Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Suq Uniku Diġitali: Il-Kummissjoni tappella biex il-proposti ewlenin jiġu adottati mingħajr dewmien u tippreżenta l-isfidi għall-ġejjieni

Brussell, I-10ta' mejju 2017

Issa li waslet f'nofs il-mandat tagħha, illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tagħha.

Ir-reviżjoni tieħu kont tal-progress li sar, tappella lill-koleġiżlaturi biex jaġixxu malajr dwar il-proposti kollha diġà ppreżentati, u tiddeskrivi azzjonijiet ulterjuri għall-pjattaformi online, għall-ekonomija tad-dejta u għaċ-ċibersigurtà. 

Minn Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ressqet 35 proposta leġiżlattiva u inizjattiva ta' politika kif tħabbar fl-Istrateġija tagħha tas-Suq Uniku Diġitali. L-attenzjoni issa tinsab fuq li jintlaħaq ftehim politiku mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar il-proposti kollha, speċjalment dwar ir-regoli aġġornati tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni li se jixprunaw l-investimenti f'netwerks b'veloċità għolja u ta' kwalità, u li huma kritiċi għall-mobilizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija u tas-soċjetà diġitali.

Fil-komunikazzjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-lum, il-Kummissjoni identifikat tliet oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni ulterjuri tal-UE: (1) l-iżvilupp sal-potenzjal massimu tagħha tal-Ekonomija tad-Dejta Ewropea, (2) il-protezzjoni tal-assi tal-Ewropa billi jiġu indirizzati l-isfidi taċ-ċibersigurtà, u (3) il-promozzjoni ta' pjattaformi online bħala atturi responsabbli ta' ekosistema ġusta tal-internet.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali qal: “Il-Kummissjoni żammet il-wegħda tagħha u ppreżentat l-inizjattivi ewlenin kollha biex jinbena Suq Uniku Diġitali. Issa, jeħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jadottaw dawn il-proposti malajr kemm jista' jkun, sabiex fl-Ewropa jaqbdu l-impjiegi ġodda, in-negozju u l-innovazzjoni. Issa li għaddew sentejn, aħna nipproponu li naġġornaw l-istrateġija tagħna biex din tirrifletti sfidi ġodda u teknoloġiji ġodda. Għandna bżonn infrastruttura ċibersigura fil-partijiet kollha tal-UE sabiex kulħadd – kullimkien – ikun jista' jgawdi mill-konnettività b'veloċità għolja b'mod sigur. Diġà qbilna dwar regoli tal-UE b'saħħithom għall-protezzjoni tad-dejta personali; issa jeħtieġ li niżguraw li d-dejta mhux personali tkun tista' tiċċirkola b'mod ħieles sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta' karozzi konnessi u ta' servizzi tas-saħħa elettronika. Għandna bżonn informatika ta' prestazzjoni għolja flimkien ma' forza tax-xogħol b'ħiliet diġitali biex nagħmlu l-aħjar użu mill-ekonomija tad-dejta. Dawn l-oqsma kollha huma essenzjali għall-futur diġitali tal-Ewropa.”

Skont studju ġdid tal-Ewrobarometru li wkoll ġie ppubblikat illum, żewġ terzi tal-Ewropej jaħsbu li l-użu tal-aktar teknoloġiji diġitali reċenti għandu impatt pożittiv fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u fuq ħajjithom stess. Il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu jistennew li l-UE, l-Istati Membri u l-kumpaniji jieħdu azzjoni biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li tqajjem id-diġitalizzazzjoni (bħalma huma l-impatt fuq l-impjiegi u l-ħtieġa ta' ħiliet diġitali aħjar).

Ir-Reviżjoni tal-lum tfassal it-triq 'il quddiem fi tliet oqsma ewlenin:

  • Dwar l-ekonomija tad-dejta, il-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva leġiżlattiva dwar il-fluss liberu transfruntier ta' dejta mhux personali (għall-ħarifa tal-2017) u inizjattiva dwar l-aċċessibilità u l-użu mill-ġdid ta' dejta pubblika u ta' dejta ffinanzjata pubblikament (għar-rebbiegħa tal-2018). Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha fuq ir-responsabbiltà u fuq kwistjonijiet emerġenti oħra dwar id-dejta.
  • Fil-qasam taċ-ċibersigurtà, sa Settembru 2017, il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà u l-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), sabiex jiġi allinjat il-qafas ġdid tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tipproponi miżuri addizzjonali dwar l-istandards taċ-ċibersigurtà, dwar iċ-ċertifikazzjoni u dwar it-tikkettar biex l-oġġetti konnessi jsiru aktar ċibersiguri.
  • Fil-qasam tal-pjattaformi online, sa tmiem l-2017, il-Kummissjoni se tħejji inizjattiva li tindirizza l-prattiki kummerċjali u l-klawżoli kuntrattwali inġusti identifikati f'relazzjonijiet platform-to-business u, barra minn hekk, dan l-aħħar marbuta ma' dan, ħadet deċiżjonijiet ta' infurzar fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni żviluppat għadd ta' djalogi ma' pjattaformi online fi ħdan is-Suq Uniku Diġitali (eż. il-Forum tal-UE dwar l-Internet, il-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-diskors online illegali ta' mibegħda, u l-Memorandum ta' Qbil dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti Ffalsifikati fuq l-Internet) u qed tippjana li dawn jiġu kkoordinati aħjar. Wieħed mill-għanijiet huwa li jsir progress fl-aspetti proċedurali u fil-prinċipji dwar it-tneħħija ta' kontenut illegali – notifika u azzjoni – fuq il-bażi tat-trasparenza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindirizza l-ħtieġa għal aktar investiment f'infrastruttura diġitali u f'teknoloġiji f'oqsma bħall-komputazzjoni ta' prestazzjoni għolja, fejn l-investiment jeħtieġ li jmur ferm lil hinn mill-kapaċità tal-Istati Membri individwali.

Sfond:

Is-Suq Uniku Diġitali huwa prijorità ewlenija tal-Kummissjoni Juncker. Suq Uniku Diġitali kompletament funzjonali jista' jikkontribwixxi EUR 415 biljun fis-sena għall-ekonomija tagħna u joħloq mijiet ta' eluf ta' impjiegi ġodda. Sentejn wara li nbeda, l-UE aġixxiet malajr biex jintlaħqu ftehimiet importanti dwar it-tmiem tat-tariffi tar-roaming fil-15 ta' Ġunju 2017 għall-vjaġġaturi kollha fl-UE, dwar il-portabilità tal-kontenut li mill-bidu tal-2018 se tippermetti l-Ewropej biex jivvjaġġaw bil-films, bil-mużika, bil-logħob vidjo jew bil-kotba elettroniċi li jkunu abbonaw għalihom id-dar jew il-ftehim dwar ir-rilaxx tal-banda ta' 700 MHz għall-iżvilupp tal-5G u ta' servizzi ġodda online. Dwar il-proposti li fadal, l-eżitu finali issa jiġi nnegozjat fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Għal iktar informazzjoni:

Komunikazzjoni A Connected Digital Single Market for All

Tabella li tagħti ħarsa ġenerali dwar il-proposti li saru skont l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali

Skeda informattiva: ħarsa ġenerali lejn il-progress fl-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali

Silta ta' stejjer ta' suċċess diġitali marbuta mal-impjiegi, mal-impjegabbiltà, mat-taħriġ, u ma' kwistjonijiet soċjali

L-Ewrobarometru, Attitudes towards the impact of digitisation and automation on daily life

Study on skillsacross sectors

Ir-Rapport dwar il-Progress Diġitali tal-Ewropa inklużi r-rapporti tat-telekomunikazzjonijiet tal-pajjiżi aġġornati u l-iskedi tal-pajjiżi aġġornati

@Ansip_EU

@DSMeu

#DigitalSingleMarket

 

IP/17/1232

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar