Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi t-tħejjija għal azzjoni futura tal-UE dwar il-liġi tal-konsumatur

Brussell, id-29ta' mejju 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta analiżi tar-regoli tal-UE tal-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni. Dan ir-rapport se jservi ta' bażi għal iktar titjib fil-qafas legali għall-konsumaturi u n-negozji.

Ir-riżultati juru li filwaqt li l-konsumaturi Ewropej diġà jibbenifikaw minn regoli u drittijiet b'saħħithom tal-konsumatur, hemm lok għal titjib, pereżempju f'dak li għandu x'jaqsam l-infurzar ta' dawn ir-regoli jew li biex dawn ikunu xierqa għall-era diġitali. Aġġornament ta' dawn ir-regoli għandu jiżgura wkoll iktar ċarezza legali għan-negozji li joperaw b'mod transfruntier.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Věra Jourová qalet: “Il-konsumaturi Ewropej huma fost l-iktar konsumaturi protetti fid-dinja. Jibbenifikaw minn drittijiet tal-konsumatur b'saħħithom sew jekk humiex f'pajjiżhom jew f'pajjiż transfruntier. Għandna naċċertaw li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu infurzati sew u li jkunu aġġornati mal-era diġitali. Bil-proposti li ġejjin se naċċertaw li dawn id-drittijiet isiru realtà kemm onlajn kif ukoll offlajn. ”

Ir-regoli tal-UE dwar il-konsumatur ikkontribwixxew għat-titjib fil-fiduċja tal-konsumaturi: Fl-2016, kważi sitta minn kull 10 konsumaturi (58 %) ħassew li kienu mħarsa sew meta ġew biex jixtru xi ħaġa onlajn minn Stat Membru ieħor, meta mqabbel ma' wieħed biss minn kull għaxra (10 %) fl-2003. Sebgħa minn kull 10 persuni rrappurtaw li bbenifikaw mid-dritt għal garanzija bla ħlas ta' minimu ta' sentejn għal prodotti.

Kwistjonijiet li ġew identifikati

L-analiżi tal-Kummissjoni tidentifika l-kwistjonijiet li ġejjin li għandhom jiġu indirizzati:

  • Possibbiltajiet ta' rimedju limitati: Ftit huma l-pajjiżi li joffru rimedju tal-liġi ċivili effiċjenti lill-konsumaturi f'każ li jisfgħu vittma ta' prattiki kummerċjali żleali. F'xi pajjiżi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi ma jistgħux iressqu inġunzjonijiet biex jindikaw imġiba ħażina. L-Istati Membri għad għandhom approċċi differenti dwar ir-rimedju kollettiv.
  • Infurzar diverġenti fl-Istati Membri: Il-livell ta' sanzjonijiet għall-ksur tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur minn kumpanija jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, u dan jirriżulta f'livelli differenti ta' protezzjoni tal-konsumatur u nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi għan-negozji.
  • Drittijiet li mhumiex totalment adattati għad-dinja diġitali: Meta jabbonaw għal servizzi onlajn bla ħlas (pereżempju, servizzi tal-cloud, il-midja soċjali), il-konsumaturi ma jibbenefikawx mid-drittijiet fil-qasam tat-tagħrif prekuntrattwali jew mid-dritt li jerġgħu lura mill-kuntratt, kif jagħmlu meta jħallsu għal dawn is-servizzi. Il-konsumaturi jesperjenzaw ukoll nuqqas ta' trasparenza fl-intermedjarji onlajn, li jagħmilha diffiċli għall-konsumaturi biex jitolbu d-drittijiet tagħhom.
  • Għarfien baxx tad-drittijiet tal-konsumatur: Erba' persuni biss minn kull għaxra (41 %) kienu jafu li kellhom id-dritt li jsewwu jew ibiddlu bla ħlas il-prodotti li jixtru jekk dawn ikunu difettużi, u terz biss (33 %) kienu jafu li ma għandhomx bżonn iħallsu jew jirritornaw prodotti li ma talbux.

Il-Kummissjoni kif se tmexxi 'l quddiem din il-proposta?

Il-Kummissjoni se teżamina kif tista' ssegwi fl-oqsma li ġejjin tar-regoli tal-Konsumaturi tal-UE:

  • l-għoti tad-dritt lill-vittmi ta' prattiki kummerċjali żleali għal rimedji kuntrattwali u / jew extra-kuntrattwali (bħad-dritt li jitterminaw il-kuntratt u li jirċievu rimborż tal-prezz imħallas);
  • l-estensjoni tal-protezzjoni skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (pereżempju, informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt li jerġgħu lura mill-kuntratt) għal servizzi onlajn fejn il-konsumaturi jħallsu għalihom bid-dejta tagħhom;
  • tiżgura li l-konsumaturi li qed jużaw pjattaformi onlajn (swieq) jiġu mgħarrfa jekk humiex qed jixtru minn negozjant professjonali jew minn konsumatur ieħor u jekk humiex qed jibbenifikaw mir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur;
  • it-tisħiħ u l-armonizzazzjoni aħjar tal-livell ta' sanzjonijiet għal ksur tal-liġi tal-konsumatur;
  • it-titjib tal-proċedura ta' inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi;
  • Tanalizza r-riżultati tal-valutazzjoni li għaddejja ta' rimedju kollettiv fl-UE kollha.

Il-passi li jmiss

Sabiex teżamina l-possibbiltà għal bidliet possibbli fil-leġislazzjoni, fl-2017 il-Kummissjoni se:

  • tippubblika “Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu” li tiddeskrivi l-iskop u l-għażliet għal azzjoni leġiżlattiva futura;
  • torganizza konsultazzjoni pubblika onlajn;
  • tipprepara valutazzjoni tal-impatt u, skont ir-riżultati tagħha, tippreżenta proposta leġiżlattiva.

L-azzjoni li għaddejja tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni diġà qed taħdem biex taġġorna xi wħud mir-regoli tal-Konsumaturi:

Il-Kummissjoni aġġornat il-gwida tagħha dwar id-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali, li hija l-bażi legali għal ħafna azzjonijiet kkoordinati tal-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi fuq livell tal-UE.

Il-Kummissjoni pproponiet regoli kuntrattwali diġitali moderni (IP/15/6264), li ladarba jiġu adottati, se jipprovdu regoli iktar ċari biex il-konsumaturi jkunu imħarsa aħjar meta jixtru kontenut diġitali. Il-Kummissjoni se tallinja r-regoli komuni fir-rigward tar-rimedji.

Fir-rigward ta' infurzar aħjar, il-Kummissjoni għamlet proposta biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur (CPC) u l-Kummissjoni (IP/16/1887).

Sfond

Bħala parti mill-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tanalizza b'mod regolari l-liġijiet tal-UE biex tidentifika l-piżijiet regolatorji eċċessivi, id-duplikazzjonijiet, il-lakuni, l-inkonsistenzi u / jew il-miżuri obsoleti li setgħu dehru matul iż-żmien.

F'dan il-qafas, il-Kummissjoni vvalutat sitt direttivi orizzontali tal-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni: id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali (UCPD), id- Direttiva dwar il-Bejgħ ta' oġġetti u Garanziji assoċjati magħhom, id-Direttiva dwar il-Klawżoli Kuntrattwali Inġusti, id-Direttiva dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet, id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi u Komparattiv, id-Direttiva dwar l-Inġunzjonijiet. L-analiżi kienet tikkonsisti minn stħarriġ ta' aktar minn 23,000 konsumatur minn madwar l-UE, eżerċizzji ta' xiri anonimu (mystery shopping), intervisti ma' korpi nazzjonali tal-konsumatur (organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet tan-negozju, awtoritajiet, ministeri) u esperimenti komportamentali.

B'mod parallel u marbuta mal-Kontroll tal-Idoneità, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, kif meħtieġ mill-Artikolu 30 tiegħu.

Għal aktar tagħrif

Skeda informattiva: Liġi tal-UE dwar il-konsumatur

Sommarju eżekuttiv tar-Rapport dwar il-Kontroll tal-Idoneità

Sommarju eżekuttiv tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur

Ir-rapporti sħaħ u l-istudji esterni ta' appoġġ li ġew ippubblikati llum huma disponibbli hawn

Id-Drittijiet u l-liġi tal-UE dwar il-Konsumatur

 

 

 

 

IP/17/1448

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar