Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-President Juncker jikkonsulta lill-Parlament Ewropew rigward il-ħatra ta' Mariya Gabriel bħala Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali

Brussell, is-16ta' mejju 2017

Illum, il-President Juncker ħabbar li beħsiebu jassenja l-portafoll tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali lil Mariya Gabriel, il-kandidata mill-Bulgarija għal Kummissarju.

Ilum, il-President Jean-Claude-Juncker intervista lil Mariya Gabriel, il-kandidata proposta mill-Gvern Bulgaru bħala Kummissarju biex tissostitwixxi lill-eks Membru tal-Kummissjoni Kristalina Georgieva. Abbażi ta' dan, il-President Juncker ikkonferma l-kompetenzi ta' Mariya Gabriel mitluba skont l-Artikolu 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) biex wieħed ikun jista' jkun kandidat għal Kummissarju u ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jassenjalha l-portafoll tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali.

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li l-Kummissjoni Ewropea adottat f'Mejju 2015 u li abbażi tagħha ppreżentat rieżami ta' nofs it-terminu fl-10 ta' Mejju. Hija se tikkontribwixxi biex jinħoloq Suq Diġitali Uniku li jgħin biex jitħejjew is-sisien għall-futur diġitali tal-Ewropa ma' netwerks ta' telekomunikazzjoni fuq skala kontinentali, servizzi diġitali transfruntieri u għadd kbir ta' negozji ġodda Ewropej innovattivi.

Illum intbagħtet Ittra ta' Missjoni mill-President Juncker lil Mariya Gabriel li tispeċifika d-dettalji tal-kompiti u r-responsabbiltajiet ewlenin tagħha bħala Kummissarju responsabbli għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali.

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali se jikkontribwixxi fil-proġetti immexxija u kkoordinati mill-Viċi President Andrus Ansip, responsabbli mis-Suq Uniku Diġitali u l-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività.

Il-President Juncker għarraf ukoll lill-Prim Ministru Borissov rigward l-għażla tiegħu tal-portafoll li huwa beħsiebu jassenja lil Mariya Gabriel.

Il-Passi li Jmiss

F'dak li jirrigwarda l-proċedura, il-Kummissarju l-ġdid ta' nazzjonalità Bulgara jiġi maħtur mill-Kunsill tal-UE bi qbil komuni mal-President tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 246, subparagrafu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Barra minn dan, il-Ftehim Qafas Interistituzzjonali dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi li l-President tal-Kummissjoni "jeżamina serjament" ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew qabel ma jindika l-qbil tiegħu mad-deċiżjoni tal-Kunsill li jaħtar lill-Kummissarju l-ġdid (il-paragrafu 6 tal-Ftehim Qafas).

Ilum il-President Juncker qed jibgħat ittra lil Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew li permezz tagħha jgħarrfu bl-intenzjoni tiegħu li jassenja lil Mariya Gabriel r-responsabbiltà tal-portafoll tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali. Qed tintbagħat kopja ta' din l-ittra lil Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta' Malta, li bħalissa għandu l-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Mill-mument li l-Kunsill jikkonsulta formalment mal-Parlament Ewropew, Mariya Gabriel tiġi nnominata Kummissarju. Hija mbagħad ikollha d-dritt li tuża s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni biex tħejji għall-iskambju tal-fehmiet tagħha mal-Parlament Ewropew. Qabel il-ħatra tagħha mill-Kunsill, bi qbil komuni mal-President tal-Kummissjoni, mhux se tkun qed tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kulleġġ.

Sfond

Skont l-Artikolu 17(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea d-dritt li jiġi organizzat ix-xogħol tal-Kummissjoni hija prerogattiva tal-President tal-Kummissjoni. Wara d-deċiżjoni tal-eks Viċi President Kristalina Georgieva li tirreżenja mill-Kummissjoni Ewropea, fl-1 ta' Jannar 2017, il-Kummissarju Günther H. Oettinger sar responsabbli għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, filwaqt li l-President Juncker assenja temporanjament il-Portafoll tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali lill-Viċi President Andrus Ansip. Fl-10 ta' Mejju, il-Prim Ministru Borissov għarraf lill-President Juncker l-intenzjoni tiegħu li jixtieq jinnomina lil Mariya Gabriel bħala l-membru tal-Kummissjoni Ewropea ta' nazzjonalità Bulgara.

Wara l-intervista tal-lum ta' Mariya Gabriel u t-tħabbir tal-President Juncker rigward l-allokazzjoni tal-portafoll, il-proċedura issa ssegwi kif previst l-Artikolu 246(2) TFUE u l-punt 6 tal-Ftehim Qafas bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

Fil-ġimgħat li ġejjin huwa mistenni li jsir l-iskambju ta' fehmiet bejn Mariya Gabriel u l-Kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew .

ANNESS

Anness 1: Dispożizzjonijiet Legali Rilevanti

L-Artikolu 17, paragrafu 3, subparagrafi 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom u tal-impenn Ewropew tagħhom u minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju dwar l-indipendenza tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b'indipendenza totali. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, il-membri tal-Kummissjoni la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern, xi istituzzjoni, korp jew organu. Huma għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-funzjonijiet tagħhom jew mat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

L-Artikolu 246(2) tat-.Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

[…]

Post battal ikkawżat b'riżenja, b'irtirar obbligatorju jew b'mewt għandu jimtela għall-bqija tal-mandat tal-Membru minn Membru ġdid tal-istess nazzjonalità maħtur mill-Kunsill, bi ftehim komuni mal-President tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u skont il-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[…]

Estratt mid-dispożizzjoni rilevanti mill-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea:

PARTI II. RESPONSABBILTÀ POLITIKA

[…]

(6) Meta tqum il-ħtieġa li Membru tal-Kummissjoni jinbidel waqt il-mandat tiegħu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE, il-President tal-Kummissjoni jeżamina serjament ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-Parlament qabel ma jagħti l-kunsens tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill.

Il-Parlament għandu jassigura li l-proċeduri tiegħu jitmexxew b'ħeffa, sabiex jippermettu li l-President tal-Kummissjoni jeżamina serjament l-opinjoni tal-Parlament qabel ma jinħatar il-Membru l-ġdid.

Bl-istess mod, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE, meta ż-żmien li jkun fadal għall-mandat tal-Kummissjoni jkun qasir, il-President tal-Kummissjoni jrid jeżamina serjament il-pożizzjoni tal-Parlament.

Anness 2: Is-CV ta' Mariya Gabriel mehmuża

IP/17/1328

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar