Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Linji gwida ġodda jgħinu liċ-ċittadini jiksbu aċċess aħjar u aktar ġust għall-qrati nazzjonali dwar kawżi ambjentali

Brussell, it-28ta' april 2017

Meta l-awtoritajiet pubbliċi jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet u l-obbligi skont il-liġijiet ambjentali, il-pubbliku jista' jżommhom responsabbli.

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat dokument gwida dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali li jiċċara kif l-individwi u l-assoċjazzjonijiet jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet, l-atti u l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi relatati mal-liġi ambjentali tal-UE quddiem il-qrati nazzjonali.

Il-Kummissjoni Juncker għamlet pass 'il quddiem bil-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida, għax iċ-ċittadini issa għandhom il-gwida meħtieġa biex jaċċessaw aħjar is-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali. Il-gwida hija maħsuba biex tgħin lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi jiddeċiedu jekk għandhomx iressqu każ quddiem il-qrati nazzjonali. Il-qrati nazzjonali jistgħu jużawha biex ikunu jistgħu jidentifikaw il-każijiet kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE li jridu jitqiesu meta jiġu ffaċċjati bi kwistjonijiet marbutin mal-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet ambjentali. Permezz ta' din il-gwida, l-amministrazzjonijiet nazzjonali jistgħu jsiru jafu aktar dwar in-nuqqasijiet li jista' jkun hemm fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom u n-negozji jkunu jafu b'aktar ċarezza x'inhuma l-obbligi u d-drittijiet tal-UE li huma involuti fid-deċiżjonijiet, fl-atti u fl-ommissjonijiet li jikkonċernawhom.

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President responsabbli għall-Istat tad-Dritt qal: “Iċ-ċertezza legali hija prinċipju fundamentali għal soċjetà bbażata fuq l-Istat tad-Dritt, u huwa importanti li aħna noffru din il-gwida lill-partijiet interessati kollha. Il-liġi ambjentali hija l-qofol tal-isforzi tagħna biex nibnu futur sostenibbli għall-UE, u jeħtieġ li kulħadd jifhem b'mod ċar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu.”

Karmenu Vella, il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal: “Il-liġijiet ambjentali qegħdin hemm biex jipproteġu lil bnedmin u lil saħħithom. Meta l-awtoritajiet pubbliċi lil dawn id-drittijiet u l-obbligi skont dawn il-liġijiet ma jirrispettawhomx, il-pubbliku jista' jżommhom responsabbli. Il-gwida l-ġdida hija pass importanti biex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa li jieħdu kwistjonijiet bħall-kwalità tal-arja u tal-ilma, u l-ġestjoni tal-iskart f'idejhom. Billi jressqu kawżi ambjentali quddiem il-qrati nazzjonali, iċ-ċittadini jistgħu jgħinu biex jiżguraw li l-liġijiet ambjentali jiġu applikati kif suppost madwar l-UE.”

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħadet diversi deċiżjonijiet li jiċċaraw ir-rekwiżiti tal-UE dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Fost l-eżempji ta' dawn insibu:

  • Il-mod kif il-qrati nazzjonali għandhom jindirizzaw argumenti meta l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja muniċipali ma jipprovdux biżżejjed miżuri effettivi biex jilħqu l-istandards tal-kwalità tal-arja stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-arja;
  • Ir-rwol tal-pubbliku, b'mod partikolari tal-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi ambjentali, biex jiżguraw li l-obbligi skont il-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-UE jiġu rispettati fl-Istati Membri;
  • Il-kriterji ta' valutazzjoni li l-qrati nazzjonali għandhom jużaw sabiex jiġu evitati spejjeż tal-qorti eċċessivi li minħabba fihom iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet jaqtgħu qalbhom milli jeżerċitaw l-irwol tagħhom fil-ħarsien tal-liġi ambjentali tal-UE fil-livell nazzjonali.

In-nota ta' gwida tal-lum tiġbor f'dokument wieħed komprensiv dawn id-deċiżjonijiet kollha flimkien f'test wieħed biex in-nies jifmu lilhom u l-implikazzjonijiet tagħhom aħjar.

Wara l-adozzjoni tan-nota ta' gwida tal-lum se jsiru diskussjonijiet mal-Istati Membri li għadhom ma kkonformawx b'mod sħiħ mal-obbligi tagħhom, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn id-diskussjonijiet se jsiru wkoll fil-kuntest tal-proċess stabbilit permezz tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali.

Kuntest:

L-aċċess għall-ġustizzja jiggarantixxi li l-individwi u l-assoċjazzjonijiet ambjentali taħt ċerti kundizzjonijiet jistgħu jitolbu li qorti indipendenti nazzjonali teżamina jekk awtorità pubblika aġixxietx b'mod legali fit-teħid ta' deċiżjonijiet, f'atti jew f'ommissjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet tagħhom. Il-garanziji prinċipali jikkonsistu fid-dritt li wieħed jinstema', id-dritt ta' skrutinju suffiċjenti mill-imħallef nazzjonali, li jsiru miżuri ta' rimedju għall-iżball u jsiru miżuri biex jiġu evitati spejjeż eċċessivi.

Id-dokument ta' gwida huwa bbażat fuq l-aċċess għad-dispożizzjonijiet tal-ġustizzja fil-liġi ambjentali sekondarja tal-UE u għad-dispożizzjonijiet fil-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (The Aarhus Convention), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-ambitu ta' dan id-dokument ta' gwida huwa limitat għall-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward ta' deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Ma jindirizzax kawżi ambjentali bejn partijiet privati. Lanqas ma jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju ta' atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva: Aċċess għall-Ġustizzja fi kwistjonijiet Ambjentali

Skeda ta' informazzjoni: Infurzar tal-liġi ambjentali — X'se takkwista inti?

IP/17/1114

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar