Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni: L-impjegaturi u l-Kummissjoni flimkien għall-integrazzjoni tal-migranti

Brussell, it-23ta' mejju 2017

.

Illum, il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, u l-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen qed jospitaw it-tieni laqgħa tad-.Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni, fis-Summit Ewropew dwar in-Negozju.

Il-Kummissarji nedew uffiċjalment l-inizjattiva "L-impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni" fil-preżenza ta' CEOs u ta' rappreżentanti għolja oħra ta' diversi kumpaniji impenjati biex titrawwem l-integrazzjoni tal-migranti bħall-IKEA, Deutsche Telekom, NCC, Accenture, B-post, Scandic hotels, ADECCO u Microsoft kif ukoll rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi. L-għan tal-inizjattiva huwa li tippromwovi l-isforzi tal-impjegaturi fl-UE biex jappoġġaw l-integrazzjoni tar-refuġjati u ta' migranti oħra fis-suq tax-xogħol u lil hinn.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, qal: "Li noħolqu integrazzjoni li tiffunzjona mhuwiex biss imperattiv soċjali iżda imperattiv ekonomiku. Integrazzjoni b'suċċess tal-migranti kollha fl-UE tippermetti li nibdlu l-migrazzjoni f'opportunità, kemm għalihom kif ukoll għas-soċjetà Ewropea u għall-ekonomija tagħna. Ir-rwol u l-involviment tal-impjegaturi huwa essenzjali għal dan. Jien nilqa' l-ħafna sforzi eżistenti madwar l-Ewropa kollha u nistieden aktar impjegaturi biex ikunu ta' eżempju u jingħaqdu mal-inizjattiva "Impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni”, li tnediet illum.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal- Ħaddiema, Marianna Thyssen, qalet: "Il-forum tal-lum huwa sinjal ta' impenn biex ngħaqdu l-forzi tagħna flimkien ma dawk tal-impjegaturi. Il-kompitu ewlieni tagħna bħalissa huwa li nindirizzaw l-isfidi u li naħtfu l-opportunitajiet biex nintegraw ir-refuġjati u l-persuni li qed ifittxu l-ażil fis-suq tax-xogħol. Dan jista' u għandu jkun ta' vantaġġ għal kulħadd.”

Is-CEO ta' NCC, Peter Wågström, qal: “Illum NCC qed imexxi għadd ta' proġetti promettenti li jippromwovu l-integrazzjoni u d-diversità. Aħna nagħmlu dan l-ewwel u qabel kollox għax neħtieġu aktar nies bil-ħiliet xierqa u nemmnu li d-diversità tista' toħloq riżultati aħjar fin-negozju. Fl-istess ħin, irridu li jkollna rwol fil-bini ta' soċjetà aktar inklużiva.”

Is-CEO ta' Bpost, Koen Van Gerven, qal: “Bpost hija impjegatur imdaqqas fil-Belġju li tixtieq tagħti lil kulħadd l-opportunità li jaħdem magħha inklużi r-refuġjati, dawk qiegħda għal żmien twil u persuni b'livell baxx ta' ħiliet. Għalhekk aħna żviluppajna approċċ prammatiku u politika dwar l-impjiegi soċjalment responsabbli, flimkien ma' diversi msieħba, biex tinkiseb din l-ambizzjoni ta' integrazzjoni soċjali.”

L-Uffiċjal Kap Operattiv u Kap Eżekuttiv ta' Europe Accenture, Jo Deblaere, qal: “L-impjieg huwa assolutament kruċjali biex tingħata s-setgħa lir-refuġjati, iżda anki dawk b'esperjenza ta' xogħol professjonali u edukazzjoni avvanzata bosta drabi jbatu biex jiksbu l-awtonomija. F'Accenture, l-għan tagħna hu li ngħinu biex ir-refuġjati jerġgħu jidħlu fil-forza tax-xogħol f'impjiegi li jaqblu mal-ħiliet tagħhom, u aħna kburin li nappoġġaw l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tgħinhom jerġgħu jiksbu l-għajxien u l-indipendenza tagħhom.” 

Il-Viċi President ta' Livell Għoli tal-Grupp tar-Responsabbiltà Korporattiv tal-Kumpanija Deutsche Telekom AG, Klesper, qalet: “L-aktar ħtieġa indispensabbli għal integrazzjoni ta' suċċess fis-soċjetà hija l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Element ewlieni biex din il-ħtieġa tintlaħaq huwa approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati madwar l-Ewropa kollha. Jekk naġixxu lkoll flimkien – il-politika, il-persuni li jfasslu l-politika, is-soċjetà ċivili u n-negozju – sfida kbira tinbidel f' opportunità kbira.”

Sfond

Id-Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni tnieda fl-2016 biex irawwem l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, b'mod partikolari l-impjegaturi, dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni tax-xogħol. Fit-tieni edizzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2017, id-Djalogu jiffoka fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-refuġjati u persuni oħra migranti li jirrisjedu b'mod legali.

Ir-riċerka turi li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għadhom qegħdin jiffaċċjaw ostakli biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol. Fl-2016, ir-rata tal-impjiegi taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kienet ta' 15.2 punti perċentwali inqas minn dik taċ-ċittadini tal-UE, bin-nisa jkollhom rati ta' impjiegi partikolarment baxxi. Il-migranti minn pajjiżi terzi ta' spiss ma jsibux impjieg adattat għall-kapaċitajiet tagħhom, anki meta jkollhom diploma universitarja[1].

Jekk nonqsu milli nilliberaw il-potenzjali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-UE dan ikun ifisser ħela enormi ta' riżorsi, kemm għall-individwi kkonċernati nfushom kif ukoll b'mod aktar ġenerali għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Il-migranti — jekk ikunu integrati tajjeb — jistgħu jgħinu biex tittejjeb il-prestazzjoni globali tas-suq tax-xogħol, kif ukoll is-sostenibbiltà fiskali fit-tul.[2]

Hija għal din ir-raġuni li fis-7 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jappoġġa l-isforzi tal-integrazzjoni tal-Istati Membri. L-integrazzjoni tista' tkun effettiva biss jekk l-atturi rilevanti kollha jwettqu r-rwol tagħhom: l-Istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Rigward l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, ir-rwol tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi, u b'mod partikolari tal-impjegaturi, huwa kruċjali. Ittieħdu bosta inizjattivi fil-livell nazzjonali mill-impjegaturi, it-trejdjunjins u l-Kmamar tal-Kummerċ. Il-Kummissjoni, permezz tat-tieni edizzjoni tad-Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni, trid tippermetti lill-impjegaturi individwali u lil imsieħba ekonomiċi u soċjali oħra biex jaqsmu l-inizjattivi eżistenti u futuri tagħhom f'dan il-qasam.

Permezz tal-inizjattiva "Impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni", il-Kummissjoni trid tagħti viżibbiltà għall-impenn ta' impjegaturi individwali biex jappoġġaw l-integrazzjoni u tinkoraġġixxi lill-oħrajn biex jissieħbu. Mil-lum, l-impjegaturi interessati jistgħu jissieħbu fl-inizjattiva fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea.

Barra minn hekk, b'segwitu għal L-Aġenda l-Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll lejn aktar trasparenza ta' kwalifiki ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, it-titjib tal-ħiliet ta' persuni bi kwalifiki baxxi fl-Ewropa u rikonoxximent aktar faċli tal-kwalifiki. Għodda li tappoġġa r-rikonoxximent tal-ħiliet ta' migranti minn pajjiżi terzi se titnieda dalwaqt.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-istrument ewlieni ta' finanzjament li jappoġġa l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, inkluża l-integrazzjoni tal-migranti. Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (Asylum Migration and Integration Fund, AMIF) jista' wkoll jipprovdi finanzjament għal miżuri preparatorji għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. Se titnieda sejħa għal proposti taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fit-tieni parti tal-2017 biex tappoġġa l-inizjattivi tal-impjegaturi u tal-imsieħba soċjali fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tar-refuġjati u ta' migranti oħra fis-suq tax-xogħol.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-Websajttad-Djalogu Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Migrazzjoni

Irreġistra għall-Inizjattiva “Impjegaturi flimkien għall-Integrazzjoni”

Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

Il-Websajt Ewropew dwar l-Integrazzjoni

Repożitorju ta' prattiki promettenti li jirrigwardaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' persuni li jfittxu ażil u tar-refuġjati fl-Istati Membri kollha tal-UE:

 

[1]Stħarriġ tal-Eurostat dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE

[2] An Economic Take on the Refugee Crisis, dokument istituzzjonali tad-DĠ ECFIN, Lulju 2016 https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/file_import/ip033_en_2.pdf

IP/17/1386

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar