Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress imwettaq biex il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida ssir kompletament operazzjonali

Brussell, il-25ta' jannar 2017

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu kont tal-progress li sar u l-ħidma li għadha meħtieġa biex l-Aġenzija l-ġdida tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ssir operattiva b'mod sħiħ.

Tliet xhur wara li tnediet l-Aġenzija, saru passi importanti, inkluż it-twaqqif ta' riżervi ta' reazzjoni rapida ta' gwardji u tagħmir tal-fruntiera u t-tnedija ta' gruppi ġodda ta' riżerva għal timijiet ta' intervent tar-ritorn. Dawn jistgħu jintużaw għall-appoġġ ta' dawk l-Istati Membri li għandhom ir-rwol ewlieni u kompetenza għar-rinfurzar tal-kontroll fuq il-fruntiera esterna. Attwalment, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha aktar minn 1,550 uffiċjal li ġew mibgħuta biex jappoġġaw lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni tagħhom, li jikkumplimentaw il-kapaċitajiet nazzjonali eżistenti tal-Istati Membri ta' aktar minn 100,000 gwardjan tal-fruntieri. Filwaqt li dan jirrappreżenta l-akbar ġbir komuni ta' riżorsi tal-Istati Membri s'issa, l-operazzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta qed ikomplu jiġu ffaċċjati b'nuqqasijiet fl-iskjerament, u l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li dawn il-lakuni jimtlew kif adatt.  

L-investiment u l-impenn konġunt tal-Istati Membri, fl-iżgurar li l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun operattiva bis-sħiħ kemm jista' jkun malajr hija espressjoni prattika tal-impenn tal-Istati Membri li jikkondividu r-responsabilità u juru solidarjetà fl-interess komuni. L-Istati Membri huma rappreżentati fuq il-Bord ta' Tmexxija tagħha.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Wara l-adozzjoni fi żmien rekord tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-partijiet interessati kollha ħadmu b'ritmu mgħaġġel f'dawn l-aħħar tliet xhur biex jiżguraw li l-Aġenzija tkun tista' tintervjeni mal-fruntieri komuni tagħna kull meta u kull fejn hija meħtieġa u fl-iqsar żmien possibbli. Aħna issa qed nipproponu passi konkreti ulterjuri biex naċċeleraw dan ix-xogħol. Nappella lill-Istati Membri biex jipprovdu r-riżorsi umani neċessarji u t-tagħmir sabiex l-Aġenzija tkun kompletament operattiva malajr kemm jista' jkun.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Fi tliet xhur biss, għamilna progress inkredibbli fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Ir-riżerva ta' reazzjoni rapida ta' gwardji tal-fruntiera u t-tagħmir issa jinsabu fil-post, li jiżguraw li mhux se jkun hemm aktar nuqqas ta' persunal jew tagħmir għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza madwar l-UE. Barra minn hekk, gruppi ġodda ta' timijiet ta' intervent ta' ritorn se jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri biex isaħħu r-ritorn ta' migranti irregolari — element ewlieni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tagħna. Inħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex ikomplu l-ħidma tagħhom u l-kooperazzjoni biex b'mod sħiħ u malajr l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta tibda taħdem fl-aspetti kollha tagħha.”

Ir-rapport jieħu kont tal-progress li sar fil-ħames oqsma prinċipali ta' prijorità identifikati għal implimentazzjoni rapida u approvata mill-Istati Membri fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f'April 2016:

  • Ippuljar obbligatorju ta' riżorsi biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' reazzjoni rapida tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta: Biex jissaħħu r-riżorsi umani ta' gwardji tal-fruntieri nazzjonali responsabbli, mis-7 ta' Diċembru, Grupp ta' Reazzjoni Rapida ta' 1,500 gwardja tal-fruntiera u uffiċjali oħra qed ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni immedjata tal-Aġenzija biex jipprovdu appoġġ prattiku għal interventi immedjati meta mitlub mill-Istati Membri flimkien ma' Riżerva ta' Tagħmir ta' Reazzjoni Rapida li tikkonsisti f'tagħmir bħal bastimenti u l-ħelikopters biex iwettqu interventi rapidi fil-fruntiera. Il-kapaċitajiet ta' reazzjoni rapida jinsabu fil-quċċata tal-operazzjonijiet konġunti li għaddejjin tal-Aġenzija u jikkomplementaw il-gwardji tal-fruntiera nazzjonali mibgħuta mill-Istati Membri responsabbli.
  • Valutazzjonijiet preventivi tal-vulnerabbiltà Metodoloġija komuni ta' valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ġiet adottata biex kull sena tevalwa l-kapaċità tal-Istati Membri li jaffaċċjaw sfidi fil-fruntieri esterni tagħhom. F'Jannar 2017, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bdiet tiġbor dejta dwar il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jservu bħala bażi u referenza ewlenija għat-twettiq ta' testijiet ta' vulnerabbiltà fl-2017.
  • Appoġġ għar-ritorni: Tliet gruppi ġodda li jikkonsistu f'690 spettur tar-ritorn, skorti tar-ritorn u speċjalisti tar-ritorn ilhom joperaw mis-7 ta' Jannar 2017 li jippermettu lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' operazzjonijiet ta' ritorn u tikkoopera ma' pajjiżi terzi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. L-Aġenzija diġà żiedet b'mod sinifikanti l-attivitajiet tagħha dwar ir-ritorn. Sa mid-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid f'Ottubru 2016, l-Aġenzija organizzat 78 operazzjoni ta' ritorn biex irritornat 3,421 migrant irregolari — aktar milli matul is-sena kollha tal-2015 (total 2016: 232 operazzjoni). Il-Kummissjoni se tressaq Pjan ta' Azzjoni rivedut dwar ir-Ritorn fil-ġimgħat li ġejjin.
  • L-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti: Fis-6 ta' Ottubru 2016, ġie stabbilit mekkaniżmu ta' lmenti biex jimmonitorja u jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta.
  • Mudell ta' ftehim dwar status għal kooperazzjoni operattiva ma' pajjiżi terzi ta' prijorità: Taħt il-mandat il-ġdid tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta hija permessa li twettaq operazzjonijiet fuq it-territorju ta' pajjiżi terzi ġirien, soġġett għal ftehim minn qabel. Mudell ta' ftehim ta' status ġie adottat mill-Kummissjoni f'Novembru 2016. Il-Kummissjoni għażlet is-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bħala pajjiżi terzi ta' prijorità u llum talbet lill-Kunsill sabiex jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati maż-żewġ pajjiżi.

Ir-rapport jidentifika wkoll l-azzjonijiet konkreti u l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta taħdem tajjeb. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżorsi meħtieġa jkunu dejjem disponibbli fuq talba tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta għal operazzjonijiet konġunti li għaddejjin u dawk futuri, kif ukoll għall-iskjerament mandatorju ta' riżervi għal interventi rapidi fil-fruntiera. L-Istati Membri ser ikollhom ukoll ikomplu jaġixxu fuq ir-riżultati tal-valutazzjonijiet ta' vulnerabbiltà u jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati malajr. B'mod partikolari, l-ewwel riżultati ta' dan ix-xogħol jeħtieġ li jiddaħħlu bħala kwistjoni ta' prijorità għall-aktar vulnerabbiltajiet urġenti identifikati. Dan ifisser li wieħed għandu jkun kapaċi jwieġeb fix-xhur li ġejjin għall-vulnerabbiltajiet marbuta mal-isfidi ewlenin tal-migrazzjoni li qed jiġu ffaċċjati.

Dan ir-rapport huwa l-ewwel wieħed f'sensiela ta' rapporti li huma maħsuba biex iservu bħala kontribut biex jiġi żgurat li l-għodod it-tajba u r-rispons adatt ikunu fis-seħħ għal protezzjoni ferm aħjar tal-fruntieri esterni. Ir-rapport ta' progress li jmiss huwa mbassar għal Marzu 2017.

Sfond

It-twaqqif ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif imħabbar mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fid-9 ta' Settembru 2015, huwa parti mill-miżuri stabbiliti bl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE u biex jiġu appoġġati l-gwardi tal-fruntiera nazzjonali skjerati mill-Istati Membri. Iż-Żona Schengen mingħajr fruntieri interni hija sostenibbli biss jekk il-fruntieri esterni jkollhom sigurtà u protezzjoni effettiva.

Fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva għall-ħolqien ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tibni fuq strutturi eżistenti tal-Frontex, biex tilqa' l-isfidi l-ġodda u r-realtajiet politiċi li qed tiffaċċja l-UE, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-migrazzjoni kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà interna. Ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġie approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien rekord ta' disa' xhur biss.

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tnediet fis-6 ta' Ottubru 2016, u hija element ewlieni fit-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE. Il-funzjonament sħiħ tagħha għandu jippermetti għar-ritorn tal-prinċipji ta' Schengen ta' vjaġġar ħieles mingħajr fruntieri interni.

Il-finanzjament tal-UE għall-Aġenzija se jiżdied progressivament minn €250 miljun fl-2016 għal €320 miljun fl-2020 u l-persunal tal-Aġenzija se jikber minn 400 fl-2016 għal 1000 membru tal-persunal fl-2020.

Għal aktar tagħrif

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Kosta u tal-Fruntiera

SKEDA INFORMATTIVA: L-Aġenzija Ewropea l-ġdida għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Insaħħu l-Fruntieri tal-Ewropa: Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea

Is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

IP/17/123

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar