Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ekonomija Ċirkolari: Il-Kummissjoni żżomm mal-wegħdiet tagħha, toffri gwida dwar l-irkupru tal-enerġija mill-iskart u taħdem mal-BEI biex tixpruna l-investiment

Brussell, is-26ta' jannar 2017

Sena wara l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, illum il-Kummissjoni qed tirrapporta dwar it-twettiq u l-progress tal-inizjattivi ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha tal-2015.

Barra minn hekk, flimkien ma' dan ir-rapport, il-Kummissjoni:

  • illum ħadet iktar miżuri billi stabbiliet Pjattaforma ta' Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) filwaqt li tlaqqa' flimkien l-investituri u l-innovaturi
  • ħarġet gwida għall-Istati Membri dwar il-konverżjoni tal-iskart f'enerġija
  • ipproponiet li jsir titjib immirat tal-leġiżlazzjoni dwar ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans, responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli, stqarr: Il-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari għall-Ewropa huwa prijorità ewlenija għal din il-Kummissjoni. Għamilna progress ġmielu u qed nippjanaw inizjattivi ġodda għall-2017. Qed nagħlqu ċ-ċiklu tad-disinn, tal-produzzjoni, tal-konsum u tal-immaniġġjar tal-iskart, biex b'hekk ikollna Ewropa ekoloġika, ċirkolari u kompetittiva.

Il-Viċi-President Jyrki Katainen, responsabbli għall-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività, sostna: “Filwaqt li qed nibnu fuq il-kisbiet tal-Pjan ta' Investiment ta' Juncker, tassew sodisfatt li nistgħu nerġgħu naħdmu mal-BEI biex inlaqqgħu l-investituri mal-innovaturi. L-għan tagħna huwa li nżidu l-investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat, fl-ekonomija ċirkolari. Ta' sikwit dan ifisser li jkun hemm mudell ġdid ta' negozju li jaf ikun jirrikjedi mezzi ġodda u innovattivi ta' finanzjament. Din il-Pjattaforma l-ġdida hija għodda eċċellenti biex titqajjem kuxjenza dwar il-potenzjal enormi ta' negozju tal-proġetti tal-ekonomija ċirkolari u b'hekk jinkisbu iżjed fondi għall-finanzjament tagħhom. L-Ekonomija Ċirkolari hija element importanti biex tiġi mmodernizzata l-ekonomija Ewropea u qegħdin fit-triq it-tajba biex ikollna din il-bidla sostenibbli”.

Il-Viċi President tal-BEI Jonathan Taylor, responsabbli għall-finanzjament tal-ambjent, tal-azzjoni klimatika u tal-ekonomija ċirkolari, qal: B'wiċċu minn quddiem il-BEI qed jiġbed ħabel wieħed mal-Kummissjoni Ewropea u flimkien se nużaw il-qawwa finanzjarja u l-esperjenza tagħna f'daqqa biex l-ekonomiji tagħna nagħmluhom iżjed ċirkolari. Bħala l-ikbar sellief dinji għall-azzjoni klimatika multilaterali b'iktar minn EUR 19-il biljun ta' finanzjament allokat is-sena li għaddiet, inqisu li l-ekonomija ċirkolari hija l-qofol biex it-tibdil fil-klima ma jkomplix sejjer fit-triq tan-niżla, filwaqt li jsir użu iżjed sostenibbli mir-riżorsi skarsi tad-dinja, u tingħata kontribuzzjoni għat-tkabbir tal-Ewropa. Sabiex din it-tranżizzjoni tiġi mgħaġġla, kulma jmur se nkomplu nipprovdu konsulenza u ninvestu f'mudelli ta' negozju ċirkolari u innovattivi u f'teknoloġiji ġodda kif ukoll fi proġetti iktar tradizzjonali tal-effiċjenza fil-użu tar-riżorsi.  Il-Pjattaforma l-ġdida ta' Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari se tkun għodda essenzjali għat-tisħiħ tal-għarfien dwar il-proġetti tal-ekonomija ċirkolari u tal-finanzjament tagħhom.

Nibnu fuq il-kisbiet tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li sal-aħħar tal-2016 diġà mmobilizza investimenti b'valur ta' EUR 164 biljun. Il-Pjattaforma ta' Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari se ssaħħaħ ir-rabta bejn l-istrumenti eżistenti, bħal pereżempju l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-inizjattiva InnovFin – Finanzi tal-UE għall-Innovaturi appoġġata b'Orizzont 2020, u potenzjalment se tiżviluppa strumenti finanzjarji ġodda għall-proġetti tal-ekonomija ċirkolari. Il-Pjattaforma se tlaqqa' flimkien lill-Kummissjoni, lill-BEI, lill-Banek Promozzjonali Nazzjonali, lill-investituri istituzzjonali u lil partijiet ikkonċernati oħra, filwaqt li tqajjem kuxjenza dwar l-opportunitajiet ta' investiment tal-ekonomija ċirkolari u tippromwovi l-aħjar prattiki fost il-promoturi potenzjali, tanalizza l-proġetti u l-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, u tipprovdi konsulenza dwar l-istrutturar u l-fattibbiltà bankarja tal-proġetti.

Din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari se timmassimizza l-benefiċċji ta' din il-parti żgħira iżda innovattiva tat-taħlita nazzjonali tal-enerġija. Din tipprovdi gwida għall-Istati Membri biex jintlaħaq bilanċ tajjeb fil-kapaċità tal-enerġija mill-iskart, filwaqt li tenfasizza r-rwol tal-ġerarkija tal-iskart li tikklassifika l-għażliet tal-immaniġġjar tal-iskart skont is-sostenibbiltà tagħhom, u tingħata l-ogħla prijorità lill-prevenzjoni u lir-riċiklaġġ tal-iskart. Din tgħin biex jiġi ottimizzat il-kontribut tagħhom lejn l-Unjoni tal-Enerġija u biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet għal sħubijiet transfruntiera, meta dan ikun xieraq u jkun skont l-għanijiet ambjentali tagħna.

Il-pakkett li ġie adottat illum mill-Kummissjoni jinkludi wkoll proposta biex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva RoHS). Il-proposta tippromwovi s-sostituzzjoni tal-materjali perikolużi biex wieħed ikun jista' jagħmel iktar profitt mir-riċiklaġġ tal-komponenti. Il-bidliet proposti se jiffaċilitaw iktar l-operazzjonijiet tas-suq tal-oġġetti użati (eż. il-bejgħ mill-ġdid) u t-tiswija tat-tagħmir elettriku u elettroniku. Huwa stmat li bis-saħħa ta' dawn il-miżuri, fl-UE se jiġu evitati iżjed minn 3000 tunnellata ta' skart perikoluż kull sena u se jkun hemm iffrankar tal-enerġija u tal-materja prima. Fis-settur tas-saħħa biss, huwa stmat li jistgħu jiġu ffrankati EUR 170 miljun mill-kostijiet tal-kura tas-saħħa.

Fl-aħħar nett, fir-rapport tagħha dwar il-progress li sar mis-sena li għaddiet 'il hawn, il-Kummissjoni telenka l-miżuri ewlenin li ttieħdu f'oqsma bħall-iskart, l-ekodisinn, l-iskart tal-ikel, il-fertilizzanti organiċi, il-garanziji għall-prodotti tal-konsumatur, u l-innovazzjoni u l-investiment. Bil-mod il-mod il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari ġew integrati fl-aħjar prattiki industrijali, fl-akkwist pubbliku ekoloġiku, fl-użu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, u permezz ta' inizjattivi ġodda fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-ilma. Sabiex it-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari sseħħ tassew, il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jimxu 'l quddiem bl-adozzjoni tal-proposti tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017. Din is-sena, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tkompli twettaq il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, billi twassal proposta għall-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma, strateġija dwar il-plastik u qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari.

Sfond

Fit-2 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett ambizzjuż tal-Ekonomija Ċirkolari. Il-Pakkett jikkonsisti minn Pjan ta' Azzjoni tal-UE b'miżuri li jkopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott: mid-disinn, is-sejbien, il-produzzjoni u l-konsum sal-immaniġġjar tal-iskart u s-suq għall-materja prima sekondarja.

It-tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ċirkolari ġġib magħha opportunitajiet kbar għall-Ewropa u għaċ-ċittadini tagħha. Din hija parti importanti mill-isforzi tagħna biex nimmodernizzaw u nittrasformaw l-ekonomija Ewropea, sabiex tibda tkun iżjed sostenibbli. Wara dan il-ħsieb hemm argument b'saħħtu dwar il-vijabbiltà li jippermetti lill-kumpaniji jagħmlu kisbiet ekonomiċi sostanzjali u jsiru iktar kompetittivi. Twassal iffrankar importanti tal-enerġija u benefiċċji ambjentali. Toħloq impjiegi lokali u opportunitajiet għal integrazzjoni soċjali. Barra minn hekk hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet ewlenin tal-UE, fosthom l-impjiegi u t-tkabbir, l-investimenti, l-aġenda soċjali u l-innovazzjoni industrijali.

Sabiex jintwerew ir-riżultati ewlenin li nkisbu sa issa u sabiex isir dibattitu dwar ir-riżultati futuri mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jorganizzaw Konferenza dwar l-Ekonomija Ċirkolari fid-9 u l-10 ta' Marzu 2017. F'din l-okkażjoni se titħabbar il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari.

Għal Iktar Tagħrif

MEMO: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Il-pjan ta' azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari

Ir-rapport ta' implimentazzjoni

Il-Komunikazzjoni dwar l-Iskart mill-Enerġija

Id-Direttiva RoHS

Pakkett tal-Enerġija Nadifa

Il-Komunikazzjoni dwar pjan ta' ħidma tal-2016-2019 dwar l-ekodisinn

Il-Protokoll tal-UE dwar il-Kostruzzjoni u d-Demolizzjoni

Il-proposta għal Regolament dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti fertilizzanti

L-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku

Il-BEI fl-ekonomija ċirkolari

IP/17/104

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar