Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tirċievi l-mandat biex tibda n-negozjati mar-Renju Unit

Brussell, it-22ta' mejju 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea tilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit u tinnomina lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tilqa' wkoll l-adozzjoni tal-ewwel sett ta' direttivi ta' negozjati.

Flimkien mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew li kien hemm qbil dwarhom mill-mexxejja tal-UE27 fid-29 ta' April 2017, dawn id-direttivi ta' negozjati jiddeskrivu l-prijoritajiet għall-ewwel fażi tan-negozjati. Iż-żewġ testi jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea, bħala n-negozjatur tal-Unjoni, il-mandat politiku u legali meħtieġ biex tinnegozja mar-Renju Unit f'isem fl-UE27. F'Diċembru, il-Kunsill Ewropew laqa' l-ħatra ta' Michel Barnier, mill-Kummissjoni, bħala l-Kap Negozjatur.

L-ewwel fażi tan-negozjati se tittratta tliet oqsma ewlenin: jiġu salvagwardjati l-istatus u d-drittijiet taċ-ċittadini, kemm iċ-ċittadini tal-UE27 fir-Renju Unit kif ukoll iċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE27 u l-familji tagħhom; jintlaħaq ftehim dwar il-prinċipji tas-saldu finanzjarju tal-obbligi tar-Renju Unit bħala Membru tal-UE; jiġu indirizzati l-fruntieri esterni l-ġodda tal-UE, inkluża l-protezzjoni tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, u jinstabu soluzzjonijiet immaġinattivi sabiex tiġi evitata fruntiera fiżika tal-gżira tal-Irlanda. Kwistjonijiet oħrajn jinkludu arranġamenti fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwim u l-governanza tal-ftehim tal-irtirar.

Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni ppubblikat l-politika ta' trasparenza tagħha għan-negozjati, li l-għan tagħha huwa li tiġi żgurata trasparenza sħiħa matul il-proċess kollu tan-negozjati. Id-dokumenti ta' negozjati tal-Kummissjoni li huma kondiviżi mal-Istati Membri tal-UE, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-parlamenti nazzjonali, u r-Renju Unit se jiġu rilaxxati lill-pubbliku u se jiġu ppubblikati hawnhekk. Dawn id-dokumenti jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

  • L-aġenda għal sessjonijiet ta' negozjati;
  • Dokumenti dwar il-pożizzjoni tal-UE;
  • Dokumenti informali;
  • Proposti għat-testi tal-UE.

Il-Kap Negozjatur tal-Kummissjoni għan-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit, Michel Barnier, qal: “Ninsabu lesti biex niltaqgħu madwar il-mejda tan-negozjati mar-Renju Unit. L-objettiv tagħna huwa li jintlaħaq ftehim malajr dwar il-kwistjonijiet iippreżentati mill-Kunsill illum.”

Il-passi li jmiss

In-negozjati formali se jibdew hekk kif ir-Renju Unit ikun lest. Bi tħejjija għall-ewwel laqgħa bejn in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit, il-Kummissjoni se taqsam abbozz tad-dokumenti ta' negozjati mal-Istati Membri tal-UE27. Dawn id-dokumenti se jkopru l-oqsma li ġejjin: id-drittijiet taċ-ċittadini, l-Euratom, il-kwistjonijiet marbutin ma' merkanzija mqiegħda fis-suq qabel il-ħruġ tar-Renju Unit, il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi li jinsabu għaddejjin, il-governanza tal-ftehim tal-Artikolu 50, u s-saldu finanzjarju. Id-dokumenti kollha se jiġu ppubblikati u se jkunu fuq is-sit web tal-TF50.

Sfond:

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew adotta l-linji gwida politiċi tiegħu fid-29 ta' April 2017. Fit-3 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat u ppubblikat ir-rakkomandazzjoni tagħha biex jinfetħu n-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit. Din kienet tinkludi abbozz tad-direttivi ta' negozjati u kienet ibbażata fuq il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017. Fit-22 ta' Mejju 2017, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. In-negozjati se jitmexxew f'kull ħin fid-dawl tal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u f'konformità mad-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill u b'kunsiderazzjoni xierqa għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017.

Għal Aktar Informazzjoni

It-test tad-direttivi ta' negozjati

Informazzjoni dwar il-politika ta' trasparenza tal-Kummissjoni

Il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar id-direttivi tan-negozjati

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Paġna Web dwar it-Task Force dwar in-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit (TF50)

 

IP/17/1405

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar