Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tbassir Ekonomiku għar-Rebbiegħa 2017: imbassar tkabbir stabbli

Brussell, il-11ta' mejju 2017

Tbassir Ekonomiku għar-Rebbiegħa 2017: imbassar tkabbir stabbli

L-ekonomija Ewropea daħlet fil-ħames sena tagħha ta' rkupru, li issa qed jilħaq lill-Istati Membri kollha tal-UE. Dan mistenni jkompli b'pass tajjeb ħafna din is-sena u d-dieħla.

Fit-Tbassir tar-Rebbiegħa tagħha li qed jiġi ppubblikat llum, il-Kummissjoni Ewropea tistenna tkabbir fil-PDG taż-Żona tal-Ewro ta' 1.7 % fl-2017 u 1.8 % fl-2018 (1.6 % u 1.8 % fit-Tbassir tax-Xitwa). It-tkabbir tal-PDG fl-UE bħala entità sħiħa mistenni jibqa' kostanti għal 1.9 % f'dawn is-sentejn (1.8 % għal sentejn fit-Tbassir tax-Xitwa).

Il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali, responsabbli wkoll għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali Valdis Dombrovskis, qal: “It-tbassir ekonomiku tal-lum juri li t-tkabbir fl-UE qed jissaħħaħ u l-qgħad qed ikompli jonqos. Iżda l-istampa hija differenti ħafna minn Stat Membru għal ieħor, bi prestazzjoni aqwa rreġistrata f'ekonomiji li jkunu implimentaw riformi strutturali aktar ambizzjużi. Sabiex nindirizzaw dan il-bilanċ, għandna bżonn riformi deċiżivi mal-Ewropa kollha minn ftuħ fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi għall-immodernizzar tas-suq tax-xogħol u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali. F'era ta' bidla demografika u teknoloġika, l-ekonomiji tagħna jridu jevolvu wkoll, u joffru aktar opportunitajiet u standard ta' għajxien aħjar għall-popolazzjoni tagħna”.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, Pierre Moscovici, qal: “L-Ewropa dieħla fil-ħames sena konsekuttiva ta' tkabbir tagħha, megħjuna minn politiki monetarji akkomodanti, negozji b'saħħithom, il-fiduċja tal-konsumatur u t-titjib tal-kummerċ dinji. Hija aħbar tajba wkoll li l-livell għoli ta' inċertezza li kkaratterizza l-aħħar 12-il xahar jista' jkun li jibda jonqos. Iżda l-irkupru taż-Żona tal-Euro f'impjiegi u l-investiment għadu irregolari. It-trattament tal-kawżi ta' din id-differenza huwa sfida ewlenija li għandna nindirizzaw fix-xhur u s-snin li ġejjin.”

Se jiżdied it-tkabbir globali

L-ekonomija globali qabdet ir-ritmu lejn l-aħħar tas-sena u kmieni din is-sena minħabba li t-tkabbir f'ħafna ekonomiji avvanzati u emerġenti qabdu r-ritmu fl-istess ħin. It-tkabbir globali (eskluża l-UE) huwa mistenni li jissaħħaħ għal 3.7 % din is-sena u 3.9 % fl-2018 minn 3.2 % fl-2016 (l-istess bħat-Tbassir tax-Xitwa) hekk kif l-ekonomija Ċiniża għadha reżiljenti fit-terminu qasir ta' żmien u l-prezzijiet tal-prodotti li rkupraw jgħinu lil ekonomiji emerġenti oħra. Il-prospetti għall-ekonomija tal-Istati Uniti fil-biċċa l-kbira għadhom l-istess meta mqabbla max-xitwa. Globalment, l-esportazzjonijiet netti huma mistennija li jkunu newtrali għat-tkabbir tal-PDG taż-Żona tal-Ewro fl-2017 u l-2018.

Żieda temporanja fl-inflazzjoni bażika

L-inflazzjoni żdiedet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar xhur, l-aktar minħabba ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt. Madankollu, l-inflazzjoni ewlenija, li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija volatili u l-ikel mhux ipproċessat, baqgħet relattivament stabbli u sostanzjalment taħt il-medja fit-tul tagħha. L-inflazzjoni fiż-Żona tal-Ewro hija mbassra li togħla minn 0.2 % fl-2016 għal 1.6 % fl-2017 qabel ma terġa' tinżel għal 1.3 % fl-2018 hekk kif jgħib l-effett ta' żidiet fil-prezzijiet taż-żejt.

Il-konsum privat jonqos minħabba l-inflazzjoni, l-investiment jibqa' stabbli

Il-konsum privat, l-akbar promotur tat-tkabbir f'dawn l-aħħar snin, espanda bl-aktar rata mgħaġġla li qatt kellu f'10 snin fl-2016 iżda huwa mistenni li jsir moderat din is-sena hekk kif l-inflazzjoni tnaqqar parzjalment miż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi. Minħabba li l-inflazzjoni mistennija li tonqos is-sena d-dieħla, il-konsum privat għandu jerġa' jirpilja ftit. L-investiment mistenni li jespandi b'mod kemxejn kostanti iżda għadu mxekkel mill-prospettiva ta' tkabbir modest u l-ħtieġa li jitkompla d-diżingranaġġ f'ċerti setturi. Numru ta' fatturi jappoġġaw irkupru gradwali, bħal żieda fir-rati tal-użu tal-kapaċità, il-profitabbiltà korporattiva u kundizzjonijiet ta' finanzjament attraenti, anki permezz tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa.

Il-qgħad ikompli jonqos

Il-qgħad għadu bit-tendenza li jonqos, iżda għadu għoli f'ħafna pajjiżi. Fiż-Żona tal-Ewro, huwa mistenni li jinżel għal 9.4 % fl-2017 u 8.9 % fl-2018, l-aktar livell baxx tiegħu sa mill-bidu tal-2009. Dan hu dovut għal żieda fid-domanda domestika, riformi strutturali u politiki oħra tal-gvern f'ċerti pajjiżi li jinkoraġġixxu l-ħolqien sod tal-impjiegi. Ix-xejra fl-UE kollha kemm hi hija mistennija li tkun simili, bit-tbassir għall-qgħad mistenni li jinżel għal 8.0 % fl-2017 u 7.7 % fl-2018, l-aktar rata baxxa mill-aħħar tal-2008.

Il-qagħda tal-finanzi pubbliċi qed titjieb

Kemm il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali mal-PDG u l-proporzjon tad-dejn gross imqabbel mal-PDG huma mistennija li jonqsu fl-2017 u fl-2018, kemm fiż-Żona tal-Ewro kif ukoll fl-UE. Il-pagamenti b'imgħax aktar baxx u l-moderazzjoni tal-pagi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li d-deficits li jkomplu jonqsu, għalkemm b'ritmu aktar baxx milli f'dawn l-aħħar snin. Fiż-Żona tal-Ewro, il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-PDG huwa mbassar li jonqos minn 1.5 % tal-PDG fl-2016 għal 1.4 % fl-2017 u 1.3 % fl-2018, filwaqt li fl-UE l-proporzjon huwa mistenni li jonqos minn 1.7 % fl-2016 għal 1.6 % fl-2017 u 1.5 % fl-2018. Fiż-Żona tal-Ewro, il-proporzjon tad-defiċit mal-PDG huwa mbassar li jonqos minn 91.3 % tal-PDG fl-2016 għal 90.3 % fl-2017 u 89.0 % fl-2018, filwaqt li fl-UE kollha kemm hi l-proporzjon huwa mistenni li jonqos minn 85.1 % fl-2016 għal 84.8 % fl-2017 u 83.6 % fl-2018.

Ir-riskji għat-tbassir huma aktar ibbilanċjati iżda xorta waħda għadhom hemm

L-inċertezza fir-rigward tal-perspettiva ekonomika għadha għolja. Globalment, ir-riskji saru aktar ibbilanċjati minn kif kienu fix-xitwa iżda għadhom negattivi. Ir-riskji esterni huma marbutin, pereżempju, mal-politika ekonomika u kummerċjali futura tal-Istati Uniti u tensjonijiet ġeopolitiċi usa'. L-aġġustament ekonomiku taċ-Ċina, il-prospettivi tas-settur bankarju fl-Ewropa u n-negozjati li ġejjin mar-Renju Unit dwar il-ħruġ tal-pajjiż mill-UE huma kkunsidrati wkoll bħala riskji potenzjalment negattivi fit-tbassir.

Sfond

Dan it-tbassir huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati ta' mgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet b'data limitu tal-25 ta' April 2017. Ir-rati tal-imgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet li ntużaw jirriflettu aspettattivi tas-suq li joriġinaw mis-swieq tad-derivattivi fiż-żmien tat-tbassir. Rigward id-dejta kollha l-oħra li qed tintuża bħala input, inklużi s-suppożizzjonijiet dwar il-politiki tal-gvern, dan it-tbassir iqis l-informazzjoni sa u li jinkludi l-25 ta' April 2017. Sakemm il-politiki ma jiġux imħabbra b'mod kredibbli u speċifikati fid-dettall, it-tbassir jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika.

Aktar informazzjoni

It-Tbassir Ekonomiku għar-Rebbiegħa 2017

It-Tbassir Ekonomiku Ewropew - sit elettroniku ta' spjegazzjoni

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @Pierremoscovici

Segwi DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

Stqarrija għall-istampa - Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2017: Navigar f'baħar imċaqlaq

Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2017

IP/17/1237

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar