Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tniedi riflessjoni dwar l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni

Brussell, I-10ta' mejju 2017

Wara l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa mressqa fl-1 ta' Marzu, il-Kummissjoni qed tippubblika llum id-Dokument ta' Riflessjoni dwar l-Immaniġġar tal-Globalizzazzjoni tagħha.

Id-dokument ta' llum, li huwa bbażat fuq valutazzjoni ġusta tal-benefiċċji u l-iżvantaġġi tal-globalizzazzjoni, għandu l-għan li jniedi dibattitu dwar kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jsawru l-globalizzazzjoni b'mod li jantiċipa l-ġejjieni u jtejjeb il-ħajja tal-Ewropej.

Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: "Il-globalizzazzjoni hija ta' ġid għall-ekonomija Ewropea b'mod ġenerali, iżda dan xorta ma jfissirx ħafna għaċ-ċittadini tagħna jekk il-benefiċċji ma jitqassmux b'mod ġust u aktar ugwali. L-Ewropa għandha tgħin sabiex niktbu mill-ġdid il-ktieb tar-regoli globali b'tali mod li l-kummerċ ħieles isir kummerċ ġust. Sabiex il-globalizzazzjoni ssir sostenibbli u tagħti riżultati tajbin għall-Ewropej kollha. Fl-istess waqt, għandna niffukaw il-politiki tagħna fuq li nipprovdu lin-nies l-edukazzjoni u l-ħiliet li jeħtieġu biex iżommu mal-evoluzzjoni tal-ekonomiji tagħna. Ridistribuzzjoni aħjar tgħin biex niggarantixxu l-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà li din l-Unjoni hi mibnija fuqhom."

Jyrki Katainen, il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: "Il-globalizzazzjoni hija forza formidabbli li ġġib benefiċċji, imma wkoll bosta sfidi, għall-Ewropa u għall-bqija tad-dinja. Sabiex tippreserva l-benefiċċji tal-ftuħ iżda tindirizza wkoll l-iżvantaġġi tiegħu, l-Ewropa jenħtieġ li tippromwovi ordni globali bbażat fuq ir-regoli, tieħu azzjoni determinata kontra l-prattiki inġusti, tagħmel is-soċjetajiet tagħna aktar reżiljenti u tagħmel l-ekonomiji tagħna aktar kompetittivi quddiem ambjent li qed jinbidel malajr."

Id-dokument ta' riflessjoni jagħti ħarsa onesta lejn dak li l-globalizzazzjoni ġabet lill-UE. Fil-fatt hu li, anki jekk l-UE bbenefikat ħafna mill-globalizzazzjoni, din ġabet ukoll bosta sfidi. Madwar id-dinja, il-globalizzazzjoni għenet biex mijiet ta' miljuni ta' nies jinħelsu mill-faqar u ppermettiet lill-pajjiżi ifqar ilaħħqu mal-oħrajn. Għall-UE, il-kummerċ globali ta spinta għat-tkabbir ekonomiku tal-UE, fejn kull EUR 1 biljun addizzjonali ta' esportazzjonijiet jappoġġa 14,000 impjieg. Importazzjonijiet irħas huma wkoll ta' benefiċċju b'mod partikolari għal persuni bi dħul baxx. Iżda dawn il-benefiċċji mhumiex awtomatiċi u lanqas ma huma mifruxa b'mod indaqs fost iċ-ċittadini tagħna. L-Ewropa hija affettwata wkoll mill-fatt li pajjiżi oħra mhux kollha għandhom l-istess standards f'oqsma bħall-impjiegi, u standards ambjentali jew tas-sikurezza, li jfisser li l-kumpaniji Ewropej huma inqas kapaċi li jikkompetu biss fuq il-prezz mal-kontropartijiet barranin tagħhom; dan jista' jwassal għall-għeluq ta' fabbriki, għat-telf ta' impjiegi jew għal pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Madankollu, is-soluzzjoni ma tinsab la fi protezzjoniżmu u lanqas fil-politika tal-“laissez-faire”. L-evidenza ppreżentata fid-Dokument ta' Riflessjoni turi b'mod ċar li l-globalizzazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju fejn tiġi mmaniġġata kif suppost. L-UE għandha tiżgura distribuzzjoni aħjar tal-benefiċċji tal-globalizzazzjoni billi taħdem flimkien mal-Istati Membri u r-reġjuni, kif ukoll mal-imsieħba internazzjonali u ma' partijiet interessati oħra. Flimkien għandna naħtfu l-opportunità li nsawru l-globalizzazzjoni skont il-valuri u l-interessi tagħna stess.

Id-Dokument ta' Riflessjoni ta' llum jiftaħ dibattitu vitali dwar l-aħjar mod kif l-UE tista' timmaniġġa l-globalizzazzjoni u tirrispondi għall-opportunitajiet u l-isfidi tagħha bl-aħjar mod:

  • Fuq il-front estern, id-dokument jiffoka fuq il-ħtieġa li nsawru ordni globali tassew sostenibbli, ibbażat fuq regoli kondiviżi u aġenda komuni. L-UE minn dejjem appoġġat sett ta' regoli globali “multilaterali” b'saħħithom u effettivi u għandha tkompli tiżviluppah b'mod li tindirizza sfidi ġodda u tiżgura li jkun hemm infurzar effikaċi. Pereżempju, l-UE tista' tinsisti għal regoli ġodda biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi billi tindirizza mġiba ta' ħsara u żleali bħalma huma l-evażjoni tat-taxxa, is-sussidji tal-gvern jew id-dumping soċjali. Strumenti effettivi għad-difiża tal-kummerċ u qorti multilaterali tal-investiment jistgħu wkoll jgħinu biex l-UE taġixxi b'mod deċiżiv kontra pajjiżi jew kumpaniji li jwettqu prattiki inġusti.
  • Fuq il-front domestiku, id-dokument jissuġġerixxi għodod li jipproteġu u jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini permezz ta' politiki soċjali robusti u jipprovdu l-edukazzjoni u l-appoġġ għat-taħriġ neċessarji matul ħajjithom. Politiki tat-taxxa progressivi, investiment fl-innovazzjoni u politiki sodi tal-ħarsien soċjali jistgħu jgħinu biex il-ġid jiġi ridistribwit b'mod aktar ġust. Sadanittant, l-użu tal-fondi strutturali tal-UE biex jiġu megħjuna reġjuni vulnerabbli u l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni tal-UE (ara l-Iskeda Informattiva dwar il-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni tal-UE) sabiex jgħin lill-ħaddiema li tilfu xogħlhom biex isibu xogħol ieħor jistgħu jtaffu l-impatti negattivi.

Sfond

Madwar terz tad-dħul nazzjonali tagħna ġej mill-kummerċ mal-bqija tad-dinja. Billi s-swieq barranin kibru, l-esportazzjonijiet Ewropej kibru, u qegħdin jappoġġaw impiegi b'pagi aħjar. Billi jispeċjalizzaw f'dak li jagħmlu l-aħjar, il-pajjiżi jistgħu jipproduċu aktar b'inqas, u dan isaħħaħ il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur. In-nies jivvjaġġaw, jaħdmu, jistudjaw u jgħixu liberament f'pajjiżi differenti. Huma jinteraġixxu ma' xulxin fuq il-web, u jaqsmu flimkien l-ideat, il-kulturi u l-esperjenzi tagħhom. L-istudenti għandhom aċċess onlajn għal korsijiet immexxija minn universitajiet ewlenin madwar id-dinja. Il-kompetizzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni xjentifika aċċelleraw l-innovazzjoni. Il-globalizzazzjoni ħelset ukoll mijiet ta' miljuni ta' nies mill-faqar u ppermettiet lil pajjiżi aktar fqar ilaħħqu mal-oħrajn.

Iżda l-globalizzazzjoni ġġib magħha wkoll sfidi. Bosta Ewropej huma mħassba li l-globalizzazzjoni twassal għall-inugwaljanza, għat-telf ta' impjiegi, għall-inġustizzja soċjali, jew għat-tnaqqis tal-istandards tal-ambjent, tas-saħħa jew tal-privatezza. Xi drabi jħossuhom ukoll mhedda fl-identità, fit-tradizzjonijiet u fil-modi tal-għajxien tagħhom. Dan it-tħassib irid jiġi rikonoxxut u indirizzat.

L-immaniġġar tal-globalizzazzjoni, it-tiswir tad-dinja għall-aħjar, il-promozzjoni ta' standards għoljin u tal-valuri lil hinn mill-Ewropa, il-ħarsien taċ-ċittadini tagħna minn prattiki inġusti, u l-ħidma biex is-soċjetajiet tagħna jkunu reżiljenti u biex l-ekonomiji tagħna jkunu aktar kompetittivi kollha huma prijoritajiet ewlenin għal din il-Kummissjoni.

Id-dokument ta' riflessjoni dwar l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni jsegwi l-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ppreżentata fl-1 ta' Marzu, li stabbiliet l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin għall-Ewropa fid-deċennju li ġej. Il-White Paper timmarka l-bidu ta' proċess għall-UE27 biex jiddeċiedu dwar il-ġejjieni tal-Unjoni tagħhom. Sabiex jiġi xprunat dan id-dibattitu, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u ma' Stati Membri interessati, se jlaqqgħu serje ta' “Dibattiti dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa” madwar l-ibliet u r-reġjuni tal-Ewropa.

Id-dokument dwar l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni se jiġi segwit minn serje ta' dokumenti ta' riflessjoni dwar:

  • l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja abbażi tar-Rapport tal-Ħames Presidenti ta' Ġunju 2015;
  • il-ġejjieni tad-difiża tal-Ewropa;
  • il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE.

Għal Aktar Informazzjoni

Dokument ta' riflessjoni dwar l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni

Skeda Informattiva: Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - Għaxar Snin ta' Solidarjetà Ewropea

Segwi lill-Ewwel Viċi President Timmermans fuq Facebook u Twitter

Segwi lill-Viċi President Katainen fuq Facebook u Twitter

IP/17/1230

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar