Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali — il-Kummissjoni tagħti sehem fid-diskussjonijiet ta' Malta

Brussell, il-25ta' jannar 2017

Illum, qabel il-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern f'Malta fit-3 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President taw sehemhom fid-diskussjoni dwar kif il-migrazzjoni tista' tiġi ġestita b'mod aħjar u dwar kif jiġu salvati aktar ħajjiet tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President qed jippreżentaw għadd ta' miżuri addizzjonali biex issaħħu l-ħidma tal-UE tul din ir-rotta, l-aktar mal-Libja, u madwarha. Dawn l-azzjonijiet għandhom l-għan li jiġġieldu lin-netwerks ta' kuntrabandu u ta' traffikar tal-bnedmin, biex jgħinu fil-ġestjoni aktar effettiva tal-flussi migratorji, jkomplu jsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar u jtejbu l-kundizzjonijiet ta' għixien tal-migranti u r-refuġjati fil-Libja u fil-pajjiżi ġirien

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Għadhom qed imutu wisq nies fil-Mediterran. Implimentajna azzjonijiet biex nindirizzaw is-sitwazzjoni, iżda hemm bżonn li ma nieqfux hawn. Illum qed nippreżentaw azzjonijiet li fuq terminu qasir jew medju jistgħu jindirizzaw il-flussi lejn l-Afrika ta' Fuq u minnha. L-ewwel u qabel kollox, hemm bżonn ta' stabilità fil-Libja u fir-reġjun kollu kemm hu. Filwaqt li rridu nkomplu nappoġġjaw dan il-proċess, nistgħu mmexxu xi azzjonijiet 'il quddiem biex flimkien nagħmlu differenza, nsalvaw il-ħajjiet u nkissru l-mudell tal-operat tal-kuntrabandisti u tat-traffikanti, li se jolqot ukoll lill-flussi lejn l-Ewropa.”

Mill-2015, ir-riżorsi u l-assi għall-operazzjonijiet tal-UE fil-baħar ittriplikaw, u għenu biex jiġu salvati aktar minn 400,000 ruħ fil-Mediterran. Madankollu, iż-żieda fil-migrazzjoni tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, li minnha waslu aktar minn 181,000 migrant u refuġjat fl-UE fl-2016, wasslet ukoll għal numri bla preċedent ta' telf ta' ħajjiet fuq il-baħar. Biex fl-2017 ma nerġgħux inkunu xhieda ta' traġedja umana bħal din, illum il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President qed jidentifikaw azzjonijiet operazzjonali fuq terminu qasir li għandhom jittieħdu minnufih b'kooperazzjoni mal-Istati Membri b'rabta mar-rotta tal-Mediterran Ċentrali. L-azzjonijiet imressqa, li huma parti minn strateġija komprensiva, iqisu l-kuntest reġjonali usa' (l-aktar il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Libja kif ukoll it-Tuneżija, l-Eġittu u l-Alġerija), filwaqt li jitfgħu attenzjoni b'saħħitha fuq il-Libja, li hija l-punt ta' tluq għal 90 % ta' dawk li jfittxu li jaqsmu lejn l-Ewropa.

Filwaqt li jibnu fuq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-ħidma mwettqa skont il-Qafas tas-Sħubija dwar il-Migrazzjoni bl-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma' pajjiżi sħab, l-għanijiet ewlenin jinkludu:

  • It-tnaqqis tal-għadd ta' qasmiet u s-salvataġġ tal-ħajjiet billi jikber l-appoġġ kontinwu, inkluż permezz ta' EUNAVFOR Operazzjoni Sophia, lill-Gwardja Kostali u Navali Libjana, inkluż permezz tal-espansjoni tal-attivitajiet ta' taħriġ b'żieda immedjata ta' EUR 1 miljun mal-programm Seahorse u għotja ta' EUR 2.2 miljun taħt il-Programm ta' Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali fl-Afrika ta' Fuq u permezz tat-twaqqif ta' Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu;
  • Iż-żieda tal-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti billi jiġi żgurat li n-Netwerk “Seahorse Mediterranean” ikun operattiv sar-Rebbiegħa tal-2017 biex isaħħaħ lill-awtoritajiet tal-fruntieri tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u jippermetti kooperazzjoni operazzjonali aħjar bejniethom;
  • Il-ħarsien tal-migranti, iż-żieda tar-risistemazzjoni u l-promozzjoni tar-ritorn volontarju assistit billi jiġi appoġġjat ix-xogħol tal-UNHCR mal-awtoritajiet Libjani biex tindirizza l-qagħda tal-persuni fi bżonn ta' ħarsien internazzjonali, l-appoġġ lill-IOM biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja u biex tespandi l-programm ta' ritorn volontarju assistit tagħha mil-Libja għall-pajjiżi ta' oriġini;
  • Il-ġestjoni tal-flussi migratorji mill-fruntiera Libjana tan-Nofsinhar billi tintuża l-firxa kompluta ta' missjonijiet u proġetti tal-UE biex l-awtoritajiet Libjani jingħataw daqqa t'id fil-ġestjoni tal-fruntieri u fil-ħarsien tal-migranti, biex jitħeġġeġ id-djalogu bejn il-Libja u l-ġirien tagħha u biex jinżamm il-momentum tar-riżultati man-Niġer fl-ambitu tal-Qafas ta' Sħubija;
  • Iż-żieda tad-djalogu u tal-kooperazzjoni operazzjonali ma' sħab fl-Afrika ta' Fuq dwar il-ġestjoni migratorja;
  • Iż-żieda tal-finanzjament mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika billi jiġu mobilizzati EUR 200 miljun għal proġetti fl-2017 biex ikunu ta' appoġġ għal azzjonijiet bħal taħriġ u tagħmir tal-Gwardja Kostali Libjana, itejbu l-kundizzjonijiet għall-migranti u jżidu l-għadd ta' ritorni volontarji assistiti.

Dawn l-isforzi jeħtieġu azzjoni miftiehma mill-istituzzjonijiet u mill-Istati Membri tal-UE, u mis-sħab rilevanti fl-Afrika ta' Fuq, kif ukoll kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR u l-IOM, li huma attivi fir-reġjun. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President jirrakkomandaw li l-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern li se jiltaqgħu fit-3 ta' Frar f'Malta japprovaw l-azzjonijiet operattivi msemmija hawn fuq.

Sfond

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ftit ftit stabbilew reazzjoni politika aktar b'saħħitha u aktar artikolata biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji fil-Mediterran Ċentrali.

Fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat Aġenda Ewropea wiesgħa dwar il-Migrazzjoni. Minn dak iż-żmien, twaqqfet preżenza permanenti tal-UE fuq il-baħar, li salvat mijiet ta' eluf ta' nies. Wara s-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni f'Novembru 2015, l-UE saħħet il-kooperazzjoni tagħha ma' sħab fl-Afrika, inkluż permezz tal-Qafas ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni, imniedi f'Ġunju 2016, li tejjeb daqs qatt qabel il-kooperazzjoni bejn pajjiżi ewlenin ta' oriġini u ta' tranżitu.

Inħoloq ukoll Pjan ta' Investiment Estern għall-Afrika u l-Viċinat biex jappoġġja dan l-approċċ il-ġdid. Dan il-Pjan ta' Investiment għandu s-setgħa li jiġbor EUR 44 biljun f'investimenti, u jekk jikkontribwixxu l-Istati Membri, sa EUR 88 biljun.

L-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-ġestjoni tal-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet fil-Libja jinkludi l-bini tal-kapaċità u t-taħriġ tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, kif ukoll l-appoġġ tal-awtoritajiet Libjani (GNA) biex jipprovdi servizzi bażiċi lill-poplu Libjan, lill-persuni spostati, migranti u refuġjati permezz ta' programmi li għaddejjin li jammontaw aktar minn EUR 20 miljun. L-UE tappoġġja wkoll lill-Libja permezz tal-missjonijiet ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni bħal EUNAVFOR Med Operazzjoni SOPHIA u EUBAM Libya.

Għal aktar informazzjoni:

Komunikazzjoni: Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali. Il-ġestjoni tal-flussi, is-salvataġġ tal-ħajjiet

Anness mal-Komunikazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali

Skeda informattiva: Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libja

Skeda ta' żmien tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Skeda informattiva: Qafas ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni

EUNAVFOR Med Operation Sofia

Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja (EUBAM)

IP/17/134

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar