Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE għall-2018: Il-Kummissjoni tipproponi baġit b'enfasi fuq l-impjiegi, l-investimenti, il-migrazzjoni u s-sigurtà

Brussell, it-30ta' mejju 2017

Il-Kummissjoni llum pproponiet abbozz tal-baġit għall-2018 ta' EUR 161 biljun f'impenji biex tistimula l-ħolqien ta' aktar impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex tagħti spinta lit-tkabbir u lill-investimenti strateġiċi.

Filwaqt li jibni fuq l-azzjonijiet li diġà ttieħdu fis-snin preċedenti, il-baġit tal-UE tas-sena d-dieħla se jkompli jittratta b'mod effettiv l-isfida tal-migrazzjoni, kemm fl-UE kif ukoll 'il barra minnha. Ir-rappurtar imtejjeb se jsaħħaħ l-enfasi fuq riżultati konkreti li se jinkisbu permezz tal-fondi tal-UE.

Il-Kummissarju Günther H. Oettinger, inkarigat mill-baġit u mir-riżorsi umani, qal: “B'dan il-baġit irridu nilħqu bilanċ tajjeb bejn li nżommu l-impenji tagħna tal-passat dwar programmi maġġuri tal-UE u l-indirizzar ta' sfidi ġodda filwaqt li nsaħħu l-valur miżjud tal-UE. Aħna nippruvaw niżguraw li iktar żgħażagħ Ewropej ikunu jistgħu jsibu l-impjiegi u li iktar investimenti ewlenin ikunu prattiċi. Li jkun hemm riżultati tanġibbli u differenza fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej tkompli tmexxi l-azzjoni kollha tal-UE.”

Il-baġit propost jopera fil-limitazzjonijiet stipulati mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali - iżda skont is-suppożizzjoni li l-Kunsill se jadotta formalment ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu diġà stabbilita ta' dan il-Qafas, malajr wara l-elezzjonijiet fir-Renju Unit li se jsiru fit-8 ta' Ġunju. Jekk dan ma jsirx, xi ftit mill-infiq addizzjonali propost - bħas-EUR 700 miljun li jifdal għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-perjodu 2018–2020 — jkun f'riskju u l-Kummissjoni x'aktarx ikollha bżonn tuża l-baġit mit-titolu tal-agrikoltura biex tħallas l-ammonti addizzjonali iddedikati għas-sigurtà u l-migrazzjoni.

Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea issa se jiddiskutu flimkien din il-proposta.

L-ispinta lill-impjiegi u lill-investimenti

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-qalba tal-Pjan ta' Juncker, huwa appoġġat minn garanzija mill-baġit tal-UE, u kkumplimentat minn allokazzjoni tal-kapital proprju tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Huwa għandu l-għan li jappoġġa l-impjiegi u li jagħti spinta lit-tkabbir billi jagħmel użu iktar intelliġenti ta' riżorsi finanzjarji ġodda u eżistenti biex jiżviluppa l-investiment privat. Huwa diġà mistenni li jimmobilizza EUR 194 biljun tal-investimenti li saru sa issa. Fl-2018, il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-fond ta' garanzija tal-FEIS b'ammont addizzjonali ta' EUR 2 biljun.

Il-fondi Strutturali u ta' Investiment jibqgħu l-uniċi strumenti ta' investiment tal-UE li jappoġġaw lill-SMEs u lill-azzjonijiet, prinċipalment fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport, l-ambjent u l-iżvilupp rurali. Il-baġit tal-UE se jipprovdi EUR 55.4 biljun għall-fondi Strutturali u ta' Investiment għar-reġjuni u l-Istati Membri u kważi EUR 59.6 biljun għall-bdiewa u għall-iżvilupp rurali.

Wara bidu bil-mod fl-ewwel snin, il-programmi strutturali u ta' investiment tal-UE għall-perjodu 2014-2020 huma mistennija li jilħqu livell ta' ritmu normali fl-2018, skont l-impenji miftiehma mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew. Dan jispjega ż-żieda bi 8.1% tal-pagamenti globali meta mqabbla mal-baġit tal-2017.

Il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli se tiggwida wkoll l-azzjoni tal-baġit tal-UE barra l-Unjoni, li qed jiġi msaħħaħ b'mod sinifikanti fir-rigward tal-pajjiżi ġirien. Il-Fond Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp Sostenibbli għalhekk huwa mistenni li jimmobilizza l-finanzjament addizzjonali, b'mod partikolari mis-settur privat.

Il-ħolqien ta' opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ

Il-programm Erasmus+ jimmira li jimplimenta l-għanijiet miftiehma tal-politika tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport billi jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi tal-istudenti, irawwem titjib fil-kwalità fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-istituzzjonijiet / l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jippromwovi l-iżvilupp tal-politika. L-abbozz tal-baġit għall-2018 jalloka EUR 2.3 biljun għal dan il-għan - żieda ta' 9.5 % meta mqabbla mal-baġit tal-2017.

Sal-aħħar tal-2016, madwar 1.6 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bbenefikaw mill-azzjonijiet appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. Din l-inizjattiva kkontribwixxiet għal tnaqqis fil-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Madankollu, filwaqt li r-rati tal-qgħad jibqgħu ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi finanzjarja, sforzi u appoġġ kontinwi fil-livell tal-UE huma meħtieġa. Għal dan il-għan, għandu jingħata EUR 1.2 biljun lill-Inizjattiva matul il-perjodu 2017-2020, li minnhom EUR 233 miljun huma inklużi fl-abbozz tal-baġit għall-2018 u EUR 500 miljun f'baġit emendatorju għall-2017, li se jiġi propost illum ukoll.

Opportunità oħra għaż-żgħażagħ hija l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li jipprovdi kollokamenti għal xogħol volontarju, apprendistat u offerti ta' impjieg għal xahrejn sa 12-il xahar, u b'hekk tkattar is-solidarjetà f'komunitajiet madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni llum pproponiet il-baġit propju tagħha u l-bażi legali għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà biex tawtorizza 100,000 Ewropej biex jieħdu sehem sal-2020. Azzjonijiet relatati mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għall-perjodu 2018-2020 se jammontaw għal total ta' EUR 342 miljun, li minnhom EUR 89 miljun se jkunu allokati għall-2018.

Ir-rispons effettiv għall-isfidi ġeopolitiċi

Filwaqt li l-migrazzjoni u s-sigurtà jkomplu jkunu l-ogħla prijoritajiet, il-Kummissjoni qed tippjana li tkompli tiffinanzja xelta wiesgħa ta' azzjonijiet relatati fl-UE, bħalma huma l-provvediment ta' għajnuna umanitarja, it-tisħiħ tal-immaniġġar tal-fruntieri esterni, l-appoġġ għall-Istati Membri l-iktar milquta, u iktar. L-EUR 4.1 biljun ippjanati fl-abbozz ta' baġit għall-2018 fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà jġibu t-total tal-finanzjament globali tal-UE għall-migrazzjoni u s-sigurtà għall-ammont mingħajr preċedent ta' EUR 22 biljun fil-perjodu 2015-2018. L-abbozz tal-baġit għall-2018 jirrifletti l-fatt li l-biċċa l-kbira ta' dan kien fornut minn qabel.

Fondi addizzjonali se jkunu disponibbli wkoll biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni b'mod estern, speċjalment permezz tal-għoti ta' assistenza lill-pajjiżi li mhumiex fl-UE li jittrattaw flussi kbar ta' migrazzjoni, bħalma huma l-Libanu u l-Ġordan. L-abbozz tal-baġit jinkludi wkoll il-wegħdiet għal dan ir-reġjun, li saru fil-konferenza ta' Brussell f'April 2017 dwar l-appoġġ għall-futur tas-Sirja, li jammonta għal total ta' EUR 560 miljun.

Fil-qasam tas-sigurtà, il-finanzjament tal-UE se jiffoka fuq miżuri ta' sigurtà preventiva, speċjalment fil-qasam tal-kriminalità serja u organizzata, inkluż it-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali, iż-żieda fis-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE u l-għoti ta' appoġġ lil Stati Membri biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità.

Barra minn hekk, fl-2017 il-Kummissjoni nediet l-hekk imsemmija azzjoni preparatorja għal riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE. B'mod globali, EUR 90 miljun huma bbaġitjati għall-perjodu 2017-2019 sabiex tiġi ffinanzjata riċerka kollaborattiva f'teknoloġiji u prodotti innovattivi tad-difiża.

Sfond

L-abbozz tal-baġit tal-UE jinkludi żewġ ammonti għal kull programm li għandu jiġi ffinanzjat — l-impenji u l-pagamenti. "L-impenji" jirreferu għall-finanzjament li jista' jkun hemm qbil dwaru permezz ta' kuntratti f'sena speċifika; filwaqt li "l-pagamenti" jirreferu għall-flus li effettivament jitħallsu. Fl-abbozz ta' baġit għall-2018, l-impenji jirrapreżentaw EUR 161 biljun (żieda ta' 1.4 % mill-2017) u l-pagamenti jirrappreżentaw EUR 145 biljun (żieda ta' 8.1 % mill-2017, minħabba li l-programmi strutturali u ta' investiment tal-UE għall-perjodu 2014-2020 laħqu livell ta' ritmu normali fl-2018, wara bidu bil-mod fl-ewwel snin).

Għal Iktar Informazzjoni

- Abbozz tal-Baġit tal-UE għall-2018 – Mistoqsijiet u Tweġibiet

- Il-Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati

- Riżultati tal-UE (ġabra onlajn tal-proġetti ffinanzjati mill-UE)

- Stqarrija għall-istampa dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

IP/17/1429

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar