Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: Il-Kummissjoni tipproponi aktar minn €340 miljun li jippermettu 100 000 kollokament sal-2020

Brussell, it-30ta' mejju 2017

Illum, il-Kummissjoni poġġiet lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fuq bażi soda bil-porposta tagħha għal baġit għat-tliet snin li ġejjin u għal bażi ġuridika apposta.

Dan se jgħin biex l-inizjattiva tiġi konsolidata u biex jinħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Minbarra li joffri volontarjat, apprendistati u kollokamenti f'impjieg (job placements), issa l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jipprovdi wkoll lill-parteċipanti l-opportunità li jwaqqfu proġetti ta' solidarjetà huma stess jew li jivvolontarjaw bħala grupp.

Matul l-ewwel fażi mnedija f'Diċembru 2016, ġew mobilizzati tmien programmi differenti li joffru l-volontarjat, l-apprendistati jew l-opportunitajiet ta' impjieg ilkoll fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Diġà nkitbu aktar minn 30,000 żagħżugħ u issa l-ewwel parteċipanti bdew il-kollokamenti tagħhom. Taħt it-tmexxija tal-Kummissarji Oettinger, Navracsics u Thyssen, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jitgħammar b'bażi ġuridika unika, b'mekkaniżmu ta' finanzjament li jkun tiegħu stess, u b'sett usa' ta' attivitajiet ta' solidarjetà. Dan se jgħin biex tiżdied aktar il-koerenza, l-impatt u l-kosteffettività tiegħu. Il-Kummissjoni tipproponi li talloka €341.5 miljun lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà matul il-perjodu 2018-2020, biex 100,000 żagħżugħ Ewropew ikunu jistgħu jieħdu sehem sa tmiem l-2020.

Il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker qal: "Is-solidarjetà hija ħafna iktar minn sempliċi prinċipju; hija l-ħsieb li joħroġ mill-qalba ta' dak li verament lagħmel l-Unjoni Ewropea dak li hi. Il-Korp ta' Solidarjetà jippersonifika dak il-prinċipju. Jien kburi b'dak li jirrappreżenta l-Korp u grat lil dawk kollha li jinkitbu u lill-organizzazzjonijiet li jipprovdu kollokamenti liż-żgħażagħ tagħna. Illum lill-Korp qed nagħtuh forma legali proprja, flimkien ma' baġit biex isostnih. Il-parteċipanti diretti huma dawk li lill-Korp – u lis-Solidarjetà Ewropea – jagħtuhom il-ħajja.”

Għall-fażi li jmiss tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, huma maħsuba t-tipi ta' attivitajiet li ġejjin:

  • Il-kollokamenti ta' solidarjetà se jappoġġaw liż-żgħażagħ biex iwettqu attivitajiet ta' volontarjat għal mhux aktar minn 12-il xahar, apprendistati li normalment idumu bejn xahrejn u sitt xhur, u kollokamenti f'impjieg f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti ta' bejn xahrejn u 12-il xahar.
  • Billi jingħaqdu f'timijiet ta' volontarjat, gruppi ta' bejn 10 u 40 żagħżugħ volontiera minn pajjiżi differenti se jkunu jistgħu jagħmlu impatt flimkien, għal bejn ġimagħtejn u xahrejn.
  • Bil-proġetti ta' solidarjetà, se jkunu jistgħu jiġu stabbiliti gruppi żgħar ta' mill-inqas ħames parteċipanti li jimplimentaw il-proġetti ta' solidarjetà fil-livell lokali fuq l-inizjattiva tagħhom stess, għal bejn xahrejn u 12-il xahar.
  • L-attivitajiet ta' netwerking se jgħinu biex jattiraw nies ġodda lejn il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jippermettu l-iskambju ta' prattiki tajba, jipprovdu appoġġ wara l-kollokament fl-impjieg u jistabbilixxu netwerks tal-parteċipanti preċedenti.

B'dawn l-azzjonijiet kollha, iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa se jkollhom opportunitajiet ġodda biex jinvolvu rwieħhom fl-attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà u t-tisħiħ tal-komunitajiet. Fl-istess waqt, se jgħinu biex iż-żgħażagħ itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom fil-bidu tal-karrieri tagħhom. Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa inizjattiva inklużiva. Miżuri mmirati, bħal finanzjament addizzjonali jew kollokamenti fuq żmien iqsar, se jħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati.

Kwalunkwe korp pubbliku jew privat li jżomm mar-rekwiżiti stretti ta' kwalità jista' jipproponi proġetti għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dan se jiġi implimentat mill-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ fl-Istati Membri, u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA). Sabiex titjieb l-integrazzjoni tal-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fis-suq tax-xogħol, se jkun imħeġġeġ l-involviment tas-Servizzi Pubbliċi u Privati tal-Impjiegi, u tal-Kmamar tal-Kummerċ.

Bil-proposta tal-lum, il-Kummissjoni qed twettaq il-wegħda tagħha magħmula fit-tnedija tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li tippreżenta proposta legali sar-rebbiegħa tal-2017. Issa l-abbozz tar-Regolament jeħtieġ li jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE impenjaw ruħhom li jwettqu l-proposta sal-aħħar ta' din is-sena.

Kuntest

Waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President tal-Kummissjoni Juncker ħabbar il-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li joffri lil żgħażagħ li għandhom bejn 18 u 30 sena, l-opportunità li jieħdu sehem f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' solidarjetà madwar l-UE. Minn mindu tnieda fis-7 ta' Diċembru 2016, aktar minn 30,000 żagħżugħ saru membri tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. F'Marzu, beda t-tqabbil mal-organizzazzjonijiet; minn dak iż-żmien 'l hawn, ġew ikkuntattjati madwar 9,000 parteċipant, saru madwar 110 offerta, u l-ewwel parteċipanti bdew il-kollokamenti tagħhom.

Biex tħejji l-proposta tagħha, il-Kummissjoni nediet stħarriġ online miftuħ u konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, li ġew konklużi f'Forum tal-Partijiet Ikkonċernati. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw l-importanza tal-kollokamenti ta' kwalità, u tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati, il-bżonn li jiġi stabbilit baġit apposta, komunikazzjoni xierqa u miżuri ta' sensibilizzazzjoni u strutturi ta' governanza sempliċi u effettivi, kif ukoll il-bżonn li jiġu vvalidati l-ħiliet miksuba f'komplementarjetà ma' inizjattivi fil-livell nazzjonali.

Il-proposta ġiet fi żmien iċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju ta' Erasmus, wieħed mill-aktar programmi ta' suċċess tal-UE. Filwaqt li beda bħala programm modest ta' skambji fl-edukazzjoni ogħla, illum bl-isem ta' Erasmus+ joffri firxa wiesgħa ta' opportunitajiet ta' tagħlim fl-edukazzjoni ogħla, fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fl-edukazzjoni skolastika, fl-edukazzjoni tal-adulti, taż-żgħażagħ u l-isport.

Għal aktar tagħrif

Memo: Nagħtu spinta lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: Nagħtu spinta lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Skeda informattiva għall-organizzazzjonijiet

Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council laying down the legal framework of the European Solidarity Corps and amending Regulations (EU) No 1288/2013, (EU) No 1293/2013, (EU) No 1303/2013, (EU) No 1305/2013, (EU) No 1306/2013 and Decision No 1313/2013/EU

Il-paġna tar-reġistrazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-paġna ta' facebook tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Segwi lill-Kummissarju Oettinger fuq Twitter

Segwi lill-Kummissarju Navracsics fuq Twitter

Segwi lill-Kummissarju Thyssen fuq Twitteru Facebook

IP/17/1383

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos