Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Mil-lum l-“Ordni Ewropea ta' Investigazzjoni” se jgħin lill-awtoritajiet biex jiġġieldu kontra l-kriminalità u t-terroriżmu

Brussell, it-22ta' mejju 2017

Illum, l-“Ordni Ewropea ta' Investigazzjoni” jidħol fis-seħħ. Huwa jissimplifika x-xogħol tal-awtoritajiet ġudizzjarji meta dawn jitolbu evidenza li jinsab f'pajjiż ieħor tal-UE

Pereżempju, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi jkunu qed jintraċċaw terroristi moħbija fil-Belġju, huma jistgħu jitolbu mill-kontrapartijiet Belġjani tagħhom biex jinterrogaw lix-xhieda jew jagħmlu tfittxijiet fid-djar hemmhekk f'isimhom. Din l-għodda l-ġdida se tissimplifika u tħaffef investigazzjonijiet kriminali transfruntiera.

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Věra Jourová qalet: “Il-kriminali u t-terroristi ma għandhomx fruntieri. L-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea se jgħin lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jikkooperaw biex jiġġieldu b'mod effettiv il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni. Huwa se jagħti lill-awtoritajiet ġudizzjarji aċċess għall-evidenza malajr kull fejn tkun fl-UE. Nistieden lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw kemm jista' jkun malajr biex titjieb il-ġlieda komuni tagħna kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. F'Ġunju se niddiskutu wkoll soluzzjonijiet mal-Istati Membri biex ikun iffaċilitat il-ġbir u l-iskambju ta' evidenza elettronika. Wasal iż-żmien biex ikunu modernizzati l-għodod disponibbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-investigazzjonijiet. "

L-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea huwa bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, li jfisser li kull pajjiż tal-UE huwa obbligat li jirrikonoxxi u jwettaq it-talba tal-pajjiż l-ieħor, bl-istess mod kif kieku kien jipproċedi f'deċiżjoni li saret mill-awtoritajiet tiegħu stess.

L-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea se jwassal għal dawn il-vantaġġi li ġejjin:

  • Joħloq strument uniku komprensiv b'ambitu wiesa' - Huwa se jissostitwixxi l-qafas legali fframmentat eżistenti biex tinkiseb l-evidenza. Għall-Istati Membri parteċipanti, dan se jkopri l-proċess kollu tal-ġbir ta' evidenza, mill-iffriżar ta' evidenza għat-trasferiment tal-evidenza eżistenti.
  • Jistabbilixxi skadenzi stretti għall-ġbir tal-evidenza mitluba - L-Istati Membri jkollhom sa 30 jum biex jiddeċiedu jekk jaċċettawx it-talba. Fil-każ li jaċċettawha, ikollhom skadenza ta' 90 jum biex jieħdu l-miżura investigattiva rikjesta. Kull dewmien jiġi rrappurtat lill-pajjiż tal-UE li jkun talab l-ordni ta' investigazzjoni.
  • Jillimita r-raġunijiet għar-rifjut ta' talbiet bħal dawn: L-awtorità riċeventi tkun tista' biss tirrifjuta li teżegwixxi l-ordni f'ċerti ċirkostanzi, pereżempju jekk it-talba tkun kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-pajjiż jew tippreġudika l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.
  • Inaqqas il-burokrazija billi tiġi introdotta formola standard tradotta fil-lingwa uffiċjali tal-Istat li jeżegwixxi, li tgħin lill-awtoritajiet biex jitolbu l-għajnuna fit-tiftix tal-evidenza.
  • Jipproteġi d-drittijiet fundamentali tad-difiża - L-awtoritajiet emittenti jridu jivvalutaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura investigattiva mitluba. L-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea għandu jinħareġ jew jiġi vvalidat minn awtorità ġudizzjarja, u l-ħruġ ta' ordni jista' jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f'isimha skont id-drittijiet tad-difiża u tal-proċeduri kriminali nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw rimedji legali ekwivalenti għal dawk disponibbli f'każijiet domestiku simili u jiżguraw li l-persuni kkonċernati jiġu infurmati b'mod adatt dwar dawn il-possibbiltajiet.

B'mod partikolari, l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea jippermetti:

  • trasferiment temporanju ta' persuna miżmuma f'kustodja biex tinġabar l-evidenza;
  • verifiki dwar kontijiet bankarji u tranżazzjonijiet finanzjarji ta' persuni suspettati jew akkużati;
  • investigazzjonijiet ta' infiltrazzjoni u l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet;
  • miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza.

L-għodda tradizzjoni tal-investigazzjoni mhux dejjem ikunu adatti għad-dinja diġitali li qed ngħixu fiha. L-awtoritajiet ġudizzjarji jeħtieġu mezzi biex jaċċessaw evidenza fil-cloud u li tkun illokalizzata x'imkien ieħor fid-dinja. Il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq soluzzjonijiet biex tattrezza lill-awtoritajiet ġudizzjarji b'għodod moderni ta' investigazzjoni biex ikun simplifikat l-aċċess tagħhom għall-evidenza elettronika.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri kellhom ż-żmien biex jimplimentaw l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa llum, it-22 ta' Mejju 2017. Il-Kummissjoni Ewropea issa se tanalizza l-istat tal-implimentazzjoni u tipproċedi kontra dawk l-Istati Membri li ma ħadux il-miżuri neċessarji sa issa.

Fil-Kunsill tal-Ġustizzja fit-8 ta' Ġunju, il-Kummissjoni se tippreżenta soluzzjonijiet biex jitjieb l-aċċess transfruntiera għall-evidenza elettronika.

Sfond

Id-Direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-kisba ta' provi għall-użu fi proċedimenti kriminali.

Din id-direttiva tapplika għall-pajjiżi kollha tal-UE ħlief għad-Danimarka u l-Irlanda, li mhumiex qegħdin jipparteċipaw. Ir-Renju Unit iddeċieda li jipparteċipa fid-Direttiva proposta. Hija tieħu post l-iskemi tal-assistenza legali reċiproka eżistenti tal-UE għall-ġbir tal-provi, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-UE tal-2000 dwar Assistenza Legali Reċiproka u d-Deċiżjoni Qafas 2003/577/JHA dwar l-iffriżar ta' evidenza.

Fl-21 ta' Mejju 2010, seba' Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, is-Slovenja, Spanja u l-Isvezja) ppreżentaw inizjattiva għal Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea. Id-Direttiva ġiet adottata fl-2014 b'mod konġunt mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

Għal aktar tagħrif

Id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea f'materji kriminali

Ġustizzja penali — rikonoxximent ta' provi

Unjoni tas-Sigurtà: Sentejn wara

 

IP/17/1388

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar