Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Brussell, is-26ta' april 2017

Il-ħolqien ta' Ewropa aktar ġusta u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tagħha huma prijorità ewlenija għal din il-Kummissjoni.

Illum qed twettaq il-wegħda tagħha li tadotta proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt ewlenin sabiex jiġu appoġġati swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-Pilastru huwa mfassal bħala kumpass għal proċess rinnovat ta' konverġenza ‘l fuq lejn kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar fl-Ewropa. Huwa maħsub primarjament għaż-żona tal-euro iżda japplika għall-Istati Membri kollha tal-UE li jixtiequ jkunu parti minnu.

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal: “Bħala President tal-Kummissjoni, ili nistinka biex inqiegħed il-prijoritajiet soċjali fil-qalba tal-ħidma tal-Ewropa, fejn huwa posthom. Permezz tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-ewwel sett ta' inizjattivi li jakkumpanjawh, qed inwettqu l-wegħdiet tagħna u qed niftħu kapitlu ġdid. Irridu niktbu dan il-kapitlu flimkien: l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili kollha jridu jieħdu r-responsabbiltà tagħhom. Ix-xewqa tiegħi hija li l-Pilastru jiġi approvat fl-ogħla livell politiku qabel tmiem din is-sena."

Il-Pilastru tħejja mill-Kummissjoni, taħt it-tmexxija tal-Viċi President Dombrovskis u tal-Kummissarju Thyssen, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha. Il-Pilastru jtenni d-drittijiet li diġà jinsabu fl-acquis ġuridiku internazzjonali u tal-UE u jikkomplementahom billi jqis realtajiet ġodda. Il-prinċipji u d-drittijiet imnaqqxa fil-Pilastru huma strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Dawn jiffokaw fuq kif nistgħu nindirizzaw l-iżviluppi l-ġodda fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali sabiex inwettqu l-wegħda tat-Trattati għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali.

Il-kisba tal-prinċipji u tad-drittijiet definiti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hija r-responsabbiltà konġunta tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet tal-UE, tas-sħab soċjali u ta' partijiet ikkonċernati oħrajn. L-istituzzjonijiet Ewropej se jgħinu biex jistabbilixxu l-qafas u jmexxu ‘l quddiem l-implimentazzjoni tal-Pilastru, filwaqt li jħarsu b'mod sħiħ it-tradizzjonijiet tad-djalogu soċjali u l-kompetenzi tal-Istati Membri. Għadd ta' prinċipji u drittijiet inklużi fil-Pilastru se jirrikjedu inizjattivi leġiżlattivi ulterjuri sabiex isiru effettivi. Meta jkun meħtieġ, id-dritt tal-Unjoni eżistenti se jiġi aġġornat, ikkomplementat u infurzat aħjar.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea diġà qed tappoġġa l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b'għadd ta' inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi konkreti oħra, pereżempju dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ġenituri u tal-carers, dwar l-informazzjoni tal-ħaddiema, u dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u dwar il-ħin tax-xogħol. Dawn l-inizjattivi juru kemm in-natura tal-kwistjonijiet koperti mill-Pilastru kif ukoll il-mod kif jistgħu jiġu implimentati l-prinċipji u d-drittijiet tiegħu.

Qed tiġi stabbilita wkoll tabella ta' valutazzjoni soċjali biex tittraċċa x-xejriet u l-prestazzjonijiet fil-pajjiżi kollha tal-UE fi tnax-il qasam u biex tivvaluta l-progress lejn "il-klassifikazzjoni soċjali AAA" għall-UE kollha kemm hi. Din l-analiżi se tikkontribwixxi wkoll għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

It-twettiq tal-prinċipji u tad-drittijiet tal-Pilastru huwa proċess dinamiku. Il-Pilastru se jispira l-ħidma li saret fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u dwar it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja b'konformità mar-Rapport tal-Ħames Presidenti. B'mod partikolari, il-Pilastru għandu jservi biex jerġa' jibda l-proċess ta' konverġenza fi ħdan l-UEM u wħud mill-prinċipji u d-drittijiet jistgħu jistgħu jkunu ta' gwida lejn standards aktar vinkolanti għaż-żona tal-euro. Fil-ġejjieni jista' jkun hemm aktar inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi bħala parti mill-Programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni. Il-fondi Ewropej, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, se jipprovdu wkoll appoġġ finanzjarju biex jiġu implimentati bosta aspetti ewlenin tal-Pilastru.

Il-passi li jmiss

Il-Pilastru qed jiġi ppreżentat illum taħt żewġ forom ġuridiċi bl-istess kontenut: bħala Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li hija effettiva mil-lum, u bħala proposta għal proklamazzjoni konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni issa se tibda diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex taħdem lejn appoġġ politiku wiesa' u lejn approvazzjoni f'livell għoli tal-Pilastru.

Sfond

Fl-UE hemm l-aktar sistemi ta' protezzjoni soċjali avvanzati fid-dinja u bosta mill-aqwa prattiki u innovazzjonijiet soċjali, iżda jeħtieġ li l-UE tiffaċċja l-isfidi soċjetali bla preċedent kif ukoll tadatta ruħha għalihom. Għalkemm il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali madwar l-Ewropa tjiebu u l-impjieg qatt ma laħaq livell daqshekk għoli, il-konsegwenzi ta' wara l-kriżi tal-aħħar deċennju għadhom estensivi, mill-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ għal riskji ta' faqar f'bosta partijiet tal-Ewropa. Fl-istess waqt, id-dinja tax-xogħol u s-soċjetajiet tagħna qed jinbidlu b'rata mgħaġġla, b'opportunitajiet ġodda u sfidi ġodda li ġejjin mill-globalizzazzjoni, mir-rivoluzzjoni diġitali, mit-tibdil fix-xejriet tax-xogħol u mill-iżviluppi demografiċi. Il-livelli kollha tal-awtoritajiet pubbliċi, tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili għandhom ir-responsabbiltà u l-interess li jaħdmu għal Ewropa aktar prospera u aktar reżistenti għall-futur, billi l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali tagħha jimxu id f'id.

Sa mill-bidu nett, waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker kienet l-Ewropa soċjali, kif jidher fil-Linji Gwida Politiċi tagħha ta' Lulju 2014. F'Settembru 2015, matul id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker qal: “Irridu nżidu l-ħidma tagħna favur suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew. (...) Bħala parti minn dawn l-isforzi, se nkun irrid niżviluppa pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, li jqis il-bidla fir-realtajiet fis-soċjetajiet tal-Ewropa u fid-dinja tax-xogħol.

Minn mindu tħabbar dan, il-Kummissjoni bdiet taħdem b'mod attiv mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet tal-UE, mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini fuq il-kontenut u r-rwol tal-Pilastru. F'Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat qafas preliminari tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u nediet konsultazzjoni pubblika wiesgħa biex tiġbor il-feedback, li ġiet konkluża f'Jannar 2017 b'konferenza ta' livell għoli.

Abbażi tal-input li rċeviet matul il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni issa qed tressaq il-proposta tagħha għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li huwa maħsub biex jikseb drittijiet ġodda u aktar effettivi għaċ-ċittadini. Il-Pilastru jispira ruħu direttament mill-bosta prattiki mal-Ewropa kollha, u jibni fuq il-korp b'saħħtu ta' liġijiet li jeżisti fil-livell internazzjonali u tal-UE.

Għal aktar tagħrif

Ara l-MEMO: Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali - Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Further information on the 20 principles and rights under the European Pillar of Social Rights

Report following the public consultation on the European Pillar of Social Rights

Skeda informattiva: Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali

Fuljett: Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali 2017

Għodda online tat-Tabella ta' Valutazzjoni

Sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Stqarrija għall-istampa: It-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Dokument ta' riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-ġejjieni tal-UE

 

Segwi lil Jean-Claude Juncker fuq Facebook u Twitter

Segwi lil Valdis Dombrovskis fuq Facebook u Twitter

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u Twitter, #SocialRights

IP/17/1007

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar