Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni: Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri kollha sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom

Strasburgu, is-16ta' mejju 2017

Illum, il-Kummissjoni adottat it-tnax-il rapport ta' progress tagħha dwar l-iskemi ta' rilokazzjoni u ta' risistemazzjoni ta' emerġenza tal-UE, li vvaluta l-azzjonijiet li ttieħdu mit-12 ta' April 2017.

B'riżultat taż-żieda fl-isforzi tal-Istati Membri, l-għadd ta' persuni rilokati sa issa fl-2017 huwa kważi daqs l-għadd li ġie rilokat fis-sena 2016 kollha. L-għadd totali ta' rilokazzjonijiet issa huwa ta' 18,418, li juri li r-rilokazzjoni taħdem jekk ikun hemm ir-rieda li dak li ġie miftiehem flimkien jiġi rispettat fi spirtu ta' kooperazzjoni sinċiera. Madankollu, filwaqt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri huma attivi u jirrilokaw b'mod regolari, xi wħud għadhom qatt ma rrilokaw u jinjoraw l-obbligu ġuridiku tagħhom. L-Istati Membri komplew jagħmlu progress sinifikanti fil-qasam tar-risistemazzjoni, sa issa 16,163 persuna ġew ipprovduti b'mezzi sikuri u legali, jiġifieri aktar minn żewġ terzi tar-risistemazzjonijiet miftiehma taħt l-iskema tal-UE. Filwaqt li jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tax-xahar preċedenti, ir-rapport tal-lum qed jiffoka b'mod partikolari fuq dawk l-Istati Membri li mhumiex qed iwettqu l-impenji tagħhom.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: "Ir-riżultati sa issa juru li jekk hemm ir-rieda u d-determinazzjoni tal-Istati Membri, ir-rilokazzjoni tista' taħdem. Is-suċċess tal-iskema ta' rilokazzjoni ma jistax jiddependi biss fuq ftit. Is-solidarjetà f'termini legali, politiċi u morali mhijiex suxxettibbli għal interpretazzjonijiet differenti. Jiena nistieden lil dawk l-Istati Membri li sistematikament naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jibdew jagħmlu dan minnufih. Iċ-ċifri globali dwar ir-risistemazzjoni juru x' jista' jitwettaq fil-prattika minn kooperazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE, u wasal iż-żmien li niksbu l-istess għar-rilokazzjoni."

Rilokazzjoni

Ix-xejra pożittiva dwar ir-rilokazzjoni kompliet b'2,078 persuna addizzjonali li ġew rilokati mill-aħħar rapport (1,368 mill-Greċja u 710 mill-Italja). Mit-12 ta' Mejju, ġew rilokati b'kollox 18,418-il persuna; 5,711 mill-Italja u 12,707 mill-Greċja. Madankollu, minkejja l-progress pożittiv kontinwu, ir-ritmu attwali tar-rilokazzjoni huwa anqas minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti biex jiġi żgurat li dawk kollha eliġibbli jiġu rilokati tul ix-xhur li ġejjin.

Filwaqt li fil-Greċja l-għadd attwali ta' 12,400 applikant għar-rilokazzjoni rreġistrati huwa mistenni li jibqa' stabbli, l-Italja għad trid tiżgura li l-persuni kollha eliġibbli għar-rilokazzjoni jiġu rreġistrati. Minbarra l-2,500 kandidat għar-rilokazzjoni attwalment irreġistrati fl-Italja, 700 persuna huma mistennija jiġu rreġistrati dalwaqt, flimkien ma' 1,100 Eritrew li waslu l-Italja fl-2017. Madankollu, billi l-għadd totali ta' persuni eliġibbli għar-rilokazzjoni li jinsabu fiż-żewġ pajjiżi huwa ferm anqas minn dak li ġie previst fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill u meta jitqies il-progress rreġistrat sa issa, huwa perfettament fattibbli li dawk kollha eliġibbli jiġu rilokati sa Settembru 2017, jekk l-Istati Membri juru rieda politika u azzjoni determinata sabiex jipprovdu dak li ftehmu dwaru b'mod konġunt. Fi kwalunkwe każ, l-obbligu ġuridiku li dawk eliġibbli jiġu rilokati fil-Greċja u l-Italja mhux se jieqaf wara Settembru.

Għalkemm il-parti l-kbira tal-Istati Membri issa huma attivi u qed jieħdu impenn li jirrilokaw regolarment, l-Ungerija, il-Polonja u l-Awstrija għadhom l-uniċi Stati Membri li ma rrilokaw ebda persuna. Dan jikkostitwixxi ksur tal-obbligi ġuridiċi, l-impenji meħuda lejn il-Greċja u l-Italja u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà. L-Awstrija , madankollu, ħadet impenn formali li tirriloka 50 persuna mill-Italja, deċiżjoni li ntlaqgħet tajjeb mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx attiva fl-iskema għal kważi sena.

F'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-lum jiffokaw prinċipalment fuq dawk l-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill, fejn talbu speċjalment lill-Ungerija u lill-Polonja jibdew jieħdu impenji u jirrilokaw immedjatament, lir-Repubblika Ċeka biex terġa' tibda r-rilokazzjoni bla dewmien u lill-Awstrija, li issa bdiet tieħu impenji mill-Italja, sabiex tibda tieħu impenji mill-Greċja.

Ir-rakkomandazzjonijiet huma indirizzati wkoll biex jinkoraġixxu implimentazzjoni aktar effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fi Stati Membri oħrajn:

  • il-Bulgarija u s-Slovakkja għandhom juru aktar flessibilità fir-rigward tal-preferenzi tagħhom u għandhom jibdew jirrilokaw mill-Italja mill-aktar fis possibbli;
  • l-Irlanda u l-Estonja, f'kooperazzjoni mal-Italja, għandhom isibu soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli dwar l-intervisti addizzjonali tas-sigurtà sabiex ir-rilokazzjonijiet jibdew mill-aktar fis possibbli;
  • għadd ta' Stati Membri għandhom iżidu l-impenji tagħhom ta' kull xahar (Spanja, il-Belġju u l-Kroazja kemm għall-Italja kif ukoll għall-Greċja; il-Ġermanja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għall-Greċja u Franza għall-Italja) filwaqt li Ċipru għandu jerġa' jieħu impenn għall-Italja u jirriloka mill-aktar fis possibbli;
  • l-Istati Membri ta' rilokazzjoni għandhom iżidu l-kapaċità tagħhom li jipproċessaw it-talbiet, għandhom jevitaw preferenzi li jkunu restrittivi żżejjed u jillimitaw rekwiżiti li jikkawżaw dewmien fil-proċedura ta' trasferiment, u għandom jagħtu prijorità lil applikazzjonijiet li jikkonċernaw lil applikanti vulnerabbli, b'mod partikolari minorenni mhux akkumpanjati;
  • barra minn hekk, l-Italja għandha tħaffef il-proċeduri għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-applikanti eliġibbli kollha mill-aktar fis possibbli u tiżgura li dawk li huma eliġibbli għar-rilokazzjoni li jaslu l-Italja jiġu diretti b'mod ordnat lejn ċentri ta' rilokazzjoni mfassla apposta. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni reċentement ipprovdiet €15.33 miljun f'assistenza ta' emerġenza biex ittejjeb il-funzjonament tal-iskema ta' rilokazzjoni fl-Italja.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jaċċelleraw l-isforzi ta' rilokazzjoni b'mod sinifikanti fi spirtu ta' kooperazzjoni reċiproka u ta' fiduċja qabel ir-rapport li jmiss f'Ġunju 2017. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li ma rrilokaw lil ħadd, jew li ma ħadux impenn għall-Italja jew il-Greċja għal kważi sena, jibdew jagħmlu dan immedjatament u fi żmien xahar. Jekk ma tittieħed ebda azzjoni, imbagħad il-Kummissjoni se tispeċifika l-pożizzjoni tagħha fir-rapport li jmiss tagħha f'Ġunju dwar l-użu tas-setgħat tagħha taħt it-Trattati u b'mod partikolari l-ftuħ tal-proċeduri ta' ksur. Il-Kummissjoni hija lesta li tgħin lill-Istati Membri sabiex dawn jagħmlu progress biex jilħqu l-obbligi tagħhom.

Risistemazzjoni

L-iskema ta' risistemazzjoni inġenerali għadha miexja kif ippjanat. B'16,163 persuna li ġew risistemati lejn 21 pajjiż [1] mit-12 ta' Mejju, diġà ġew risistemati aktar minn żewġ terzi ta' 22,504, l-għadd miftiehem bl-iskema ta' risistemazzjoni. Mill-10 ta' April 2017, ġew risistemati 671 persuna; prinċipalment mit-Turkija, iżda wkoll mill-Ġordan u l-Libanu. Dan jirrappreżenta progress importanti meta mqabbel mal-għadd limitat ta' persuni li ġew risistemati mill-Istati Membri fl-2014 u l-2015 permezz ta' skemi nazzjonali jew multilaterali u juri biċ-ċar il-valur miżjud u l-potenzjal ta' kooperazzjoni msaħħa fil-livell tal-UE u l-koordinazzjoni dwar ir-risistemazzjoni.

Madankollu, filwaqt li xi Stati Membri u Pajjiżi Assoċjati diġà ssodisfaw il-miri tagħhom (jiġifieri l-Estonja, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera), l-isforzi tar-risistemazzjoni għadhom mhumiex ugwali. Disa' Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, il-Kroazja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja) għad iridu jibdew ir-risistemazzjoni fl-iskemi attwali fil-livell tal-UE.

Ir-ritmu ta' risistemazzjoni mit-Turkija, inkluż fiċ-ċifra globali ta' risistemazzjoni, qed ikompli javvanza b'1,077 Sirjan li ġew risistemati mill-aħħar rapport. Sa issa numru totali ta' 5,695 refuġjat Sirjan ġew ipprovduti b'passaġġ sikur u legali lejn l-Ewropa skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija. L-għadd globali ta' impenji li fadal għar-risistemazzjoni mit-Turkija issa jammonta għal 25,040, filwaqt li r-Rumanija qed tħejji biex tirrisistema dalwaqt għall-ewwel darba permezz ta' dan il-mekkaniżmu.

Filwaqt li sar progress sinifikanti, l-Istati Membri li għadhom 'il bogħod milli jilħqu l-miri tagħhom u dawk l-Istati Membri li għadhom ma rrisistemaw l-ebda persuna taħt l-iskemi tal-UE jinħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex jirrisistemaw mill-aktar fis possibbli u jingħaqdu mal-isforzi konġunti biex jipprovdu mezzi sikuri u legali lejn l-UE għal persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

Sfond

L-iskema ta' rilokazzjoni ta' emerġenza temporanja ġiet stabbilita f'żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill f'Settembru 2015, li fihom l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw lil persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja. Wara li l-Kunsill adotta emenda għat-tieni Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni fid-29 ta' Settembru 2016, għal 54,000 post li għadhom mhux allokati disponibbli għar-rilokazzjoni bil-għan li s-Sirjani jiddaħħlu b'mod legali mit-Turkija lejn l-UE, l-impenn stabbilit fid-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni jikkonċerna r-rilokazzjoni ta' 98,255 persuna.

Fit-8 ta' Ġunju tal-2015, il-Kummissjoni adottat proposta dwar Skema Ewropea ta' Risistemazzjoni, li kienet segwita minn ftehim fost l-Istati Membri tal-20 ta' Lulju 2015 għar-risistemazzjoni ta' 22,504 persuni fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali.

Fis-7 ta' Marzu 2016, il-Kunsill Ewropew appella biex l-implimentazzjoni tar-rilokazzjoni titħaffef biex titjieb is-sitwazzjoni umanitarja fil-Greċja. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 u l-21 ta' Ottubru, il-Kunsill Ewropew reġa' talab għal azzjoni ulterjuri biex l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' rilokazzjoni u risistemazzjoni titħaffef minħabba l-bżonn urġenti għal appoġġ lill-Greċja u l-Italja. Fil-15 ta' Diċembru, il-Kunsill Ewropew approva l-Pjan ta' Azzjoni Konġunta dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, li kien jinkludi l-mira ta' 3,000 trasferiment għall-Greċja kull xahar u tenna l-appell tiegħu biex ikomplu jissaħħu l-isforzi biex ir-rilokazzjoni titħaffef, b'mod partikolari tal-minorenni mhux akkumpanjati u l-iskemi ta' risistemazzjoni eżistenti.

Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016 tipprevedi li għal kull Sirjan li jiġi ritornat lit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor jiġi risistemat mit-Turkija lejn l-UE. Dan il-prinċipju japplika mill-4 ta' April 2016. Tingħata prijorità lill-migranti li preċedentement ma kinux daħlu jew ippruvaw jidħlu fl-UE b'mod irregolari.

Fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni pproponiet Qafas ta' Risistemazzjoni tal-UE permanenti sabiex tistabbilixxi sett ta' proċeduri standard komuni għall-għażla ta' kandidati għar-risistemazzjoni u status komuni ta' protezzjoni għal persuni risistemati lejn l-UE sabiex l-isforzi futuri Ewropej ta' risistemazzjoni jiġu ssimplifikati u jsiru aktar effikaċi.

Fis-16 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat l-Ewwel Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni. It-Tieni, it-Tielet, ir-Raba', il-Ħames, is-Sitt, is-Seba', it-Tmienja, id-Disa', l-Għaxar u l-Ħdax-il Rapport ġew adottati rispettivament fit-12 ta' April, fit-18 ta' Mejju, fil-15 ta' Ġunju, fit-13 ta' Lulju, fit-28 ta' Settembru, fid-9 ta' Novembru, fit-8 ta' Diċembru 2016 u fit-28 ta' Frar, fit-2 ta' Marzu u fit-12 ta' April 2017.

Għal Aktar Informazzjoni

Komunikazzjoni: It-Tnax-il Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

Anness 1: Rilokazzjonijiet mill-Greċja

Anness 2: Rilokazzjonijiet mill-Italja

Anness 3: Rilokazzjonijiet mill-Italja u l-Greċja

Anness 4: Is-Sitwazzjoni Attwali tar-Risistemazzjoni

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

SKEDA INFORMATTIVA: Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Greċja

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni ta' 40,000 persuna mill-Italja u l-Greċja

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni ta' 120,000 persuna mill-Italja u l-Greċja

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Risistemazzjoni ta' 20,000 persuna li huma fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali

Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016

 

[1] il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, l-Iżlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Awstrija, il-Portugall, Spanja, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit.

IP/17/1302

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar