Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Lura lejn Schengen: Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jippermetti lill-Istati Membri jżommu l-kontrolli temporanji għal tliet xhur oħra

Brussell, il-25ta' jannar 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum irrakkomandat li l-Kunsill jippermetti lill-Istati Membri jżommu l-kontrolli temporanji bħalissa fis-seħħ f'ċerti fruntieri interni ta' Schengen fl-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja għal perjodu ulterjuri ta' tliet xhur.

Minkejja l-istabbilizzazzjoni gradwali tas-sitwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' sensiela ta' miżuri proposti mill-Kummissjoni għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni u għall-protezzjoni taż-żona Schengen, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet tal-Pjan Direzzjonali “Lura lejn Schengen” li jippermetti ritorn lejn il-funzjonament normali taż-żona Schengen għadhom ma ġewx sodisfatti għal kollox.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Sar progress sinifikanti biex jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni, iżda rridu nsaħħuh iktar. Din hija r-raġuni għalfejn nirrakkomandaw li l-Istati Membri kkonċernati jitħallew iżommu kontrolli fil-fruntieri temporanji għal tliet xhur oħra.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Schengen huwa waħda mill-ikbar kisbiet tal-integrazzjoni tal-UE, li għandna napprezzaw. Il-Kummissjoni Ewropea hija u tibqa' impenjata b'mod sħiħ biex taħdem mal-Istati Membri biex il-kontrolli fil-fruntieri interni jitneħħew gradwalment u nirritornaw għal tħaddim normali taż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni malajr kemm jista' jkun. Filwaqt li tul dawn l-aħħar xhur konna kontinwament qed insaħħu l-miżuri tagħna sabiex nindirizzaw il-pressjoni migratorja mingħajr preċedent li qed tiffaċċja l-Ewropa, sfortunatament għadna ma lħaqniex il-mira tagħna. Din hija r-raġuni għalfejn nirrakkomandaw li l-Kunsill jippermetti lill-Istati Membri jkomplu l-kontrolli fil-fruntieri interni temporanji limitati għal tliet xhur oħra, taħt kundizzjonijiet stretti, u bħala l-aħħar rimedju biss.”

F'dawn l-aħħar xhur kien hemm progress importanti rigward l-assigurazzjoni u l-ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari: Bil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida stabbilita fis-6 ta' Ottubru 2016, qed jitpoġġew fis-seħħ mezzi biex nipproteġu aħjar il-fruntieri esterni tal-UE u biex nirreaġixxu għal żviluppi ġodda. Bl-istabbiliment tas-sistema tal-hotspots, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti li jaslu fil-Greċja u l-Italja issa laħqet rata ta' kważi 100 %. Il-kontrolli sistematiċi li ġejjin mal-bażijiet tad-dejta rilevanti għall-persuni kollha li jaqsmu l-fruntiera esterna, kif propost mill-Kummissjoni, se jkomplu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-fruntieri esterni. Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' migranti irregolari u applikanti għall-ażil li jaslu fl-UE.

Madankollu, fil-Greċja xorta għad hemm għadd sinifikanti ta' migranti irregolari u applikanti għall-ażil u s-sitwazzjoni għadha fraġli fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, li jfisser riskju potenzjali ta' movimenti sekondarji. Barra minn hekk, minkejja titjib importanti fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, uħud mill-azzjonijiet identifikati mill-Pjan Direzzjonali “Lura lejn Schengen” jeħtieġu aktar żmien biex jiġu implimentati bis-sħiħ u biex iwasslu r-riżultati mistennija. Minn Frar 2017, il-ħidma tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tassisti lill-Greċja fuq il-fruntiera esterna Griega tat-Tramuntana. Ix-xejra tat-twassil kostanti tar-riżultati tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija teħtieġ li titkompla u l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli ta' Dublin fil-Greċja terġa' lura fis-seħħ gradwalment minn nofs Marzu. Minkejja l-progress importanti, il-ħidma attwali u s-sitwazzjoni fil-prattika jindikaw persistenza ta' dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li fuq bażi prekawzjonarja huwa ġġustifikat li tippermetti lill-Istati Membri kkonċernati, u wara li jeżaminaw il-miżuri alternattivi biss, li jestendu l-kontrolli fuq il-fruntieri interni limitati attwali bħala miżura eċċezzjonali għal perjodu limitat ulterjuri ta' tliet xhur taħt kundizzjonijiet stretti. B'mod partikolari, kwalunkwe kontrolli bħal dawn iridu jiġu mmirati u limitati fil-kamp ta' applikazzjoni, il-frekwenza, il-post u l-ħin għal dak li huwa strettament neċessarju.

Il-kontrolli jikkonċernaw l-istess fruntieri interni bħal dawk rakkomandati mill-Kunsill fil-11 ta' Novembru 2016:

  • L-Awstrija: fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u bejn l-Awstrija u s-Slovenja
  • Il-Ġermanja: fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija;
  • Id-Danimarka: fil-portijiet Daniżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja;
  • L-Iżvezja: fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont ta' Öresund;
  • In-Norveġja: fil-portijiet Norveġiżi b'konnessjonijiet tal-lanċa lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja.

Il-Passi li Jmiss

Il-Kunsill irid jieħu deċiżjoni abbażi ta' din il-proposta għal Rakkomandazzjoni.

Il-ħtieġa, il-frekwenza, il-post u l-ħin tal-kontrolli għandhom ikomplu jiġu rieżaminati kull ġimgħa, filwaqt li l-kontrolli jiġu aġġustati għal-livell tat-theddida indirizzata u jitneħħew b'mod gradwali meta jkun xieraq. L-Istati Membri jibqgħu obbligati li jirrapportaw minnufih ta' kull xahar lill-Kummissjoni dwar in-neċessità tal-kontrolli mwettqa.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li tfaċċaw sfidi ġodda għas-sigurtà f'dawn l-aħħar snin, kif wera l-aħħar attakk terroristiku f'Berlin. F'dan ir-rigward, filwaqt li l-qafas legali attwali kien biżżejjed biex jiġu indirizzati l-isfidi affaċċjati s'issa, il-Kummissjoni qed tirrifletti dwar jekk hijiex suffiċjentement adattata biex tindirizza l-isfidi tas-sigurtà li qed jevolvu.

Sfond

Il-kombinazzjoni ta' defiċjenzi serji fl-immaniġġar tal-fruntieri esterni mill-Greċja f'dak iż-żmien flimkien mal-għadd sinifikanti ta' migranti mhux reġistrati u applikanti għall-ażil preżenti fil-Greċja li setgħu fittxew li jiċċaqilqu b'mod irregolari lejn Stati Membri oħra, ħolqu ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna u qed jipperikolaw il-funzjonament ġenerali taż-Żona Schengen. Dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali wasslu sabiex tinbeda l-proċedura ta' salvagwardja tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 biex jinżammu ċerti kontrolli proporzjonati temporanji f'ċerti fruntieri interni ta' Schengen fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Iżvezja, fid-Danimarka u fin-Norveġja għal perjodu ta' sitt xhur.

Fil-25 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri jitħallew iżommu l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni fl-istess fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta' 3 xhur, b'kundizzjonijiet aktar stretti u obbligu ta' rappurtar dettaljat ta' kull xahar fuq l-eżitu tar-riżultati għall-Istati Membri kkonċernati. Minkejja l-istabbilizzazzjoni gradwali tas-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet tal-Pjan Direzzjonali "Lura lejn Schengen" li jippermettu ritorn lejn il-funzjonament normali taż-żona Schengen għadhom mhumiex issodisfati għal kollox. Fil-11 ta' Novembru 2016, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal possibilitajiet ulterjuri disponibbli għall-Istati Membri kollha, inklużi l-ħames Stati Membri milquta, taħt ir-regoli ġenerali għal introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntiera interna fil-każ ta' theddida serja oħra għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, mhux marbuta man-nuqqasijiet serji fil-ġestjoni tal-fruntiera esterna. Pereżempju matul il-perjodu ta' applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tat-12 ta' Mejju 2016, Franza, mhux ikkonċernata minn din ir-Rakkomandazzjoni, innotifikat l-introduzzjoni mill-ġdid u ż-żamma sussegwenti tal-kontrolli fil-fruntieri fil-fruntieri interni tagħha għal raġunijiet relatati ma' avvenimenti previsti u theddid terroristiku.

Għal aktar tagħrif

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Rakkomandazzjoni għal estensjoni temporanja ta' kontrolli fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju

Mistoqsijiet u tweġibiet: Approċċ ikkoordinat tal-UE għal kontrolli temporanji fil-fruntieri interni

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-Regoli ta' Schengen Spjegati

Lura lejn Schengen – Pjan Direzzjonali

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress biex il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida ssir operazzjonali b'mod sħiħ

IP/17/124

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar