jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet onlajn.

L-UE, l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-kumpaniji tal-midja soċjali u pjattaformi oħra, ilkoll jaqsmu responsabbiltà kollettiva biex jippromwovu u jiffaċilitaw il-libertà ta' espressjoni fid-dinja virtwali. Fl-istess ħin, dawn l-atturi kollha għandhom ir-responsabblità li jassiguraw li l-internet ma jsirx mezz ta' rifuġju liberu għall-vjolenza u l-mibegħda

Biex iwieġbu għal din il-problema akbar ta' diskors ta' mibegħda illegali fid-dinja virtwali, il-Kummissjon Ewropea u l-erba' kumpaniji kbar tal-IT (Facebook, Microsoft, Twitter u Youtube) ippreżentaw “Kodiċi ta' Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda onlajn illegali” fil-31 ta' Mejju 2016. Fis-7 ta' Diċembru 2016 il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-ewwel eżerċizzju ta' monitoraġġ biex tevalwa l-implimentazzjoni ta' dan il-Kodiċi ta' Kondotta.

Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali maħruġa fl-10 ta' Mejju 2017 ikkonfermat il-ħtieġa li tkompli l-ħidma lejn rekwiżiti proċedurali minimi għall-proċeduri ta' “notifika u azzjoni” tal-intermedjarji onlajn, inkluż f'dak li jikkonċerna l-kriterji ta' kwalità għan-notifiki, il-proċeduri tal-kontro notifika, l-obbligu ta' rapportar, il-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni għal partijiet terzi u s-sistemi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Bl-istess mod, il-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva għandha dispożizzjonijiet saħħithom biex jobbligaw lill-pjattaformi biex iwaqqfu sistema ta' notifika għall-materjal awdjoviżiv li jkun fih diskors ta' mibegħda onlajn.

Il-Kummissjoni bdiet diversi djalogi ma' pjattaformi onlajn fi ħdan is-Suq Uniku Diġitali (pereżempju l-Forum tal-UE dwar l-Internet, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-diskors ta' mibegħda illegali onlajn, u l-Memorandum ta' Ftehim dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti Ffalsifikati fuq l-Internet) u qiegħda tippjana li tikkoordinahom b'mod aktar effiċjenti biex tiżgura l-aħjar riżultati possibbli.

Dawn l-isforzi, mibdija mill-Kummissjoni, jikkontribwixxu wkoll għall-azzjoni tal-mexxejja tal-G7 li dan l-aħħar ħadu mpenn biex jappoġġaw l-isforzi tal-industrija u jkabbru l-impenn mas-soċjetà ċivili kontra l-estremiżmu onlajn.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsija u Tweġiba

Skeda informattiva dwar it-tieni evalwazzjoni

It-tnedija tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-diskors illegali ta' mibegħda onlajn

Kodiċi ta' Kondotta

Il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta' mibegħda illegali onlajn: L-ewwel valutazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta l-ġdid

Skeda informattiva - L-ewwel valutazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta

Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu dwar is-Suq Uniku Diġitali

Skeda informattiva dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-2015

IP/17/1471

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar